Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #17417 Sitting 333 2000-07-03 Oral · Interim From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Dipartiment għas-Servizzi Korporattivi — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' l-impjegati li jirċievu s-salarju tagħhom mid-Dipartiment għas-Servizzi Korporattivi ta' l-istess ministeru filwaqt li jgħid x'salarji, benefiċċji u allowances oħra dawn jitħallsu fix-xahar kif ukoll xi trasferiment ta' fondi jagħmel l-istess dipartiment u għal liema individwi lill-entitajiet oħra bħala flus f'salarji jew allowances f'każ fejn individwi huma on secondment, on loan, jew inkella t-trasferiment uffiċjali tagħhom ikun għadu ma sarx?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li ma kienx hemm żmien biżżejjed minn meta waslitli l-mistoqsija biex jinġabar it-tagħrif mitlub, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #17418 Sitting 333 2000-07-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kabinett — Memorandum

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid u jagħti dettalji dwar dak li ġie rrapportat li qal lill-ġurnalisti wara l-laqgħa tal-Kabinett tat-Tnejn, l-1 ta' Novembru, 1999 fejn skond "In-Nazzjon" tat-2 ta' Novembru, 1999 intqal li "Il-Kabinett iddiskuta l-bidliet li jridu jsiru mhux biss fid-dipartiment tal-Gvern iżda wkoll fil-ministeri. Qed ikun propost pjan li għandu jwassal biex il-ministeri kollha jkunu aktar effettivi fid-deċiżjonijiet. Bħala prijorita', l-ewwel li se jgħaddi minn din il-bidla hu l-Ministeru ta' l-Edukazzjoni". Jista' għaldaqstant ukoll il-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-memorandum approvat mill-Kabinett fl-istess laqgħa msemmija u li kien ippreżentat mill-Ministru ta' l-Edukazzjoni?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt f'seduta 196 għall-mistoqsija tiegħu Nru 11593.
Leg 9 PQ #17419 Sitting 333 2000-07-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Dipartiment tal-Bini u Inġinerija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'wassal biex iddeċieda li d-Dipartiment tal-Bini u Inġinerija tat-Taqsima tax-Xogħlijiet jitwaqqaf milli jkompli jkun responsabbli mill-bini ta' skola tas-subien fin-Naħa t'Isfel ta' Malta biex minflok dan id-dipartiment tqabbdu persuni mill-engineering office tal-Korporazzjoni tal-Freeport? Ma jħossx il-Ministru li aħjar ma twaqqfu xejn is-servizzi tad-Dipartiment imsemmi, aktar u aktar meta d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni kienet ingħatat tant servizz tajjeb fuq il-Bini tal-Liċeo tal-Bniet ta' Santa Luċija? Jista' għaldaqstant il-Ministru jgħid x'kienet ir-reazzjoni tad-Diviżjoni ta' l-Edukazjoni għal din id-deċiżjoni tiegħu?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, għadu jieħu s-servizzi li joffri d-Dipartiment tal-Bini u Inġinerija tat-Taqsima tax-Xogħlijiet. Is-servizzi ta' din it-Taqsima qed jingħataw lill-Ministeru fuq diversi xogħlijiet f'dipartimenti differenti li jaqgħu taħtu. Inħasset il-ħtieġa li jitqassam ix-xogħol eżistenti u ieħor ġdid u li jinkisbu s-servizzi tat-Technical Services Section tal-Malta Freeport biex tkun tista' tiżdied il-ħidma minħabba l-programm li l-Ministeru ta' l-Edukazzjoni għandu biex iwettaq fil-qasam edukattiv. Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ħadet in konsiderazzjoni l-programm ta' ħidma fit-tqassim tax-xogħol meħtieġ.
Leg 9 PQ #17420 Sitting 333 2000-07-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Equipment and Furniture in Schools Vote

Question

Jista' l-Ministru jagħti b'mod dettaljat l-allokazzjoni tal-fondi li ngħatat kull skola fil-perijodu bejn l-1 ta' Jannar, 1995 sal-lum mill-Vot tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni msejjaħ Equipment and Furniture in Schools Vote?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li ma kienx hemm żmien biżżejjed minn meta waslitli l-mistoqsija biex jinġabar it-tagħrif mitlub, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #17422 Sitting 333 2000-07-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Gozo Office

