Legislature:
Category:
Reset
Active:

Alkoħol — Persuni dipendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna hija reġistrata bħala dipendenti fuq l-alkoħol? Kemm minnhom huma nisa? Kemm-il persuna marret għall-kura għall-ewwel darba din is-sena? Liema hi l-iżgħar u l-akbar eta' ta' persuni li qed jiġu kkurati għall-alkoħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li ma jeżistix reġistru ta' persuni dipendenti fuq l-alkoħol. Matul din is-sena, 78 persuna ġew riferuti lis-Servizzi ta' l-Alkoħol ta' l-Aġenzija Sedqa. L-akbar persuna kellha 78 sena u l-iżgħar waħda kellha 12-il sena, għalkemm il-każ ta' l-aħħar kien wieħed ta' abbuż u mhux ta' dipendenza.

Gwardjani Lokali — Ċitazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il ċitazzjoni saret din is-sena s'issa mill-gwardjani lokali? Jista' jagħti breakdown ta' dawn iċ-ċitazzjonijiet u f'liema belt/raħal saru?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 9 PQ #16847 Sitting 318 2000-06-19 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment tal-Liċenzji

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul din is-sena kemm-il vettura inqabdet qed tinsaq fit-triq meta l-liċenzja ma kenitx tħallset?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li matul l-ewwel ħames xhur ta` din is-sena l-Pulizija qabdet 302 sewwieq jagħmlu użu minn vettura fit-triq bil-liċenzja mhux imħallsa.
Leg 9 PQ #16848 Sitting 318 2000-06-19 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Sptar Monte Carmeli — Priġunieri

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se titwettaq il-wegħda tiegħu li mal-priġunieri li għal xi raġuni jkunu rikoverati fl-Isptar Monte Carmeli jkun hemm gwardjani tal-Ħabs u mhux pulizija għassa magħhom?

Response (BORG, TONIO)

L-Onor. Interpellant għandu japprezza li għal snin twal, ma` kull priġunier f`Monte Carmeli kienu ikun hemm 'detailed' pulizija. Din is-sistema issa ġiet riveduta biex ikun hemm 3 pulizija - irrispettivament minn numru ta` priġunieri - u membru tal-SRT tal-ħabs. It-tieni pass ser ikun li hekk kif jidħlu l-gwardjani ġodda wieħed ikun f`pożizzjoni, skond ir-riżultati, jaħseb biex jara jekk ser ikunx hemm gwardjani biżżejjed biex iwettqu d-diversi xogħlijiet meħtieġa mid-Dipartiment tas-Servizzi Korrettivi, inkluż dak li għamel referenza għalih l-Onor. Interpellant.

Dipartiment tal-Liċenzji — Ħlasijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' vetturi li s'issa din is-sena: 1)ma ġeddewx il-liċenzja tagħhom fiż-żmien stipulat għaliex kellhom xi multa li ma tħallsitx; u 2) ma ħallsux il-liċenzja tal-vettura fix-xahar li kellha titħallas? X'passi ttieħdu f'kull każ?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li rigward l-ewwel parti tal-mistoqsija d-Dipartiment tal-Liċenzji u Testijiet ma jżommx din it-tip ta` statistika. L-informazzjoni mitluba fit-tieni parti tal-mistoqsija mhux possibli li tinġabar.
Leg 9 PQ #16838 Sitting 317 2000-06-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Fakulta' ta' l-Arkitettura

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed iżomm lill-Fakulta' ta' l-Arkitettura ta' l-Universita' li taċċetta li fil-kors tagħha tinkludi s-sehem tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' biex jikber l-għarfier dwar bini iżjed aċċessibbli għall-persuni b'diżabilita'?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Fakulta` ta' l-Arkitettura u Inġinerija Ċivili tagħmel li tista' biex iżżomm ruħha aġġornata fl-iżviluppi kollha rilevanti fl-iżvilupp kollu li jsir fl-ambjent mibni, kemm dak li hu mibni u kemm dak li hu l-ambjent urban. Għal dan il-għan fil-korsijiet li jsiru tingħata importanza għall-fatt li kemm il-bini kif ukoll l-ambjent ta' barra jrid ikun aċċessibbli għal kulħadd inklużi persuni li għandhom xi diżabilita`, kemm jekk din tkun ta' natura permanentni jew temporanja. Fix-xogħol ta' disinn tagħhom l-istudenti huma mistennija li dak il-bini li jiddisinjaw isegwi n-normi u l-linji ta' gwida kollha, kemm dawk lokali u (speċjalment fejn lokalment ma jeżistux) dawk ta' pajjiżi oħra biex jassiguraw li l-bini tagħhom ikun aċċessibbli. Għalhekk il-Fakulta` dejjem tieħu in konsiderzzjoni dak kollu li jsir minn organi kompetenti, kemm dawk governattivi kif ukoll fis-settur privat, li jwassal biex il-gradwati tal-Fakulta` jkunu konxji u ppreparati biżżejjed, biex iservu fil-professjoni tagħhom. In-normi stabbilit bil-liġi jew permezz ta' linji ta' gwida jingħataw kull importanza. Dan jinkludi x-xogħol li tagħmel il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita`.

Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' — Ilmenti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid s'issa kemm kien hemm persuni b'diżabilita' li wasslu ilmenti lill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' li jħossuhom iddiskriminati u qed jitolbu rimedju permezz tal-Liġi Opportunitajiet Indaqs? X'tip ta' diskriminazzjoni qed jilmentaw dwarha? X'rimedji qed jitolbu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Liġi Opportunitajiet Indaqs

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'kienu r-riservi li wrew il-ħames entitajiet biex il-liġi opportunitajiet indaqs jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Ottubru, 2000?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ir-riservi li wrew l-entitajiet dwar id-dħul fis-seħħ tal-liġi Opportunitajiet Indaqs (Persuni b'Diżabilita') fl-1 ta' Ottubru kienu dawn: a) entita' ssuġġeriet li jsir Impact Assessment; b) entita' ssuġġeriet li l-liġi tidħol fit-3 ta' Diċembru 2000, il-Jum Intenazzjonali tal-Persuni b'Diżabilita'; c) entita' talbet aktar żmien biex tkun tista' teżamina l-liġi aħjar; d) żewġ entitajiet urew li għandhom problemi ta' aċċess fiżiku fil-bini tagħhom; e) entita' wriet li għandha problema biex korsijiet li torganiżża jkunu aċċessibli għall-persuni neqsin mid-dawl.
Leg 9 PQ #16842 Sitting 317 2000-06-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

Income Tax — Kontribuzzjoni Settorjali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari numru 16037?

Response (DALLI, JOHN)

Risposta għal din il-mistoqsija ngħatat fil-Mistoqsija Parlamentari Numru 16651 f`seduta 312.

Ċentru Detox — April/Mejju 2000

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il persuna attendiet u użat il-faċilitajiet taċ-Ċentru Detox matul April u Mejju? Kemm minnhom kienu nisa? Kemm minnhom kienu barranin? Fl-ewwel ħames xhur ta' din is-sena, x'kien in-numru totali ta' persuni li marru d-Detox għall-kura? Kemm kienu barranin? Kemm kienu nisa? Kemm kellha eta' l-iżgħar u l-akbar persuna? Kemm mit-total sħiħ marru d-Detox għall-ewwel darba?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li matul April 2000, 544 persuna attendiet u wżat il-faċilitajiet taċ-Ċentru Detox. Minn dan it-total, 70 kienu nisa u 49 kienu ta' nazzjonalita' barranija. Bejn Jannar u April 2000, kien hemm 568 klijenti differenti li marru ċ-Ċentru Detox għall-kura. Minn dan it-total 75 kienu nisa u 59 kienu ta' nazzjonalita' barranija. L-iżgħar persuna kellha 17-il sena u l-akbar waħda kellħa 59 sena. Mit-total ta' 568, in-numru ta' dawk li marru għall-ewwel darba kien ta' 62. L-informazzjoni mitluba dwar Mejju 2000 għad qed tinġabar.
Leg 9 PQ #16832 Sitting 316 2000-06-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' — Impjiegi

Question

Wara l-laqgħa li saret mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita', jista' l-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex il-gvern bħala employer joffri opportunitajiet indaqs ta' xogħol anke konformi mal-Liġi Opportunitajiet Indaqs? X'passi konkreti ttieħdu s'issa f'din id-direzzjoni?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat illi wara l-laqgħa li saret mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita', l-Management and Personnel Office issottometta proposti lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku dwar kif il-Gvern bħala employer jista joffri opportunitajiet indaqx ta' xogħol lill-persuni b'diżabilita'. Il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku sejra tagħti ir-reazjoni uffiċjali tagħha għal dawn il-proposti.

