Jista' l-Ministru jgħid kemm ilu magħluq il-Mużew tal-Gwerra? Xi pjani futuri hemm għalih?
Xi pjani futuri hemm għall-Mużew ta' l-Istorja Naturali li hemm fl-Imdina?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Mużew tal-Gwerra ilu magħluq minn Marzu ta' din is-sena. Il-Mużew kellu jingħalaq minħabba xogħlijiet urġenti li kellhom isiru inkluż fis-saqaf tan-naħa tax-xellug tal-Mużew.
B'riferenza għat-tieni parti tal-mistoqsija, fil-futur huwa ppjanat li barra minn xogħol estensiv ta' manutenzjoni lill-bini nnifsu, bħala xogħol ta' tikħil, kisi u tibjid, xogħol ta' żebgħa ta' injam bibien, twieqi, eċċ., għandha ssir ukoll bidla totali fis-sistema tad-dawl elettriku tal-mużew. Id-dawl eżistenti huwa bażiku u jservi kemm idawwal il-post. Ukoll, barra minn dawn ix-xogħlijiet ta' manutenzjoni għandu jsir "up-grading" ġenerali fis-sistema ta' display jew esebizzjoni ta' l-oġġetti li hemm fil-mużew. Għal dan il-għan, huwa ppjanat li jiġu ntrodotti xi vetrini ġodda adattati għal dan it-tip ta' mużew. Bħala parti importanti ta' dan l-aħħar pjan huwa pprogrammat li ssir ukoll riorganizzazzjoni ta' l-esibiti biex dawn jiġu ppreżentati aħjar.
Informat ukoll li fil-mużew ta' l-Istorja Naturali u fuq il-Palazz Vilhena bħalissa, qegħdin isiru xogħlijiet estensivi ta' tiswija.
Hemm pjan biex fil-futur ikollna Mużew ta' l-Istorja Naturli li jkollu ċerti sezzjonijet li jagħtu aktar importanza għall-ekosistemi u ambjenti Maltin.
Jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw studenti universitarji għal xogħol fis-sajf iffinanzjat mill-fondi tal-ministeru?
X'tip ta' xogħlijiet differenti se jkunu jagħmlu? Kemm se jdumu jaħdmu u kemm se jitħallsu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li applikaw 1250 student universitarju għal xogħol fis-sajf iffinanzjat mill-fondi tal-Ministeru.
L-istudenti sejrin jingħataw xogħol fuq proġetti ta' ħtieġa fl-oqsma ta' l-edukazzjoni u sport, ħarsien soċjali partikolarment ħidma komunitarja, u ħarsien u konservazzjoni ta' l-ambjent kif ukoll fuq proġetti ppreżentati minn organizzazzjonijiet ta' studenti universitarji nfushom. B'kollox l-istudenti ser ikunu jaħdmu fuq 190 proġett.
Kull student qiegħed ikun offrut perjodu minimu ta' xogħol ta' erba' ġimgħat li l-ħlas tiegħu huwa ta' Lm132.
Studenti jistgħu jiġu offruti perjodi itwal skond in-natura tal-proġettli jkunu fih.
Jista' l-Ministru jgħid x'rati ta' ħlasijiet se jiċċarġja ċ-Ċentru tar-Restawr lill-gvern għal xogħol ta' restawr li se jkun qed jagħmillu?
B'dawn ir-rati l-gvern se jkun qed iħallas ogħla milli kieku jiġih s'issa l-istess xogħol ta' restawr?
Jista' l-Ministru jgħid jekk għas-sena skolastika li ġejja hux se jiġu reklutati studenti għall-ewwel sena: (a) fl-iskola ta' l-arti ta' Tarġa Gap; (b) fl-iskola tas-snajja' tal-Marsa; u (ċ) fl-iskola tas-snajja' tan-Naxxar?
Response (GALEA, LOUIS)
Iva, ser jiġu reklutati studenti għall-ewwel sena fl-iskola ta' Tarġa Gap u għall-ewwel sena fit-Technology B fl-iskola tas-Snajja' tan-Naxxar.
