Legislature:
Category:
Reset
Active:

Vetturi klassiċi/storiċi

Question

Fid-dawl tal-benefiċċji għal ħafna oqsma f'Malta li jġib miegħu l-użu ta' vetturi klassiċi u storiċi, jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern għandux il-ħsieb li jintroduċi rati preferenzjali għal ħlas tat-taxxi ta' l-ewwel reġistrazzjoni, VAT jew dazju u tal-liċenzja tat-triq ta' dawn il-vetturi klassiċi u storiċi? Jekk iva, għandu indikazzjoni ta x'inhuma r-rati preżenti tal-ħlas tat-taxxi ta' l-importazzjoni fuq karozzi, muturi u trakkijiet storiċi u klassiċi; x'se jkunu r-rati preferenzjali jekk jidħlu fis-seħħ u għal-liema kategoriji ta' żmien jistgħu japplikaw; kemm sidien se jibbenfikaw; il-gvern hux qed jikkonsulta ma' xi entita'; meta se jidħlu fis-seħħ dawn il-miżuri; u jekk hemmx il-ħsieb ta' xi forma oħra ta' għajnuna lil dawn in-nies? Fl-aħħarnett, jista' l-Ministru jgħid ċar u tond x'inhi l-proċedura eżatta biex persuna timporta vettura klassika f'Malta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-importazzjoni ta` karozzi klassiċi li jkollhom aktar minn ħamsin sena hija regolata b`rati speċjali ta` taxxa ta` reġistrazzjoni li daħlu fis-seħħ f`Awissu 1996. Dawn il-vetturi jħallsu bir-rata speċjali ta` 11% jew 16.5% fuq il-valur tal-vettura u skond is-saħħa tal-magna. Karozzi normali jħallsu bir-rata ta` bejn 50.5% (iżda mhux inqas minn Lm850) u 75% (iżda mhux anqas minn Lm7,000) fuq il-valur tal-vettura u skond is-saħħa tal-magna. Peress li ġeneralment dawn il-vetturi jkunu jiffurmaw parti minn xi kollezzjoni, ma jkunux suġġetti għal ħlas annwali tal-liċenzja tat-triq. Meta dawn il-vetturi jkunu ser jiġu wżati fit-triq għal skopijiet ta` esebizzjoni u għal skopijiet filantropiċi, dawn il-vetturi jinħarġilhom permess speċjali għal ħlas nominali ta` Lm1. Id-Dipartiment tal-Liċenzji u Testijiet ma jistax jgħid kemm sidien ibbenifikaw jew jistgħu jibbenifikaw minn din il-miżura. Il-proċedura biex persuna timporta f`Malta vettura klassika hija l-istess bħal dik ta` vettura normali, iżda trid tkun akkumpanjata b`ċertifikat minn xi awtorita` rikonoxxuta fejn ikun stipulat li għandha aktar minn ħamsin sena.
Leg 9 PQ #16033 Sitting 293 2000-05-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Uniformijiet

Question

Waqt li tiġi rispettata l-awtonomija ta' l-iskejjel tal-gvern, jistgħu jinħargu linji gwidi għall-kapijiet u l-kunsilli skolastiċi dwar meta u kif jiddaħħlu uniformijiet ġodda għall-istudenti, fid-dawl li hemm każi fejn kapijiet qed jimponu uniformijiet, anorak u track suits li jiswew ħafna flus li huma ta' piż żejjed fuq il-ġenituri?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-kapijiet ta' l-iskejjel kull meta jiġu biex jibdlu uniformi jikkonsultaw mal-membri ta' l-istaff u mal-ġenituri permezz tal-Kunsill ta' l-Iskola. Ħafna drabi t-talba għal track suit u anorak tiġi minn naħa ta' l-istudenti u, jew ġenituri. Ħafna skejjel jgħinu wkoll b'diversi mezzi familji li jsibu xi diffikulta` dwar l-uniformi. Kull meta skola tiddeċiedi li tagħmel xi tibdil fl-uniformi dan it-tibdil jibda jgħodd għat-tfal il-ġodda u l-uniformi l-ġdida tidħol fuq medda ta' sentejn jew iżjed. Żgur ukoll li jekk irridu intejbu l-image ta' l-iskejjel ta' l-Istat, il-kapijiet iridu jeżiġu li tfal jilbsu l-uniformi sħiħa.
Leg 9 PQ #16035 Sitting 293 2000-05-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Ambjent