Ċentri ta' Matul il-Jum — Persuni ġodda

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa stmat li minn Settembru li ġej se jkun hemm persuni b'diżabilita' li se jispiċċaw mill-iskejjel speċjali u jibdew jużaw is-servizz taċ-Ċentri ta' Matul il-Jum? X'servizz se jiġi pprovdut lilhom? F'liema ċentri se jitqassmu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba għal din il-Mistoqsija tinsab fir-risposta mogħtija lill-Mistoqsija Parlamentari Numru 16830.

Ċentri ta' Matul il-Jum — Infiq

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif intlaqtu ċ-Ċentri ta' Matul il-Jum għall-persuni b'diżabilita' bid-deċiżjoni tal-gvern li jnaqqas in-nefqa fuqhom għal din is-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li wara diskussjonijiet anke mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita', il-Ministeru tiegħi, bl-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi, rnexxielu li jittrasferixxi s-somma ta' Lm65,600 minn vot ieħor taħt l-istess Ministeru għall-vot ta' dawn iċ-Ċentri. Dan ifisser li effettivament in-nefqa għal dawn iċ-Ċentri żdiedet b'aktar minn Lm50,000, u mhux naqas. L-effetti ta' din iż-żieda ser jkunu pożittivi billi l-Ministeru issa jista' jimpjega aktar personnels biex jaħdmu f'dawn iċ-Ċentri. Biss, il-Ministeru hu konxju li xorta għad hemm il-bżonn li dan il-vot ikompli jiżdied biex intejbu l-kwalita' tas-servizz offrut f'dawn iċ-Ċentri u biex inkunu nistgħu noffru dan is-servizz lil dawk kollha li għandhom bżonnu.
Leg 9 PQ #16835 Sitting 316 2000-06-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Kumitat għall-Bżonnijiet Speċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jieħu l-Kumitat għall-Bżonnijiet Speċjali ta' l-Universita' ta' Malta li jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Bord tal-Matsec dwar talbiet għall-opportunitajiet indaqs minn studenti b'diżabilita' biex jiżgura li jiltaqa' fil-ħin opportun biex jeżamina t-talbiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kumitat għall-Bżonnijiet Speċjali ta' l-Universita` ta' Malta qed jaħdem mal-Bord tal-MATSEC biex iħaffef il-proċeduri ħalli l-applikazzjonijiet kollha minn kandidati li jkollhom bżonn ta' għajnuna fl-eżamijiet jiġu kkunsidrati kemm jista' jkun malajr. Fost l-oħrajn, il-Kumitat qed jitlob lill-Bord tal-MATSEC biex jgħarraf lill-kapijiet ta' l-iskejjel (li huma responsabbli li jimlew l-applikazzjonijiet għan-nom ta' l-istudenti li jattendu fl-iskejjel tagħhom) biex ikunu ċerti li l-applikazzjoni tkun mimlija sħiħa, biċ-ċertifikati kollha meħtieġa, u li din tintbagħat fil-ħin. Kull applikazzjoni li tista' tiġi milqugħa skond ir-regolamenti u l-prattiċi stabbiliti tiġi milqugħa amministrattivament immedjatament mingħajr il-ħtieġa li tiġi kkunsidrata mill-kumitat. F'każi bħal dawn l-istudent ikun mgħarraf immedjatament. Il-laqgħat tal-Kumitat isiru matul l-aħħar ġimgħat ta' Frar u għalhekk jistenna li d-Dipartiment ta' l-Eżamijiet ikun għadda l-applikazzjonijiet kollha konċernati fil-ħin biex il-laqgħat isiru f'dan iż-żmien. Kull applikazzjoni għalhekk għandu jkollha risposta mhux aktar tard mill-aħħar ta' Frar tas-sena li jkun ser isir l-eżami tal-Matrikola.
Leg 9 PQ #16836 Sitting 316 2000-06-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kumitat Ministerjali Edukazzjoni Inklussiva — Laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienu r-raġunijiet li għalihom il-Kumitat Ministerjali dwar l-Edukazzjoni Inklussiva dam perjodu twil ma jitlaqqa' wara Ottubru 1999? X'se jsir biex isir iżjed attiv u effettiv?

