Jista' l-Ministru jgħid għaliex ma saritx inkjesta maġisterjali wara rapport li sar l-għassa ta' Birżebbugia nhar il-Ħadd 2 ta' April, 2000 meta xi ħadd spara fid-direzzjoni ta' ħames persuni waqt li dawn kienu f'razzett f'Bengħisa?
Għaliex il-persuna indikata bħala suspettata li kkommettiet dan ir-reat gravi, ma ġietx arrestata, u saru fuqha eżamijiet forensiċi dwar gunshot residue?
Għaliex ma ġewx elevati l-armi tan-nar tas-suspettat u l-familja tiegħu?
Għaliex ma ttieħdux passi kontra min, għal perjodu kontinwu ta' aktar minn tlett xhur sħaħ, sakkar b'katnazz kontra r-rieda tagħha, anzjana ta' 77 sena li hija wkoll persuna bi bżonnijiet speċjali, liema persuna kienet waħda minn dawn il-ħames persuni li sar l-imsemmi attentat fuq ħajjithom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li ma jirriżultax li fid-data msemmija mill-Onorevoli Interpellant, il-Pulizija kellha xi rapport hekk kif imsemmi fil-Mistoqsija. Ir-rapport li wasal għand il-Pulizija kien fis-sens li instema` tir fil-viċin u li kien waqa` xi ċomb fil-bitħa u li kien instema` ħoss mal-bieb tal-ħadid. Ir-rapport kien jgħid ukoll li l-mara u iben it-tifel ta` sid ir-razzett kienu ħarġu ftit tal-ħin qabel u għalhekk kienu qed jissuspettaw fihom. Skond il-Kodiċi Kriminali tali rapport ma jinkwadrax taħt ir-rekwiżit ta` inkjesta mill-Maġistrat tal-Għassa, u għaldaqstant ma kienx hemm lok li jkun infurmat il-Maġistrat ta` l-Għassa. Dawn l-istess ċirkostanzi ma kienux biżżejjed sabiex il-proċdura li qiegħed isemmi l-Onorevoli Interpellant tkun segwita.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħtini aktar dettalji ta` din il-persuna sabiex inkun f`pożizzjoni li nikseb it-tagħrif mitlub.
Peress li skond l-Indiċi tal-Prezzijiet ippubblikat fit-13 ta' Ġunju, 2000 l-ispejjeż ta' l-edukazzjoni għolew minn 126.46 f'Marzu 2000 għal 132.7 f'April 2000, jista' l-Ministru jgħid x'kien sewwa sew dak li kkaġuna din iż-żieda ta' 6.3?
Response (BONNICI, JOSEF)
Iż-Żidiet fl-indiċi imsemmi ġew ikkaġunati miż-żidiet fil-ħlas mitlub mill-iskejjel privati, miż-żidiet fil-ħlas għall-elezzjonijiet privati kif ukoll miż-żidiet fil-miżati għat-trasport tat-tfal ta` l-iskola.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tfal fis-sitt klassi tal-primarja ta' l-iskejjel governattivi ta' Malta u Għawdex tul din is-sena skolastika?
Kemm minnhom qagħdu għall-eżami tal-Junior Lyceum?
Kemm għaddew minnhom: (a) f'ħames suġġetti; (b) f'erba' suġġetti; (ċ) fi tliet suġġetti; (d) f'żewġ suġġetti; u (e) f'suġġett wieħed?
Jista' l-Ministru jgħid x'materjal awdjoviżiv qed tibgħat il-PBS lejn stazzjonijiet televiżivi Awstraljani biex jarawh emigranti Maltin? X'kienu r-raġunijiet li minn Settembru, 1999 sal-lum kien hemm diversi drabi li ma ntbagħtx il-bulettin ta' aħbarijiet lokali lejn l-Awstralja? X'rimedji se jittieħdu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kull ġimgħa, il-PBS tibgħat ġabra ta' aħbarijiet lokali ta' madwar 30 minuta lil SBS. Dawn jittieħdu mill-aħbarijiet li jkunu xxandru mill-PBS fil-jiem ta' qabel.
Il-PBS dejjem żammet l-impenn tagħha u bagħtet il-cassette bl-aħbarijiet lil SBS permezz tal-courier service.
Kull nhar ta' Tnejn il-cassette ikun lest min-naħa tal-PBS u jinġabar mill-courier.
Kien hemm okkażjonijiet fejn minħabba problemi ta' natura loġistika min-naħa tal-Courier, il-cassette ma wasalx għand l-SBS sal-Ġimgħa. F'dawn il-każi l-SBS ma' xxandarx dan il-Bulletin ta' aħbarijiet minħabba t-tul ta' żmien li jkun għadda.