Irziezet tal-Ħut

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi studji saru dwar l-impatt ta' l-irziezet tal-ħut fuq l-ekosistema tal-baħar fejn jinsabu? Jirriżulta li qed inniġġsu l-inħawi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Kull applikazzjoni għall-irziezet tal-ħut tiġi sottoposta għal studju ta' l-impatt ambjentali bħala parti mill-proċessar ta' l-istess applikazzjoni mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Barra minn hekk, bħala kundizzjoni għal permess maħruġ mill-Awtorita', l-iżviluppatur hu rikjest li jimmoniterja s-sit bil-għan li jiġi stabbilit l-impatt li l-iżvilupp ikollu fuq l-ambjent. Ir-rapporti ta' dan il-monitoraġġ jintbagħat lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar.
Leg 9 PQ #16036 Sitting 293 2000-05-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Antenna — Mobile Phones

Question

Jista' l-Ministru jerġa' jivverifika jekk l-antenna li titwaħħal fuq l-iskejjel u ħdejn inħawi residenzjali biex iwassal is-sinjali u t-trasmissjonijiet tal-mobile phone b'xi mod jew ieħor hijiex jew tistax tkun ta' ħsara għas-saħħa tal-persuni milquta?

Response (DEGUARA, LOUIS)

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 16036, nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Diviżjoni tas-Saħħa, qiegħda tistudja l-possibilta' jekk dawn l-antenne jistawx ikunu ta' ħsara għas-Saħħa Pubblika. B'dan il-għan ġie maħluq Bord, minn rappreżentant tas-Saħħa Pubblika, Direttur tal-Wireless and Telegraphy, kif ukoll espert fuq din il-materja. Jekk ikun il-każ, jinħareġ `Code of Safety Standards' għal Malta fuq standards internazzjonali. Tali standards jibdew jiġu annessi bħala kundizzjoni mal-liċenzja relatata li tiġi maħruġa mid-Direttur tal-Wireless and Telegraphy. Fost diversi każijiet ta' stħarriġ li saru minn ħafna istituzzjonijiet madwar id-dinja, fosthom fir-Renju Unit, sa llum f'ebda wieħed ma nstabu provi li t-trasmissjonijiet li ġejjin minn stazzjonijiet tal-mobile phones (apparat ċellulari) huma ta' dannu għas-saħħa tal-persuni.
Leg 9 PQ #15727 Sitting 292 2000-05-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

School Library Service

Question

B'riferenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 14826 fejn il-Ministru qal li hemm bżonn ta' aktar persuni fl-SLS, u li ħafna minnhom ikunu kwalifikati, kif jista' jispjega li tneħħiet persuna kwalifikata minn dan il-post skond ma jidher mir-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 14827? X'effett kellu fuq is-servizz dan it-transfer?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Assistant Librarian konċernata ġiet deployed mad-Dipartiment tal-Libreriji u l-Arkivji wara li ġiet promossa fuq applikazzjonijiet mnedija mill-PSC.
Leg 9 PQ #15728 Sitting 292 2000-05-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Korporazzjoni tal-Port Ħieles

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet il-konsiderazzjoni tiegħu b'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 12363?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-proposta ta' konsulenza mill-Korporazzjoni tal-Port Ħieles sar qbil dwarha u, wara l-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi, ġie ffirmat il-ftehim.
Leg 9 PQ #15729 Sitting 292 2000-05-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel Statali — Manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 13544?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 15441 f'Seduta 284 tat-12 ta' April 2000 meta l-informazzjoni tpoġġiet fuq il-Mejda.
Leg 9 PQ #15730 Sitting 292 2000-05-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

Dħul — Professjonisti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 14320?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li m`għandi xejn x`inżid mar-risposta li tajt fil-Mistoqsija Parlamentari Numru 15456.
Leg 9 PQ #15731 Sitting 292 2000-05-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Furjana — Ċelebrazzjonijiet tal-Millenju