Kif diġa` għidt fil-pubbliku l-istudenti li ser jagħżlu Technology Education ser jagħmlu s-suġġett fl-iskola sekondarja fejn qiegħdin.
Jista' l-Prim Ministru jgħid b'liema proċeduri mtela' l-post ta' assistent direttur administration, fl-Isptar Monte Carmeli mis-Sur Edward J. Borg?
Meta ħarġet sejħa għal dan il-post? Kemm applikaw? Min applika? Meta saru l-intervisti?
X'kondizzjonijiet għandu s-Sur Borg bħala assistent direttur? X'allowances għandu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-pożizzjoni ta' Assistent Direttur, Amministrazzjoni, fl-Isptar Monte Carmeli mtliet bl-approvazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. L-uffiċċjal imsemmi, li kien diġa' ingħata l-ħatra ta' Assistent Direttur f'Ministeru ieħor, nħatar fil-pożizzjoni l-ġdida għax kellu esperjenza unika dwar it-tmexxija amministrattiva ta' l-isptar peress li għal żmien twil kien diġa' nvolut fir-riforma li qed iseħħ fl-istess sptar.
Il-kundizzjonijiet u benefiċċji li għandu dan l-uffiċċjal bħala Assistent Direttur huma dawk applikabbli għall-Assistenti Diretturi l-oħra.
Jista' l-Ministru jgħid liema ditti ta' avukati ngħataw il-kuntratti biex iħejju rapporti dwar l-impatt tar-regolamenti tal-Unjoni Ewropea fuq oqsma differenti tal-pajjiż? Kif intgħażlu? Kemm se jitħallsu dawn id-ditti tax-xogħol li qed jagħmlu? Kemm kien hemm ditti li tefgħu l-offerta għal dawn ix-xogħlijiet? Liema huma?
Response (BORG, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li l-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin ma ħareġ l-ebda kuntratt ma ebda ditta biex jitħejjew rapporti dwar l-impatt tar-regolamenti tal-Unjoni Ewropeja fuq oqsma differenti tal-pajjiż. Il-kuntratti sabiex jitħejjew ir-rapporti msemmija ġew ikkummissjonati mill-Ministeri skond is-suġġett li dwaru jkun intalab ir-rapport. Għaldaqstant, il-partijiet l-oħra tal-Mistoqsija Parlamentari mhumiex applikabbli.
Jista' l-Ministru jgħid fejn waslu l-pjani tal-gvern biex titwaqqaf il-Qorti tal-Familja?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-Kummissjoni dwar il-Qorti tal-Familja, li kienet ġiet imwaqqfa fl-1996, bdiet tiltaqa` f`Jannar tal-1997 u ppubblikat ir-Rapport tagħhaf`Lulju ta` dik l-istess sena.
Ma jidhirx li dan ir-Rapport, dak iż-żmien, kien ingħata l-importanza li tisthoqqlu - tant li jien stess f`April tal-1999 kont ippublikajt studju tiegħi dwaru u anki awgurajt li dak li ħejjejt jien jiġi analiżżat u diskuss minn dawk kollha li b`xi mod jew ieħor jinteressaw ruħhom fil-materja.
Minn dak iż-żmien l`hawn saru numru ta` laqgħat bejn il-Ministeru tiegħi, dak tal-Politika Soċjali, l-Avukat Generali u s-Social Welfare Development Programme biex jiġu finaliżżati kemm l-istrutturi kif ukoll leġislazzjoni.
Saru wkoll `drafts` preliminari ta` leġislazzjoni iżda għad m`hemmx `draft` finali.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-programm għal din is-sena li fassal il-Kumitat għar-riabilitazzjoni tal-belt ta' l-Imdina dwar manutenzjoni u restawr ta' bini u monumenti f'din il-belt antika?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 15427 (Seduta 284).