Il-PBS tibqa' tagħmel dak kollu possibbli u tinsisti mal-couriers biex dawn l-aħbarijiet jaslu għand l-SBS fil-ħin.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-pjani imħejjija għall-irħula artiġġjanali f'Ta' Qali u Ta' Dbiegi mill-Korporazzjoni Maltija ta' l-Iżvilupp? F'liema stadju ta' twettiq waslu? Meta se jitlestew il-proġetti?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-pjani dwar l-irhula artigjanali f`Ta` Qali u Ta` Dbiegi ghadhom ma gewx konkluzi u ghalhekk mhux prudenti li f`dan l-istadju jinghataw dettalji.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi deċiżjoni biex kmamar umdi u mhux addattati fiċ-Ċentru ta' Matul il-Jum f'Ħal Far, jiġu konvertiti għall-kmamar għall-persuni ta' diżabilita' ġejjin mill-iskejjel speċjali?
X'passi se jittieħdu dwar il-konverzjoni ta' dawn il-kmamar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
F'dawn l-aħħar ħames snin il-bini taċ-Ċentru ta' Ħal Far tkabbar u llum jipprovdi servizz lil madwar 80 persuna. Il-Ministeru tiegħi, bħala policy ġenerali, ma jaqbilx li dawn iċ-Ċentri jikabbru b'mod sproporzjonat għax Ċentri kbar joħolqu diversi problemi u s-servizz faċilment jidditerjora. F'dan ir-rigward l-enfażi qed issir fuq l-ingaġġ ta' Careworkers u professjonisti oħra biex inkunu nistgħu noffru lil dawn il-persuni servizz ta' kwalita'.
Il-Ministeru, flimkien mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' jinsab għaddej b'diskussjonijiet biex nesploraw kif l-aħjar niżviluppaw dan il-qasam inluż li jinstabu metodi ġodda kif nistgħu ntejjbu dan is-servizz. Fil-fatt il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita qed tippjana li għal din is-sena torganizza konferenza nazzjonali fuq dan is-suġġett b'dawn l-għanijiet:
a) tinħoloq kuxjenza ġenerali dwar il-bżonn ta' dan is-servizz
b) jkollna politika aktar ċar għal dan il-qasam.
Jista' l-Ministru jgħid hemmx xi persuni li jgħaddu żmien fl-Isptar Monte Carmeli li jkollhom iħallsu taż-żmien li joqogħdu hemm?
Fil-każ, kemm hemm minn dawn il-persuni?
Kemm iħallsu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u risposta tingħata f'seduta oħra.
Mill-miżuri ġodda li tħabbru li jinġabru 60% tad-dħul ta' l-anzjani fl-Isptar San Vinċenz de Paule kemm huwa stmat li se jiġbor il-gvern din is-sena fuq il-bażi tat-tagħrif li daħallu s'issa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant li l-Onor. Interpellant qed tinġabar u r-risposta tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid matul din is-sena skolastika kemm kellna tfal b'diżabilita', inklużi fil-main stream, tal-kindergarten, primarji u sekondarji tal-gvern?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li tfal b'diżabilita` inklużi fil-main stream matul din is-sena skolastika kien hemm:
Kindergarten 87
Primarja 349
Sekondarja 57
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'xogħol sar s'issa mill-Korporazzjoni Impjiegi u Taħriġ biex tiġi żviluppata s-sistema ta' l-NVQs - il-kwalifiki vokazzjonali nazzjonali? Meta mistennija tidħol fis-seħħ din is-sistema?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ ħadmet fil-qrib mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni fit-tfassil ta' sistema nazzjonali ta' kwalifiki vokazzjonali. Ix-xogħol qiegħed jiġi kkordinat mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni b'konsultazzjoni mal-Ministru tal-Politika Soċjali kif jitlob l-Att dwar is-Servizzi ta' Impjieg u Taħriġ. L-avviż legali li jwaqqaf din is-sistema huwa mistenni joħroġ din is-sena.
Jista' l-Ministru jgħid x'sar s'issa biex tiġi żviluppata s-sistema ta' l-NVQs - il-kwalifiki vokazzjonali nazzjonali?
Response (GALEA, LOUIS)
Bi tħejjija għat-twaqqif ta' sistema nazzjonali ta' ċertifikazzjoni ta' kwalifiċi vokazzjonali ġew konsidrati fid-dettal kwestjonijiet ta' pilicies u strutturi bejn id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u l-Korporazzjoni Xogħol u Taħriġ (ETC) bl-għajnuna ta' esperti barranin, inkluż il-European Training Foundation. Bħalissa qed naħdmu fuq l-aħħar abbozz tar-Regolamenti meħtieġa.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'tagħrif għandha l-Korporazzjoni Impjiegi u Taħriġ dwar l-illitteriżmu, il-livell skolastiku u l-kwalifiki tal-persuni bla xogħol skond l-istatistika ta' April, 2000? Jista' jpoġġi dan it-tagħrif fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista jorganizza t-tagħrif skond etajiet u sessi differenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li se jkollha tiżdied in-nefqa fuq is-salarji tat-teaching grades mill-1 ta' Jannar, 2001 fl-iskejjel tal-gvern għas-sena 2001?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li minħabba verifiki li għad iridu jsiru mal-Ministeru tal-Finanzi u minħabba negozjati attwali mal-Unions għadu kmieni biex tiġi stmata n-nefqa ta' salarji u pagi għall-gradi ta' għalliema fis-sena d-dieħla.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn familji li għandhom il-permess iżommu għandhom persuni li jiġu f'pajjiżna biex jitgħallmu l-Ingliż? Jista' jagħti t-tagħrif f'kull każ, lokalita' b'lokalita' ta' Malta u Għawdex?
