Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li jridu jgħaddu ġuri fuq pussess u traffikar ta' droga; traffikar ta' droga; akkużi oħra fuq droga? Kemm minn dawn il-ġurijiet jinvolvu persuni ta' nazzjonalita' barranija? Minn fejn? Kemm minn dawn il-ġurijiet ġew appuntati? Kemm ilu l-aktar ġuri jistenna biex isir?
Response (GATT, AUSTIN)
L-informazzjoni dwar din il-mistoqsija għadha qed tinġabar u t-tweġiba tingħata aktar il-quddiem.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ġurijiet pendenti fuq qtil u attentati ta' qtil? Kemm hemm persuni ta' nazzjonalita' barranija akkużati f'dawn il-ġurijiet? Kemm minn dawn ġew appuntati? F'kull każ, kemm ilu l-aktar ġuri jistenna biex isir?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li peress li l-informazzjoni għadha qed tinġabar, ir-risposta tingħata f` Seduta ohra.
Jista' l-Ministru jgħid matul dawn l-aħħar ħames snin kemm kien hemm sentenzi tal-qorti fejn ġiet ikkonfiskata proprjeta'/flus eċċ meta akkużat instab ħati mill-qrati minħabba traffikar, pussess jew kultivazzjoni ta' droga? Dawn fil-fatt għaddew f'idejn l-Istat? Liema hi l-proprjeta' u x'ammont ta' flus fil-fatt saru ta' l-Istat?
Response (GATT, AUSTIN)
L-informazzjoni dwar din il-mistoqsija għadha qed tinġabar u t-tweġiba tingħata aktar `il quddiem.
Jista' l-Ministru jgħid mindu ngħataw il-kuntratti għas-servizz ta' wardens, kemm-il kunsill lokali: (a) temm dan is-servizz; (b) wera l-intenzjoni bil-miktub jew verbalment li ma jagħmlux użu minn dan is-servizz; (c) kemm-il kunsill qatt ma applika għal dan is-servizz ta' warden?
Fil-każ ta' (a) u (b) x'raġunijiet ingħataw?
Response (GATT, AUSTIN)
Sal-lum ma jirriżultax li xi Kunsill Lokali iddeċieda li jtemm dan is-servizz jew li ma jridx jagħmel użu minn dan is-servizz. Il-Kunsilli Lokali kollha ta` Malta w Għawdex iffirmaw co-operation agreements bejniethom li permezz tagħhom impenjaw ruħhom li jikkoperaw f`dan il-proċess ta` devoluzzjoni.
Tista' l-Ministru tgħid x'faċilitajiet jeżistu f'Għawdex biex dawk li jabbużaw mid-droga jkunu jistgħu jfittxu l-għajnuna? Tista' tgħid kemm-il persuna talbet għajnuna minħabba l-abbuż mid-droga matul din is-sena? X'kienet id-droga abbużata?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li fl-Isptar Ġeneral ta' Għawdex jeżistu l-faċilitajiet taċ-Ċentru tad-Detox u s-servizzi psikjatriċi li jistgħu jagħmlu użu minnhom persuni li jabbużaw mid-droga.
Matul din is-sena kien hemm erba' persuni li għamlu użu minn dawn is-servizzi peress li kienu jabbużaw mill-eroina.
Ta' min jinnota li persuni li jabbużaw minn drogi minbarra l-eroina, ġeneralment jagħmlu użu mis-servizzi offruti mill-OASI, mis-SEDQA u mill-CARITAS.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pulizija hijiex qed tinvestiga kif inbeda l-ħruq ta' siġar quddiem il-kulleġġ De La Sale u biswit l-iskola Verdala (Ġużeppi Despott) nhar il-Ġimgħa 23 ta' dan ix-xahar? Fiex waslet din l-investigazzjoni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-każ li rrefera għalih l-Onor. Interpellant għadu qed jiġi nvestigat mill-Pulizija.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet il-ħsara lill-ambjent li saret bil-ħruq ta' siġar fil-post quddiem il-kulleġġ ta' De La Sale u biswit l-iskola tal-Verdala (Gużeppi Despott) nhar il-Ġimgħa 23 ta' Ġunju? X'passi se jittieħdu biex is-siġar meqruda jitneħħew u jinżergħu oħra?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ħadt nota ta' dak li qed jgħid l-Onor. Interpellant u allavolja s-sit inkwestjoni jaqgħa taħt ir-responsabilta tal-kunsilli lokali, ser nibgħat uffiċjali kompetenti biex jinvestigaw.
Jista' issa l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari numru 17283?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hu maħsub li l-iskola nawtika tiġi nkorporata fl-Istitut Marittimu tal-Kulleġġ Vokazzjonali. Il-bini ta' l-iskola nawtika sejjer jiġi msewwi u rranġat kif jixraq.
Jista' l-Ministru jgħid hemmx xi persuni li jgħaddu żmien fl-Isptar Monte Carmeli li jkollhom iħallsu taż-żmien li joqogħdu hemm?
Fil-każ, kemm hemm minn dawn il-persuni?
Kemm iħallsu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Persuni ta` nazzjonalita` barranija li jidħlu għall-kura ġewwa l-isptar iridu jħallsu għaż-żmien li jgħaddu ġewwa l-isptar. Jiġu eżentati mill-ħlas dawk il-persuni li jaqgħu taħt waħda mill-kondizzjonijiet li jidhru hawn taħt:-
a) Persuni barranin li jkunu miżżewġin ma` Maltin.
b) Persuni barranin li jkunu jħallsu l-kontribuzzjonijiet tas-Sigurta` Nazzjonali.
c) Persuni li jiddaħħlu fl-isptar kontra l-volonta` tagħhom.
d) Persuni li jiddaħħlu fl-isptar u li jkunu ġejjin mill-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin.