Question

Jista' issa li għaddew erba' xhur il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 12360?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub f'din il-Mistoqsija u fil-Mistoqsijiet numri 12240, 12450, 12511, 12514, 12904 u 15731 qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Oriġinarjament, iċ-ċelebrazzjonijiet nazzjonali tal-Millennju kellhom ikunu ġestiti u ffinanzjati minn kuntrattur privat li lejn l-aħħar ta' Settembru 1999 kien informa lill-Gvern li ċirkostanzi prevalenti ma kienux jippermettulu li jkompli l-impenji li kien ser jidħol għalihom. Il-Gvern iddeċieda li jidħol hu għal dawn l-impenji, minkejja l-perjodu qasir ta' anqas minn tliet xhur li kien fadal sa l-aħħar tas-sena. F'dawn iċ-ċirkostanzi il-Kumitat Nazzjonali għaċ-Ċelebrazzjonijiet ibbaża l-proċedura tan-nefqa meħtieġa kif jitolbu r-regolamenti finanzjarji fil-provvedimenti tal-Paragrafu 4 (4) ta' l-Avviż Legali Nru. 70 tas-sena 1996, Public Service (Procurement) Regulations, 1996, maħruġ taħt il-Financial Administration and Audit Act (Cap. 174).
Leg 9 PQ #15732 Sitting 292 2000-05-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Air Malta — Privatizzazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jinformana jekk fil-pjani tal-gvern dwar privatizzazzjoni ta' l-Air Malta hux qed jikkontempla li: (a) ibiegħ perċentwali ta' l-ishma tal-kumpannija; jew (b) ibiegħ dipartimenti jew sezzjonijiet tal-kumpannija; jew (c) ibiegħ uħud mill-kumpanniji li jiffurmaw l-Air Malta Group? Jista' jinformana x'passi hemm maħsubin biex jiggarantixxi l-impjieg lill-ħaddiema li, minħabba l-privatizzazzjoni ppjanata u minħabba n-natura ta' l-impjieg attwali tagħhom, jistgħu jkunu żejda fuq il-kotba ta' l-Air Malta? Jista' jinformana xi pjani hemm biex l-Air Malta ssostni l-qagħda finanzjarja tagħha wara li jonqsilha d-dħul normali minħabba privatizzazzjoni sħiħa jew parzjali? Jista' jikkonferma jekk sarux xi kuntatti mal-partijiet soċjali nvoluti, fosthom l-unions? Jista' jikkonferma jekk fin-negozjar dwar privatizzazzjoni ta' l-Air Malta hux se jkunu nvoluti l-istess persuni li nnegozjaw il-bejgħ tal-Mid-Med Bank lill-HSBC?

Response (BONNICI, JOSEF)

Fil-prezent ghadu prematur li wiehed jitkellem dwar pjan specifiku ghall-privatizazzjoni ta` l-Air Malta peress li dan it-tip ta` pjan ghad irid jitfassal. L-ghazliet elenkati mill-Onorevoli Interpellant huma kollha miftuha u wahda ma teskludix lill-ohra. Fil-mument li l-Gvern jasal li jidentifika l-pass li jmiss f`dan il-process, isiru l-konsultazzjonijiet mehtiega ma` l-Unions u entitajiet ohra koncernati. F`dak il-mument min-naha tal-Gvern jigi stabbilit min ser ikun involut fl-aspetti relevanti tal-process ta` privatizazzjoni.
Leg 9 PQ #15630 Sitting 291 2000-05-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

UE — European studies

Question

Fuq liema sillabu ta' liema pajjiż fl-Unjoni Ewropea huwa mfassal is-suġġet tal-European Studies li l-gvern irid idaħħal fl-iskejjel sekondarji? Se jkun hemm eżami tas-Sec tiegħu? X'garanzija għandu l-gvern li s-senat ta' l-Universita' se jaċċetta li jkun hemm eżami tas-Sec tiegħu meta ġie imfassal malajr malajr?