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 9005, tista' l-Ministru tgħid jekk il-Gozo Office ta' Triq l-Ifran fil-Belt Valletta hux qiegħed jinkera jew inkella nxtarax? Tista' f'kull każ tgħid xi tħallas f'kiri jew xiri minn meta nfetaħ sal-lum kif ukoll tgħid f'kull każ x'sejra tkun in-nefqa sal-31 ta' Diċembru, 2005?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

L-uffiċċju li qed jirreferi għalih l-onor interpellant tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Ministeru mill-Bank of Valletta mingħajr l-ebda obbligu finanzjarju.
Leg 9 PQ #17423 Sitting 333 2000-07-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 7371 tas-26 ta' Mejju 1999, cioe' jgħid x'tip ta' riorganizzazzjoni hemm maħsuba biex ikun hemm struttura li tieħu ħsieb ix-xogħlijiet kapitali fl-iskejjel tad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni? Konxju l-Ministru li l-amministrazzjoni preċedenti kienet tat l-approvazzjoni biex tali struttura titwaqqaf biex l-affarijiet f'dan il-qasam isiru b'mod aħjar?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-manutenzjoni normali fuq skala żgħira ta' l-iskejjel, kull fejn ikun possibbli, titħalla f'idejn il-Kap u l-Kunsill ta' l-Iskola f'sistema deċentralizzata fejn l-iskola tingħata l-fondi allokati għal dan il-għan, skond il-kondizzjoni u l-eta` tal-bini u t-talbiet magħmulin matul is-sena. Twaqqfet it-Technical Services Section, immexxija minn Operations Manager, u qed tkun żviluppata gradatament skond il-bżonnijiet u l-kompetenzi meħtieġa. F'dan il-qasam qed jagħti sehem importanti l-Office of Review, tal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni li jsegwi mill-qrib l-andament tax-xogħol. Din is-sezzjoni hi intiża biex tagħti l-appoġġ meħtieġ miċ-ċentru lill-iskejjel f'dak li għandu x'jaqsam ma' xogħol aktarx impenjattiv, l-aktar wara talba li ssir mill-Kap ta' l-Iskola. Ix-xogħol isir skond priorita` u urġenza. Il-Kapijiet ta' l-Iskejjel ingħataw it-tagħrif meħtieġ kif u meta jitolbu dan is-servizz. L-uffiċjal responsabbli mill-ħarsien tas-saħħa fl-iskejjel jirrapporta u jirrakkomanda regolarment dwar bżonnijiet fl-iskejjel li b'xi mod jistgħu jaffettwaw is-saħħa tat-tfal. Fl-istess ħin, minn żmien għal żmien, il-Kapijiet ta' l-Iskejjel jintalbu jindikaw xi bżonnijiet jidhrilhom li għandhom l-iskejjel tagħhom biex ikunu aktar sani f'ambjent aktar edukattiv. F'dan il-qasam, qed ikompli jitwettaq programm ta' manutenzjoni u titjib fl-iskejjel fuq skala kbira matul is-sajf, anke bil-kollaborazzjoni ta' għadd ta' Kunsilli Lokali. Il-Head of School Buildings flimkien mal-unit tiegħu jimmaniġġa l-programme ta' bini, manutenzjoni u estensjoni ta' skejjel matul is-sena. Dan il-unit għandu l-appo.. amministrattiv ta' Assistent Direttur li jaqa' taħt ir-responsabbilta` diretta tad-Direttur Ġenerali ta' l-Edukazzjoni. Jingħata appoġġ tekniku speċjalizzat, fejn hemm bżonn, kemm mill-Malta University Services, mill-Works Division tal-Ministeru ta' l-Ambjent, u mit-Technical Services Section tal-Malta Freeport, wara l-ftehim li ntlaħaq, biex titkattar l-effiċjenza u l-produttivita` fil-bini, manutenzjoni, tkabbar u modernizzar ta' l-iskejjel skond il-programm kbir ta' xogħlijiet li jrid jitwettaq. Qed ikompli l-istudju u anke qed jittieħdu passi meħtieġa biex l-iskejjel isiru gradatament aktar aċċessibbli fiżikament, skond prioritajiet stabbiliti, biex ikunu konformi mal-Liġi għal Opportunitajiet Indaqs. Barra mix-xogħol li jsir direttament mit-Technical Services Section tal-Ministeru, jingħata ħafna xogħol permezz ta' sejħiet għal tenders lil kuntratturi privati. L-Office of Review qed ikompli jsegwi x-xogħol kapitali imwettaq mill-Ministeru u jkompli jagħti l-pariri meħtieġa biex il-programm f'dan il-qasam jitwettaq b'mod effettiv u effiċjenti. Fejn jinħass il-bżonn u s-servizz ma jistax jinkiseb, anke jimtlew postijiet vakanti ta' ħaddiema speċjalizzati.
Leg 9 PQ #17383 Sitting 332 2000-06-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