Response (GALEA, LOUIS)

Rigward l-ewwel parti tal-mistoqsija nirreferi għar-risposta li ngħatat fil-Mistoqsija Parlamentari Numru 15201. Wara diskussjoni separati ma' diversi membri ta' dan il-kumitat, jiena erġajt laqqajt dan il-kumitat fl-10 ta' Mejju 2000 u minn dak in-nhar diġa' ltaqa' tlitt darbiet oħra. Dan il-kumitat iddiskuta diversi issues u jiena konvint li din id-diskussjoni bejn il-partijiet kollha konċernati qed tgħin biex ikollha policy aktar ċara, komprensiva, ko-ordinata u miftiehma bejn il-partijiet konċernati f'dan il-qasam. Bħala miżura konkreta, ġie deċiż ukoll li l-Federazzjoni ta' l-Organizzazzjonijiet għall-Persuni b'Diżabilita` jkollha rappreżentant tagħha fuq dan il-kumitat. Din id-deċiżjoni diġa' ġiet impliementata u fil-fatt dan ir-rappreżentant diġa' beda jattendi l-laqgħat ta' dan il-kumitat.
Leg 9 PQ #16837 Sitting 316 2000-06-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kurrikulu Minimu Nazzjonali — Ħatriet

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni maħtura fuq is-sotto kumitat ta' l-implimentazzjoni tal-Kurrikulu Minimu Nazzjonali fil-qasam ta' l-edukazzjoni speċjali? X'inhuma t-termini tar-riferenza tiegħu? X'kienu l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' dwar dan is-sotto-kumitat u kif irreaġixxa l-Ministeru għal dawn l-oġġezzjonijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-Grupp ta' Ħidma dwar l-Edukazzjoni Inklussiva fi ħdan il-Kumitat ta' Gwida dwar it-Twettiq tal-Kurrikulu Nazzjonali kien kompost minn dawn il-persuni: 1. Is-Sur Michael King, Assistent Direttur, Dipartiment tas- Servizzi għall-Istudenti, Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni; Ċerpersin 2. Dr Paul Bartolo, Lecturer, Dipartiment tal-Psikoloġija, Universita` ta' Malta 3. Mr Geroge Borg, Kap, Skola San Miguel 4. Ms Tereza Buġeja, Facilitator 5. Mr Joseph Camilleri, Ċerpersin, Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita` 6. Ms Carmen Cascun, Kap, Skola Hellen Keller 7. Ms Loisa Grech, Ġenitur 8. Mr Frank Mallia, EO, Edukazzjoni Speċjali 9. Ms Pauline Sammut, Kap, Skola Guardian Angel 10. Fr Domnic Scerri, Rappreżentant tal-Kurja dwar il-qasam tad-Diżabilita` u l-Edukazzjoni 11. Dr Helena Tanti Burlo`, Programme Co-ordinator for Inclusive Education, Univerista` ta' Malta 12. Ms Judith Torre, Għalliema. It-Termini ta' Referenza ta' dan il-grupp ta' Ħidma kienu l-istess bħas-sbatax-il Grupp ta' Ħidma l-oħra fi ħdan il-Kumitat ta' Gwida. Dawn kienu: "1. To take into account current practice and how it affects the implementation of the National Minimum Curriculum in relation to the particular theme of the working group; 2. To identify the challenges faced by shcools and teachers in implementing the national Minimum Curriculum, in relation to the particular theme of the working group, and on the basis of current realities; 3. To identify areas of support needed by schools that will enable them to implement the National Minimum Curriculum effectively; 4. To formulate an action plan in relation to their particular theme, for the short-, medium-, and long-term plan." Ir-reazzjoni tal-Kummissjoni Nazzjonali b'Diżabilita` (KNPD) kienet ibbażata fuq nuqqas ta' informazzjoni. Il-KNPD dehrilha li dan il-Grupp ta' Ħidma kellu persentaġġ għoli ta' rappreżentanti tal-qasam ta' edukazzjoni speċjali. Fil-fatt dan ma kienx hekk. Il-Ministeru ġab dan il-punt għall-attenzjoni tal-KNPD li rtiraw l-ilmenti tagħhom.
Leg 9 PQ #16774 Sitting 315 2000-06-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Persuni b'Diżabilita'