Response (GALEA, LOUIS)

a) Informat li Kummissjoni magħmula minn tliet Uffiċjali Edukattivi mid-Dipartiment tal-Kurrikulu għadha kif iffinalizzat l-abbozz tas-sillabu ta' l-Istudji Ewropej intiż għal-livell tas-Secondary Education Certificate. Biex ħadmet fuq dan l-abbozz, din il-Kummissjoni kkonsultat diversi sillabi u programmi minn diversi pajjiżi l-aktar dawk tar-Renju Unit u ta' l-Irlanda. F'dik il-parti tas-sillabu li tgħamel emfasi fuq il-kontenut, il-Kummissjoni ikkonsultat kemm is-sillabu tal-GCSE 'European Studies'SEG 1161 (li sa l-1998 kien mgħallem fuq il-livell ordinaru), ukoll kif issa ġie żviluppat u mħaddem fuq livell intermedju (magħruf bħala Advanced Special). F'dik il-parti tas-sillabu li tagħmel emfasi fuq ħiliet u attitudnijiet, il-Kummissjoni mhux biss rat l-istess programmi ta' l-Associated Examining Board, imma ħadet ukoll xi idejat mill-proġett imsejjaħ 'In Search of Europe' kif żviluppat u mħaddem mill-ko-awturi Gerry Jeffers u Mary-Anne Halton. Dan it-tagħrif u ieħor, l-Uffiċjali Edukattivi inkarigati, ġabruh kemm minn siti fuq l-internat (ngħidu aħna, minn www.european-studies.org.) kif ukoll b'kuntatti elettroniċi (ara Gerry Jeffers: ty@blackrock-edu.ie) u anke permezz ta' laqgħat man-nies konċernati fil-Blackrock Education Centre, f'Dun Laoghaire, Dublin, l-Irlanda. b) Is-Sillabu ta' ll-Istudji Ewropej huwa maħsub bħala għażla li l-istudenti jagħmlu ma' tmiem it-tieni sena fil-Junior Lyceums. Huwa imfassal biex jinħadem fuq perjodu ta' tliet snin li jwasslu għall-eżami tas-SEC. c) Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni għandha r-rappreżentanti tagħha fuq il-Bord tal-MATSEC li qed jaħdmu id f'id ma' l-uffiċjali ta' l-Universita` ta' Malta biex l-abbozz finali jitressaq għand is-Senat fl-iqsar żmien possibbli.
Leg 9 PQ #15631 Sitting 291 2000-05-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — European studies

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex se jkun jikkonsisti s-sillabu tal-European Studies li se jiddaħħal fi skejjel sekondarji? Kif se jitħarrġu l-għalliema biex jgħallmu dan is-suġġett? Kemm se jingħataw taħriġ? Min se jħarriġhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li Kummisjoni magħmula minn tliet Uffiċjali Edukattivi mid-Dipartiment tal-Kurrikulu qegħdin bħalissa jiffinalizzaw l-abbozz tas-sillabu ta' l-Istudji ta' l-Ewropa fil-livell tas-SEC. Ma' dan is-sillabu qed jitlesta wkoll sillabu għall-iskejjel li jibda jaħdem bħala għażla ta' suġġett ta' speċjalizzazzjoni fil-klassijiet sekondarji tat-Tielet Sena. Dan ta' l-aħħar ikun parti minn kors ta' tliet snin li jwassal għall-eżami tas-SEC li hemm ħsieb li jsir għall-ewwel darba fis-sena 2003. L-abbozz tas-sillabu jkunu tlestew sal-bidu ta' Mejju. Is-Sillabu se jkun maqsum f'ħames temi ewlenin u kull tema tkun maqsuma f'sezzjonijiet marbutin magħha. It-temi ewlenin huma: a) Poter u l-popli Ewropej b) Żvilupp ekonomiku u tibdil fl-Ewropa c) Demografija u realtajiet soċjali fl-Ewropa d) L-Ewropej u l-Ambjent ta' madwarhom d) Kulturi Ewropej Għall-fini ta' dan is-sillabu l-Ewropa hija meqjusa li testendi mill-Baħar l-Abjad fit-Tramuntana sal-Mediterran, inkluż il-gżejjer u mill-Atlantiku fil-Punent sa l-Urali fil-Lvant. L-assessjar fis-SEC isir permezz ta' żewġ karti (1 u 2A jew 2B) (li jkunu maħsubin biex jassessjaw l-għerf u fehma tal-kontenut), u 'coursework' jew proġett pro-attiv (maħsub biex isaħħaħ il-ħiliet u l-attitudnijiet). Informat ukoll li l-għalliema ta' dan is-suġġett sejrin jingħażlu u se jkunu mħarrġa skond l-ittra ċirkulari DPD 30/2000 datata 30/3/2000 u li ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'xi Seduta. It-tliet uffiċjali li ħadmu fuq dan is-sillabu flimkien ma' nies kompetenti oħra mill-Universita` u mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni qed jaħdmu fuq programm ta' taħriġ li għandu jibda jitwettaq minn dawn l-istess nies minn Mejju 2000.
Leg 9 PQ #15632 Sitting 291 2000-05-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Libreriji Pubbliċi