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru ċitazzjonijiet mill-pulizija f'dawn l-ewwel tlett xhur tas-sena għaliex vetturi daħlu l-Imdina illegalment?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul l-ewwel tlett xhur ta` din is-sena kien hemm 50 persuna li ingħataw ċitazzjoni talli kisru r-regolamenti dwar restrizzjoni ta` dħul u passaġġ fl-Imdina.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-pulizija mhux qed tieħu azzjoni kontra dawk il-vetturi kummerċjali li biex iħotti l-merkanzija qed jimblukkaw it-triqat tal-Imdina għal ħin konsiderevoli peress li kostitwenti tiegħi qed jilmentaaw li dan qed isir fuq bażi regolari u ma jkunux jistgħu jgħaddu bil-vetturi tagħhom minħabba dawn il-vetturi kummerċjali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Pulizija ma kelliex rapporti dwar l-ilment li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant. Minkejja dan, il-Pulizija tal-lokal ġew mogħtija struzzjonijiet sabiex jgħassu ħalli ma jkunx hemm dan l-abbuż.
Jista' l-Ministru jgħid kemm il-każ ġdid ta' separazzjoni tressaq quddiem il-Qorti matul l-ewwel tlett xhur tas-sena? Kemm il-każ ġie deċiż matul l-istess żmien? Kemm il-kawża giet irtirata? X'inhu n-numru totali ta' kawżi ta' separazzjoni li hemm quddiem il-Qorti?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li:
a. Matul l-ewwel tlett xhur tas-sena tressqu 47 kawża ġdida ta`
separazzjon,
b. Matul l-istess żmien ġew deċiżi 11-il każ u 5 degretati,
c. Gew ċeduti 23 kawża u 1 deżerta,
d. Hemm pendenti total ta` 495 kawża fil-Prim`Awla u 11-il kawża
quddiem il-Qorti ta` l-Appell.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li tul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2000 ħallsu lira biex iżuru t-tempji ta' Ħal Tarxien u l-Mużew Arkeoloġiku tal-Belt?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat illi l-persuni li żaru l-Mużew ta' l-Arkeoloġija (L-Belt) u t-Tempji ta' Ħal Tarxien minn Jannar sa Marzu 2000 huma kif ġejjin:
2000 Mużew Arkeoloġiku Tempji ta' Ħal Tarxien
Jannar 1,720 1,184
Frar 1,800 2,654
Marzu 2,906 2,177
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal l-ipproċessar tat-tender għall-introduzzjoni tal-makni elettroniċi tal-biljetti awtomatiċi għad-dħul fil-mużewijiet u siti storiċi f'pajjiżna? Kemm intefgħu offerti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ipproċessar tat-tender għall-introduzzjoni tal-makni elettroniċi tal-biljetti awtomatiċi għad-dħul fil-mużewijiet u siti storiċi għadu mhux lest. B'kollox intefgħu 8 offerti.
Jista' l-Ministru jara jistax isir eżerċizzju biex jiġi stabbilit tul l-1999 x'kienet il-kontribuzzjoni settorjali għad-dħul totali mill-income tax minn impjegati b'livelli ta' salarji differenti, professjonijiet, dawk li jaħdmu għal rashom, kumpanniji, bdiewa, sajjieda?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u ser tingħata f`seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti l-ħsara li żviluppat dan l-aħħar fis-saqaf tas-sala tal-iskola sekondarja Antonio Bosio tal-Gzira?
Xi spezzjonijiet saru dwar din il-ħsara? X'irriżulta minn dawn l-ispezzjonijiet? X'periklu tikkonstitwixxi? Meta se tissewwa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ilma tax-xita daħal fil-konkrit tas-saqaf tas-sala ta' l-iskola sekondarja Antonio Bosio, Gżira; saddad lix-xibka tal-ħadid u din qasmet il-konkrit li partijiet minnu waqgħu għal isfel.