Edukazzjoni — Reklamar

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ntalab permess biex jitħallsu l-ispejjeż ta' reklamar li għamel il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni f'ġurnal barrani biex jirrekluta prinċipal derigrate tal-Kulleġġ Vokazzjonali ġdid li se jibda jopera fis-sena skolastika li ġejja? Kemm kienu l-ispejjeż involuti? Meta ingħatat l-awtorizzazzjoni?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fit-tħejjijiet għat-twaqqif tal-Kulleġġ il-ġdid, il-Ministru ta` l-Edukazzjoni li hu ċ-`Chairman tal-iSteering Committee` li qed jieħu ħsieb il-proġett informani f`April li għadda li ser ifittxu persuna adatta biex tmexxi l-Kulleġġ fil-fażi inizjali billi jirreklamaw kemm f`Malta kif ukoll barra. Eventwalment saret it-talba formali a` tenur tar-Regolamenti Finanzjarji. L-ittra waslet fil-Ministeru tal-Finanzi fit-13 ta` Ġunju 2000 u l-awtorizzazzjoni ingħatat fit-23 ta` Ġunju 2000. Diversi mir-reklami kienu diġa` bdew jidhru u oħrajn hu mistenni li jidhru f`dawn il-ġranet. L-ispiża hu mistenni li tkun taħt it-Lm19,000.
Leg 9 PQ #17384 Sitting 332 2000-06-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kulleġġ Vokazzjonali — Principal Designate

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema ġurnali u pubblikazzjonijiet lokali u barranin dehru reklami għar-reklutaġġ ta' principal-designate għall-kulleġġ il-ġdid ta' l-arti, xjenza u teknoloġija? F'kull każ kemm kienu l-ħlasijiet li saru? Min awtorizza, f'kull każ, li jsiru dawn ir-reklami bl-ispejjeż involuti?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li ma kienx hemm żmien biżżejjed minn meta waslitli l-mistoqsija biex jinġabar it-tagħrif mitlub, tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #17385 Sitting 332 2000-06-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Chicken pox — Tilqim

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex it-tilqim kontra ċ-chicken pox ma jingħatax biss lil dawk li tassew jenħtieġuh flok jingħata b'mod in ġenerali anke fejn m'hemmx għalfejn?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li fil-preżent id-Diviżjoni tas-Saħħa għada mhux qed toffri t-tilqima ta kontra l-ġidri r-riħ. Il-kumitat biex jgħati pariri dwar it-tilqim din is-sena ddecida li jirrakumanda li jsir l-policy tal-gvern illi t-tilqima tal-ġidri r-riħ għanda tiġi offruta b`xejn lil-infermiera u t-tobba li jaħdmu fid-dipartiment tal-onkoloġija, tal-antenatal u maternita u f`tal-pedjatrija. Fil-fatt, il-proċess li jwassal għax-xiri ta din it-tilqima nbeda. B`daqshekk wieħed ma jeskludix il-possibilta` li xi darba din it-tilqima tista tiġi ntrodotta fl-iskema regolari ta` tilqim għat-tfal kollha ta` Malta u Għawdex.
Leg 9 PQ #17386 Sitting 332 2000-06-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel Tekniċi — Immodernizzar

Question

B'riferenza għal diskors kif irrapportat fil-ħarġa ta' In-Nazzjon tat-8 ta' Settembru 1999 fejn qal li "qed ikun ippjanat l-immodernizzar ta' żewġ skejjel tekniċi biex jilħqu l-livell ta' istituti tekniċi "state of the art", jista' l-Ministru jgħid liema huma ż-żewġ skejjel involuti? X'sejra tkun in-nefqa fuqhom? Min qiegħed jagħmel ix-xogħol preliminari ta' disinn ta' dawn l-iskejjel? Se jkun meħtieġ li l-gvern jesproprija art biex ikabbar l-iskejjel involuti? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-briefs li sejrin iwasslu għall-immodernizzar ta' dawn l-iskejjel? Jista'jagħti lista tas-suġġetti li sejrin ikunu mgħallma f'dawn l-iskejjel? Hemm il-ħsieb li l-liċeo tas-subien u l-iskola sekondarja tas-subien f'Kordin jiġu akkomodati f'postijiet oħra biex jagħmlu spazju għall-Kulleġġ ta' l-Arti, Xjenza u Teknoloġija li sejjer jitwaqqaf?