Question

Peress li l-Ordinanza tal-Libreriji Pubbliċi (Kapitlu 92) tinkludi sheet of music li tiġi depożitata bħal kull ktieb, ġurnal ... li joħroġ legalment, fl-aħħar għaxar snin kemm kien hemm kompożizzjonijiet mużikali lokali li ġew depożitati f'libreriji pubbliċi lokali?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-aħħar għaxar snin ma ġew dopożitati ebda 'sheets of music' ta' kompożizzjonijiet mużikali lokali, fil-libreriji pubbliċi lokali. Informat ukoll li ma jirriżultax li fil-perjodu msemmi ġie stampata u ppubblikata f'Malta mużika li b'hekk kienet trid tkun depożitata skond kif titlob l-Ordinanza tal-Libreriji Pubbliċi (Kapitlu 92). Irriżulta, iżda, li l-kopmpożizzjonijiet mużikali Maltin (lokali), normalment jinqraw minn fuq manuskritti u fotokopji ta' manuskritti u mhux minn fuq 'sheets of music' stampati u ppublikati.
Leg 9 PQ #15724 Sitting 291 2000-05-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Freeport — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi biex jitjiebu r-relazzjonijiet bejn il-management u l-ħaddiema fil-Freeport? Għaliex il-management qed itertaq qalb il-ħaddiema dwar l-għoti tal-leave?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-Onorevoli Interpellant ghandu jkun jaf li l-management tal-Korporazzjoni tal-Port Hieles minn dejjem ha hsieb li jzomm l-ahjar relazzjonijiet mal-haddiema tieghu. Tant hu hekk, li fuq bazi regolari, jinzammu laqghat li jkopru diversi suggetti. Rigward l-ghoti tal-frank, il-Management dejjem jimxi fuq dak li jipprovdi l-Ftehim Kollettiv.
Leg 9 PQ #15725 Sitting 291 2000-05-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kanzunetta għall-Ewropa — Video

Question

Jista' l-Ministru jgħid min ipproduċa l-video għal kanzunetta rebbieħa tal-festival tal-kanzunetta għall-Ewropa? Saret sejħa għal offerti? Jikkonferma li fuq il-kumitat għal kanzunetta għall-Ewropa hemm impjegat, li ismu qed jintbagħat separatament, tal-picture box li pproduċiet il-video? Dan jista' jitqies bħala konflitt ta' interess?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-"Video Clip" tal-Kanzunetta "Desire" li ser tirrappreżenta lil Malta fil-45 Edizzjoni ta' l-Eurovision Song Contest ġie prodott, bħal f'xi okkażjonijiet oħra, mill-Kumpanija "Picture Box", wara li l-ewwel il-PBS ġie offrut jipproduċu l-video huma iżda ma aċċettawx. Kemm ilhom isiru dawn il-videos, taħt kull amministrazzjoni, qatt ma ġew mogħtija bl-offerta. Informat ukoll li l-persuna ndikata hija mpjegata tal-"Picture Box". Iżda l-kumitat tal-Kanzunetta Maltija għall-Ewropa ma jidhirlux li hemm każ ta' konflitt ta' interess peress li l-ftehim sar mal-mexxejja tal-Kumpanija "Picture Box".
Leg 9 PQ #15726 Sitting 291 2000-05-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Tindif

Question

Peress li ċerti skejjel, per eżempju, Teresa Nuzzo tal-Ħamrun u Ġanni Cilia ta' l-Imġarr, m'għandhomx staff biex inaddfu u hemm fejn qed ikollhom inaddfu l-istudenti jew il-ġenituri, jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi biex ikollhom l-istaff meħtieġ biex iżommu l-iskejjel indaf?