Wara spezzjonijiet, saru t-tiswijiet meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid, minn Settembru 1998 sal-lum, kemm-il darba ġew ikkuntattjati l-pulizija biex jagħmlu spezzjonijiet għall-għarrieda dwar abbużi fil-bejgħ ta' biljetti tad-dħul fil-mużewijiet u siti storiċi ta' pajjiżna?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-taqsima ta' l-economic crime fid-dipartiment tal-Pulizija ġiet infurmata bil-problemi relatati ma' abbużi fil-bejgħ ta' biljetti fil-mużewijiet u siti storiċi fil-perjodu indikat. Din it-taqsima inagħatat kull informazzjoni, dokumentazzjoni u għajnuna relevanti biex tkun tista' tagħmel spezzjonijiet neċessarji. Din l-għajnuna għadha qed tingħata.
Spezzjonijiet simili qed isiru anke mill-uffiċju tal-verifika intern fi ħdan il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni.
Miżuri oħra ta' għajnuna ġew fis-seħħ fid-Dipartiment tal-Mużewijiet. Dawn jinkludu t-tqassim ta' uffiċċjali b'inkarigu permanenti għall-ħarsien u management ta' mużewijiet u siti. Dawn l-uffiċjali, fil-grad ta' Museum Officers, kollha ġew inkarigati minn mużew jew sit speċifiku. Din il-miżura, li daħlet wara xi 30 sena, iġġib magħha aktar responsabilita` u accountability ċara f'dak li huwa bejgħ ta' biljetti.
Jista' l-Ministru jgħid minn Settembru 1998 sal-lum jekk sarx xi studju fuq bejgħ ta' biljetti tad-dħul fil-mużewijiet u f'postijiet storiċi biex jiġi stabbilit jekk jirriżultax li meta ċerti individwi jkunu xogħol f'dawn il-postijiet dejjem jinzerta li d-dħul għall-gvern ikun inqas minn meta jkunu xogħol sħabhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li minn Settembru 1998 sal-lum sar u qiegħed isir studju fuq l-istatistika ta' bejgħ ta' biljetti tad-dħul fil-mużewijiet u f'postijiet storiċi. Dan l-istudji iżda mhuwiex konklussiv fir-rigward tal-linji suġġeriti mill-Onor. Membru.
Jista' l-Ministru jgħid x'xogħlijiet saru fid-diversi mużewijiet u siti storiċi fl-ewwel erba' xhur ta' din is-sena? Jista' jagħti t-tagħrif post post?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xogħlijiet fid-Dipartiment tal-Mużewijiet saru kif ġej:
Mużew ta' Għar Dalam
Preparazzjoni tad-display u information panels.
Mużew tal-Gwerra
Bdil ta' soqfa perikolużi u kostruzzjoni ta' toilets ġodda.
Mużew ta' l-Istorja Naturali
Preparazzjoni ta' tender biex jinbidel saqaf perikoluż. It-tender ġie ippublikat u qiegħed jiġi proċessat.
Mużew Nazzjonali ta' l-Arkeoloġija
a) Preparazzjoni ta' tender għal xiri ta' display cases
b) Preparazzjoni ta' information panels
c) Tindif ta' mħażen taħt il-mużew u fi Strada Karri.
Hypogeum
a) Kummissjoni ta' l-apparat mill-kuntrattur
b) Preparazzjoni ta' tender għal Audio Visual
c) Applikazzjoni ta' materjal kontra s-sadid lill-'walkways'.
Mużew ta' l-Arti
a) Preparazzjoni ta' tender għal bdil ta' soqfa perikolużi.
It-tender ġie ippublikat u qiegħed jiġi proċessat
b) Beda xogħol ta' restawr fuq l-istatwa ta' Kristu Re
c) Beda xogħol ta' restawr fuq l-altar u l-Gloria fil-Katidral
ta' San Ġwann.
Palazz ta' l-Inkwiżitur - Birgu
a) Bdil ta' bibien u twieqi
b) Bdil ta' ċangatura u xorok
c) Xogħol ta' restawr fuq affreski fis-swali magħrufa 'Ruffo
apartments' minn nies miċ-Ċentru ta' Restawr ta' Bighi
d) Preparazzjoni ta' tender għas-servizz ta' elettriku għall-
palazz kollu.