Response (GALEA, LOUIS)

F'dawn l-aħħar snin issawwru pariri favur sistema ta' tagħlim u t-taħriġ li twassal għal ċertifikat ta' mill-ewwel sal-ħames livell ta' l-edukazzjoni vokazzjonali. Din ir-rakkomandazzjoni ġiet aċċettata għaliex tiffaċilita l-progress mil-livell ta' edukazzjoni għall-ieħor u ma toħloqx barrieri artifiċjali bejn l-iskejjel tekniċi u l-kulleġġ. Bħal issa qiegħed jiġi mfassal pjan biex issir din il-bidla. Hemm il-ħsieb li l-iskola sekondarja tas-subien f'Kordin tiġi akkomodata fit-Trade School tal-Marsa, biex issir l-espansjoni meħtieġa għall-kulleġġ.
Leg 9 PQ #17415 Sitting 332 2000-06-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni — Ass. Technical Officer

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jsiru l-intervisti għas-sejħa għall-applikazzjoni li kienet ġiet ippubblikata fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti għall-post ta' Assistant Technical Officer (draughtsmanship) fi ħdan id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba għal Mistoqsija numru 17320.
Leg 9 PQ #17416 Sitting 332 2000-06-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Ass. Technical Officer

Question

Jista' l-Prim Ministru bħala ministru responsabbli mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku u l-Management and Personnel Office jgħid meta hemm il-ħsieb li jsiru l-intervisti għas-sejħa għall-applikazzjoni li kienet ġiet ippubblikata fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti għal post ta' Assistant Technical Officer (draughtsmanship) fi ħdan id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 17300.
Leg 9 PQ #17377 Sitting 330 2000-06-28 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

OPM — Konsulent

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hux minnu li l-ħatra ta' persuna - isimha qed jintbagħat separatament - bħala konsulent tal-Ministru ta' l-Edukazzjoni saret mingħajr ebda sejħa għall-applikazzjonijiet filwaqt li jqiegħed id-dokumentazzjoni kollha li ġiet skambjata bejn l-Uffiċċju tiegħu u l-Ministeru ta' l-Edukazzjoni biex dan l-individwu jiġi ngaġġat mill-Malta University Services Ltd. biex jagħti servizz fi ħdan il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt għal Mistoqsija Parlamentari Numru 17376.
Leg 9 PQ #17327 Sitting 329 2000-06-28 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

FSM — Impjegata

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt ta' xogħol, ittra ta' ħatra, il-kundizzjonijiet ta' l-impjieg u lista ta' benefiċċji, remunerazzjoni u perkaċċi oħra li għandha l-impjegata tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi - isimha qed jintbagħat separatament - filwaqt li jgħid meta ġiet ingaġġata u permezz ta' liema sejħa għall-applikazzjoni pubblika, filwaqt li jpoġġi wkoll kopja ta' l-avviżi li dehru fil-ġurnali jirriklemaw dan l-impjieg?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-kuntratt tax-xogħol ta' Ms. Helen Tabone, assistenta personali tal-President tal-Fondazzjoni, kif ukoll il-Job Description tagħha. Hija tirċievi wkoll remunerazzjoni tal-kont tat-telefon ċellulari. Sejħa għall-applikazzjonijiet ma ġiex ppublikat fil-gazzetti minħabba li din hija `position of trust'.
Leg 9 PQ #17328 Sitting 329 2000-06-28 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Dipartiment tal-Kultura — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu r-rwol ta' l-impjegat - ismu qed jintbagħat separatament - fi ħdan id-dipartiment tal-kultura iżda flok ma hu stazzjonat f'Casa Gaspe, fil-Belt, Valletta, huwa stazzjonat fil-bini tad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni fil-Furjana, filwaqt li jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-curriculum vitae ta' l-istess individwu u jgħid hemmx il-ħsieb li toħroġ sejħa għall-applikazzjoni għall-post ta' supervisor fl-istess dipartiment tal-kultura?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li mhux soltu li għal impjegati ta' dan il-grad tintalab is-CV tagħhom. Għar-rigward tas-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-post ta' Supervisor fid-Dipartiment tal-Kultura ma jirriżultaliex li ħarġu dawn l-applikazzjonijiet. Jekk fil-futur issir, din tkun miftuħa għal kulħadd inkluż impjegati l-oħra kollha tal-Gvern f'dipartimenti oħra.
Leg 9 PQ #17329 Sitting 329 2000-06-28 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Freeport