Response (GALEA, LOUIS)

Iva, qed jittieħdu l-passi meħtieġa.
Leg 9 PQ #15578 Sitting 290 2000-05-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Persuni mħarrka

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna ġiet mħarrka matul Jannar u Frar u Marzu separatament talli f'dawn il-grounds tal-football kissru l-liġijiet: (a) l-istadium nazzjonali; (b) il-Victor Tedesco Stadium; (ċ) Is-Centenary Stadium; (d) il-ground tal-Hibernians; (e) il-Gozo Stadium; u (f) il-Pace Grasso? X'kienu l-akkużi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-taghrif mitlub mill-Onor. Interpellant huwa kif jidher fit-Tabella li qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #15579 Sitting 290 2000-05-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Joint Office — Kawżi l-qorti

Question

Bħala l-Ministru responsabbli mill-Joint Office dwar artijiet eċċ tal-Knisja li għaddew għand il-gvern bi ftehim, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm kawżi l-Qorti dwar artijiet, djar eċċ li kienu tal-Knisja u li kieku ma kienx hemm kawżi kienu jgħaddu għand il-gvern? Jista' jgħid f'liema lokalitajiet qegħdin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li hemm 23 kawza pendenti quddiem il-Qorti dwar proprjeta` tal-Knisja li ma tistax tghaddi ghand il-Gvern minhabba li hemm kawza. Dawn jinsabu fil-lokalitajiet li gejjin : - Malta Ghawdex Attard 2 Gharb 1 Blata l-Bajda 1 Ghasri 1 Ghaxaq 1 Nadur 2 Imtarfa 1 Qala 4 Mqabba 1 Victoria 2 Rabat 2 San Pawl il-Bahar 1 Senglea 1 Siggiewi 1 Sliema 1 Zebbug 1
Leg 9 PQ #15580 Sitting 290 2000-05-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kummissjoni Elettorali — Spiża

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb għall-mistoqsija parlamentari numru 15034 dwar l-infiq għall-elezzjonijiet għal kunsilli lokali tal-11 ta' Marzu?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Kif diġa nfurmajt lill-Onorevoli Interpellant fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 15034, l-informazzjoni għadha qed tinġabar u risposta tingħata meta l-Uffiċċju Elettorali jkun irċieva l-kontijiet kollha u jiġi ffinaliżżat ir-rendikont sħiħ.
Leg 9 PQ #15627 Sitting 290 2000-05-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tat-Turiżmu

ITS — Studenti

Question

B'riferenza għall-każ ta' l-istudenta li, id-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li qed tistudja fl-Institute for Tourism Studies, ma jidhirlux li skond 5.6 dwar Attendance and Absence Reporting id-Direttur jista' jeżentaha għax iqis exceptional case, il-fatt li hi jkollha tassenti ruħha biex toqgħod għall-eżamijiet li jservuha għall-edukazzjoni u l-karriera tagħha fit-turiżmu?

Response (REFALO, MICHAEL)

Naħseb li l-Onor. Interpellant diġa' jaf li l-istudenta in kwistjoni kienet resqet l-ilment tagħha lili. Wara li stħarriġt il-każ u ksibt l-informazzjoni meħtieġa tajtha tweġiba bil-miktub fejn għidtilha li kont tal-fehma li d-deċiżjoni meħuda mill-Awtoritajiet tal-'I.T.S.' kienet skond ir-regolamenti. Ma jidhirlix li din hi kwistjoni ta' opinjoni iżda waħda fejn student irid joqgħod għar-regolamenti.