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kwalifiki li għandhom l-adulti li bħalissa qed jgħinu lit-tfal b'diżabilita' fl-iskejjel primarji u sekondarji ta' l-Istat?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li hemm 385 persuna li bħalissa qed jgħinu tfal b'diżabilita` fl-iskejjel primarji u sekondarji ta' l-Istat. Minn dawn hemm: 33 li għandhom Diploma in Facilitating Inclusive Education; 92 li għandhom Certificate in Supporting Learning in Inclusive Settings; 58 Kindergarten Assistants li ġew impjegati wara sejħa għal applikazzjonijiet li ried ikollhom minn ta' l-inqas 4 passes fis-S.E.C. sa grad 5 jew simili li jridu jinkludi l-lingwa jew il-letteratura Ingliża u l-Malti. (7 minn dawn il- kindergarten assistants għamlu l-Pre-school Education Certificate Course); 202 Supply Kindergarten Assistants * 28 li għamlu course ta' sena l-Universita` bħala Learning Support Trainees * 55 li għamlu l-Pre-School Education Certificate Course * 119 ġew impjegati wara sejħa għal applikazzjonijiet li ried ikollhom minn ta' l-inqas 4 passes fis-S.E.C. sa grad 5 jew simili, inkluż il-Malti, Ingliż u Matematika. Minn dawn kien hemm min kellu wkoll ċertifikat wieħed ta' Livell Avvanzat.
Leg 9 PQ #16775 Sitting 315 2000-06-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

San Pawl il-Baħar — Triq San Ġorg - Razzett

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu permess iżomm annimali l-uniku razzett li hemm fi Triq San Ġorġ f'San Pawl il-Baħar? X'tip ta' annimali għandu permess irabbi s-sid tar-razzett? Qiegħed iżomm mal-liċenzja li għandu għat-trobbija ta' l-annimali?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi r-razzett li qiegħed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant huwa dak tal-baqar tal-ħalib, liema liċenzja tinħareġ mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika. Għaldaqstant nitolbu jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #16776 Sitting 315 2000-06-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Għalliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inizjattivi hemm maħsuba biex jitħarrġu aħjar l-għalliema, il-kindergarten assistants, il-facilitators u s-supply kindergarten assistants biex l-edukazzjoni inklussiva tirnexxi? B'dawn l-inizjattivi kemm se jintlaħqu minn dawn il-persuni?

Response (GALEA, LOUIS)

Bħalissa l-Kumitat Ministerjali għall-Edukazzjoni Inklussiva għandu quddiemu proposti għat-taħriġ komprensiv għall-persuni li jaħdmu fil-qasam ta' l-Edukazzjoni Inklussiva. Bħalissa diġa' jitħarrġu studenti tal-B.Ed u PGCE (madwar 300 student kull sena) fil-filosofija u aspetti prattiċi ta' l-Edukazzjoni Inklussiva. Qed jiġu mħarrġa wkoll 55 facilitators u f'Ottubru li ġej se jiftaħ l-istess taħriġ indirizzat għal madwar 100 persuna. Hu maħsub ukoll li madwar 150 persuna ingaġġat mid-Diviżjoni din l-aħħar sena jingħataw it-taħriġ meħtieġ. Il-futur f'dan il-qasam jiddependi mid-deċiżjoni li ser jieħu l-Kumitat li jżomm quddiem għajnejh il-Kurrikulum Nazzjonali.

Ħal Far — Ċentru ta' Matul il-Jum

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jiġu investigati rapporti dwar allegati fatti li ġraw fiċ-Ċentru ta' Matul il-Jum f'Ħal Far li qed iħassbu lill-ġenituri tal-persuni li jmorru hemm u li huma vulnerabbli li jiġu abbużati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li ma saru ebda rapporti dwar xi fatti li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant. Jiena nfurmat ukoll li r-relazzjonijiet bejn il-ġenituri tal-persuni b'diżabilita' u l-Kap taċ-Ċentru msemmi fil-Mistoqsija huma tajbin ħafna, isiru laqgħat bejniethom sikwit u li l-ebda ġenitur ma ġibed l-attenzjoni tal-Kap taċ-Ċentru dwar xi ħaġa li kienet qed tħassibhom. Għalhekk nitlob lill-Onor. Membru li jkun aktar speċifiku u jekk jaf b'xi fatti li għadhom mistura, jgħid x'inhuma.