Mużew Marittimu
a) Preparazzjoni ta' tender għal bdil ta' membrane difettuż
b) Preparazzjoni ta' tender għal bdil ta' balavostri
perikolużi
c) Preparazzjoni u installazzjoni ta' wirja permanenti tar-
Royal Navy f'Malta.
Taċ-Ċagħqi, Rabat
Id-Dipartiment tax-xogħlijiet ġie mqabbad biex iħejji pjanti ta' dan is-sit arkejoloġiku marbutin ma' l-espropriazzjoni ta' dan is-sit.
Tas-Silġ, Marsaxlokk
Wara tiġrif żgħira ta' l-istruttura moderna, intalab rapport ta' perit li tlesta f'April 2000. Il-perit huwa tal-parir li l-istruttura għandha tiżżarma sa ċertu għoli, u t-tender għal dan ix-xogħol qed jitħejja mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet.
Ħaġar Qim, Qrendi
a) Tindif mill-ħaxix ħażin
b) Eżaminazzjoni ta' l-istrutturi megalitiċi mill-konservaturi
c) Tħejjija tal-qiegħ u għeluq għall-istazzjon tat-temp.
Katakombi ta' San Pawl, Rabat
a) Titjib fis-sigurta` tal-katakombi
b) Titjib fid-dawl tal-katakombi.
Jikkonferma l-Ministru li fix-xhur li għaddew kien hemm persuna impjegati fil-Mużew Marittimu li għamlet b'eluf ta' liri telefonati internazzjonali? X'passi ttieħdu dwar dan in-nuqqas? Dan in-nuqqas ittieħed in konsiderazzjoni meta din il-persuna ngħatat promozzjoni dan l-aħħar?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Dipartiment tal-Mużewijiet għamel investigazzjonijiet neċessarji rigward l-allegazzjonijiet imsemmija. Ma jirriżultax, minn kontijiet tal-Maltacom, illi dak li qed ikun allegat huwa minnu. Napprezza jekk l-Onor. Membru jgħaddi aktar informazzjoni konkreta sabiex jittieħdu passi neċessarji jekk jirriżulta li saru xi abbużi simili.
Tista' l-Ministru tgħid kemm saru spezzjonijiet għal għarrieda mill-awditur u l-ispetturi f'kull sezzjoni jew uffiċċju li jagħmlu parti mit-tliet dipartimenti fi ħdan il-Ministeru ta' Għawdex mill-1 ta' Frar, 2000 sal-lum? Għal kull spezzjoni li saret f'kull uffiċċju, x'passi dixxiplinari ttieħdu kontra dawk li ma nstabux fuq il-pst tax-xogħol? Min huma dawn l-uffiċjali li naqsu? Kemm inħarġu charges kontra uffiċjali governattivi mill-1 ta' Jannar, 1997 sal-lum f'kull dipartiment fi ħdan il-Ministeru ta' Għawdex, sena b'sena? Minn dawn iċ-charges, kemm instemgħu jew qed jinstemgħu quddiem bord dipartimentali u kemm quddiem il-bord tad-dixxiplina tal-PSC? Kemm saru verifiki tas-sick leave f'kull uffiċċju li jaqa' taħt il-Ministeru ta' Għawdex mill-1997 sal-lum, sena sena? Kemm kien hemm uffiċjali li s-sick leave tagħhom kien verifikat iktar minn darba f'kull sezzjoni u uffiċċju fi ħdan il-Ministeru ta' Għawdex mill-1997 sal-lum, sena sena? Kemm inħarġu charges kontra ħaddiema li abbużaw bis-sick leave mill-1997 sal-lum, sena sena?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nixtieq ninforma lill-Onor Interpellant li sakemm ma tingħatax raġuni 'l għala din il-mistoqsija qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar l-informazzjoni mitluba.