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li ġie ffirmat bejn il-Ministeru tiegħu u l-Korporazzjoni tal-Freeport biex dan ta' l-aħħar jagħti servizzi ta' konsulenza lil ta' l-ewwel?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress illi ġejt mogħti l-parir li minħabba l-element kummerċjali tiegħu, mhux meqjus xieraq li jiġi ppubblikat il-ftehim li sar bejn il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni u t-Technical Services tal-Malta Freeport Corporation, ser nikkonsidra t-talba ta' l-Onor. Membru u nagħti risposta definittiva f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #17330 Sitting 329 2000-06-28 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu r-rwol ta' l-impjegat - isimu qed jintbagħat separatament - fi ħdan il-Ministeru tiegħu, filwaqt li jgħid minn liema enti toħroġ il-paga tiegħu, kif ukoll jgħarraf lill-Kamra x'kien l-iskop tal-viżti ta' l-istess individwu fl-iskola sekondarja tal-Gżira fil-perijodu bejn it-2 ta' Mejju, 2000 sal-lum?

Response (GALEA, LOUIS)

Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #17364 Sitting 329 2000-06-28 Oral · Interim From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Mediċina — Tilqim - Side effects

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-ġenituri m'humiex qed jiġu informati bis-side-effects li jista' jkun hemm mit-tilqima cellular li qed tingħata f'Malta kontra l-whooping cough meta tilqima simili tista' tikkaġuna brain damage tant li l-qorti suprema ta' l-Irlanda fl-1995 ġiegħlet tħallas miljuni ta' liri f'danni lill-ġenituri ta' tarbija li spiċċat brain damaged?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u risposta tingħata f'seduta oħra.
Leg 9 PQ #17376 Sitting 329 2000-06-28 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Malta University Services Ltd.

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma li l-uffiċċju tiegħu ta l-approvazzjoni lill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni biex dan, permezz tal-kumpannija ta' l-Universita, cioe' l-Malta University Services Ltd. jingħata s-servizzi tal-persuna - ismu qed jintbagħat separatament - b'salarju part-time ta' Lm14,000 (mingħajr VAT) fis-sena għall-massimu ta' 15-il siegħa fil-ġimgħa għall-perijodu bejn Ottubru u Ġunju u massimu ta' ħamsa u għoxrin siegħa fil-ġimgħa fil-perijodu bejn Lulju u Settembru kif ukoll l-użu ta' karozza bl-ispejjeż kollha tagħha mħallsa mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jiena nfurmat li l-Ministeru ta' l-Edukazzjoni għandu kuntratt (A Contract for Services) mal-Malta University Services Ltd (MUS) biex din il-Kumpanija tipprovdi servizzi lill-imsemmi Ministeru. Il-persuna msemmija mill-Onorevoli Interpellant ġiet provduta mill-MUS biex tagħti s-servizzi tagħha lill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni taħt dan il-kuntratt. L-approvazzjoni ta' kuntratt simili hi delegata lill-Ministru kkonernat.
Leg 9 PQ #17320 Sitting 328 2000-06-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Assistant Technical Officer

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proċess biex jinħatar assistant technical officer (civil draughtsmanship) ġdid fi ħdan it-Taqsima Bini ta' Skejjel tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni li l-intervisti għal tali sejħa għadhom ma sarux peress li hu post ta' importanza għal ħajjet it-tfal fl-iskejjel u min kien jokkupa kariga fi grad anqas preċedent mar f'dipartiment ieħor u żgur li mhux il-każ li tali post ta' importanza jibqa' battal jew tiġi abolita din il-vakanza?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 11590. Nixtieq ninforma lill-Kamra li filwaqt li l-pożizzjoni preżenti għadha l-istess bħal ma spjegajt f'dik it-tweġiba, bħalissa qegħdin naraw in-neċessitajiet ta' riżorsi umani x'jinkludu, inkluż f'dak li għandu x'jaqsam mat-Taqsima tal-kostruzzjoni ta' l-iskejjel.