Response (REFALO, MICHAEL)
Infurmat li hawn 1049 familja li għandhom il-permess iżommu għandhom persuni li jiġu f'pajjiżna.
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi fejn joqogħdu dawn il-familji.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-Universita' ma tikkunsidrax li f'dawk il-korsijiet fejn hemm mijiet ta' studenti, meta jkollhom l-eżamijiet jiġu mitluba jġibu l-I.D. cards magħhom biex jiġi żgurat li l-istudenti li jwieġbu l-karti jkunu dawk li qed jagħmlu l-kors u mhux ikunu qed jagħmluh bi ħlas għal xi ħadd ieħor?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kull student li jkun qed jagħmel eżami jista' jkun mitlub juri l-karta ta' l-identita` jew il-karta li turi li hu student jekk ikun hemm dubju dwar l-identita` tiegħu. Għalkemm fejn hemm ħafna studenti f'kors, aktarx li mhux l-istudenti kollha jkunu magħrufa mill-amministrazzjoni, wieħed għandu għax jaħseb li l-istudenti kollha jkunu jafu lil xulxin u huwa improbabbli li jkun hemm każi ta' impersonifikazzjoni. Qatt sa issa ma waslet xi allegazzjoni dwar abbuż ta' din ix-xorta. B'dana kollu l-Universita` ser tikkonsidra s-suġġerimenti ta'l-Onor. Membru għall-eżamijiet li jmiss.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-mean f'kull suġġett u l-mean nazzjonali li kisbu l-istudenti fl-iskejjel sekondarji tal-gvern għas-sena skolastika 1998/99 imhejjija mill-Education Assessment Unit tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-iskop ta' l-istudju msemmi kien li jkollna stampa ta' kif marru l-istudenti f'dawn l-eżamijiet partikolari li kienu mibnija fuq is-sillabu uffiċjali. Kull skola jkollha wkoll mezz li tara fejn sejra tajjeb u fejn anqas tajjeb biex tieħu passi għal titjib.
L-Education Assessment Unit qgħadet attenta li ma tagħtix lok għal xi paragun bejn skola u oħra. Din il-Unit konxja ħafna wkoll li fil-preżentazzjoni tal-Means sa issa hemm nieqes l-element ta' 'value added criteria'.
Ġejt mogħti l-parir li tista' ssir ħsara għat-tagħlim fl-iskejjel konċernati jekk l-istudju jintuża bħala forma ta' League Tables. Għaldaqstant ma nħossx li f'dan l-istadju hu prudenti li npoġġi l-istudju fuq il-Mejda tal-Kamra. Ma jkollix diffikolta` ngħaddih lill-Onor. Membru jekk għandu bżonnu għall-attenzjoni konfidenzjali tiegħu.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16775 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Agrikoltura u Sajd u li issa ġiet riferita lilu, u cioe': Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu permess iżomm annimali l-uniku razzett li hemm fi Triq San Ġorġ f'San Pawl il-Baħar? X'tip ta' annimali għandu permess li jrabbi s-sid tar-razzett? Qiegħed iżomm mal-liċenzja li għandu għat-trobbija ta' l-annimali?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-uniku razzett li hemm fi Triq San Ġorġ, San Pawl il-Baħar, għandu permess mid-Dipartiment tas-Saħħa li jżomm tmien (8) baqar tal-ħalib.
Wara spezzjonijet li saru, fosthom illum 19 ta` Ġunju 2000 mill-ispetturi tad-distrett, irriżulta li n-numru ta` baqar jeċċedi n-numru li għandu fil-permess. Għalhekk se jittieħdu passi legali dwar dan, kif ukoll dwar xi annimali oħra u tjur li qegħdin jinżammu kontra l-Avviż legali 28 ta` 1976, fl-istess razzett.
Il-Ministeru jew xi entita' li jaqgħu taħtu għandhom xi tagħrif dwar l-impatt ambjentali ta' l-irziezet tal-ħut li għandna fl-ibħra ta' pajjiżna? Jista' jgħid x'irriżulta minn dan it-tagħrif dwar l-impatt ambjentali ta' l-irziezet tal-ħut?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 16035 (Seduta 293).
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi deċiżjoni mill-ministeru li ma jitwaħħlux antenna masts tal-mobile phones fuq soqfa ta' skejjel, u li dan jgħodd ukoll għal 100 metru fid-distanza ta' l-iskejjel?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi għat-tweġiba għall-Mistoqsija numru 16578.