Persuni ta` nazzjonalita` Ingliża biss jiġu eżentati wkoll mill-ħlas skont kif ġej:-
1. Jekk jiddaħħlu fl-isptar qabel ma jkunu ilhom 30 jum f'Malta.
2. Jekk ikunu residenti permanenti f'Malta.
Persuni ta` nazzjonalita` Awstraljana ma jħallsux għall-kura li jieħdu jekk ikunu ilhom f'Malta għal anqas minn sitt xhur.
Persuni ta` nazzjonalita` Ingliża jħallsu bir-rata ta` LM12 kull jum fil-waqt li l-oħrajn iħallsu bir-rata ta` LM85 kull jum.
Fil-preżent ġewwa l-Isptar Monte Carmeli ma hawnx persuni li qed jiġi mitlub xi ħlas minnhom.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-iskejjel ta' l-Istat li matul Lulju, Awissu u Settembru se ssirilhom xi manutenzjoni? X'inhu x-xogħol li se jsir f'kull skola u kemm se jintnefaq f'kull skola?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 17492.
Jista' l-Ministru jgħid x'se jkun is-salarju tal-kapijiet ta' l-iskejjel, assistenti kap u għalliema ta' gradi differenti mill-1 ta' Jannar 2001, wara l-ftehim kollettiv li kien sar mal-gvern?
Response (GALEA, LOUIS)
Jekk l-Onor. Membru qed jirreferi għall-ftehim kollettiv li kien sar mill-Unions fl-14 ta' Diċembru 1998, allura it-tabella bis-salarji ġodda mħabbra b'seħħ mill-1 ta' Jannar, 2001, ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. F'din it-tabella hemm ukoll dawk tal-Kapijiet ta' l-Iskejjel, Assistenti Kap u għalliema ta' gradi differenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm bħalissa huwa n-numru ta' armi reġistrati mal-pulizija? Jista' jagħti breakdown tat-tip ta' armi? Jista' jgħid kemm-il arma ġiet reġistrata matul din is-sena, xahar b'xahar? X'kienu dawn l-armi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fil-preżent hawn 61,982 arma tan-nar reġistrati mal-Pulizija kif jidher fuq it-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Din iċ-ċifra tkopri kemm is-snieter (44,350) kif ukoll air weapons (5,525) kif ukoll ammont sostanzjali ta` 'antique weapons'. Ninsab infurmat ukoll li matul l-ewwel ħames xhur ta` din is-sena, l-armi reġistrati kienu kif ġej : -
Jannar 80
Frar 114
Marzu 211
April 119
Mejju 228
Dawn huma snieter(68%), air weapons, percussion u flintlock pistols, starting pistols, rifles, black powder pistols u harpoons.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il membru tal-korp tal-pulizija bħalissa jinsab sospiż? Fuq liema akkużi? Kemm minnhom, ta' liema rank u fuq liema akkużi qed jistennew biex jgħaddu ġuri; qed jistennew biex jgħaddu kumpilazzjoni; qed jistennew jew qed jgħaddu proċeduri quddiem il-PSC?
Kemm ilhom jistennew f'kull każ? Liema huma sospiżi u qed jieħdu paga sħiħa, nofs paga, l-ebda paga?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant huwa kif jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid liema huwa dak il-bini li qed iservi bħala skola li huwa skedat mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar? F'liema grad? F'din l-aħħar sena - minn Ġunju 1999 - kien hemm xi rapporti/lmenti li sar xi xogħol kontra l-liġi u /jew mingħajr il-permess ta' l-awtorita'? Jekk iva, fejn x'kien ix-xogħol u x'passi ttieħdu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-lista ta` skejjel skedati mill-Aworita` ta` l-Ippjanar li tiffoka fuq il-valur ta` Wirt Storiku hi kif jidher hawn taħt:
Site GN No GN Date Degree
---- ----- ------- ------
Government School,Triq Depiro, Sliema 700/95 11/10/95 2
Alcazar School of Beauty, Rudolph Str.,
Sliema 700/95 11/10/95 2
Institute of Tourism Studies,
St. Georges Bay 755/95 12/05/95 2
School, Triq l-Iskola, Tarxien 199/96 26/03/96 2
Pembroke Fort, Pembroke 583/96 06/09/96 1
Victoria Pub (Part of St. Michael School) 583/96 06/09/96 1
Sprach Caf, Pembroke 583/96 06/09/96 1
Italian School, Pembroke 583/96 06/09/96 1
Ninsab infurmat ukoll li ma jirriżultax li kien hemm xi rapport li sar xogħol mingħajr permess.
B'riferenza għar-rapport li deher fil-ħarġa ta' "l-orizzont" ta' l-Erbgħa 8 ta' Settembru, 1999 fejn ġie rapportat li "ammetta li ċertu apparat fl-iskejjel tekniċi huwa antik u għandu jinbidel", jista' l-Ministru jgħid x'sejra tkun in-nefqa tad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni f'apparat għal dawn l-iskejjel għas-snin 2000, 2001 u 2002? Jista' jelenka liema apparat hemm il-ħsieb li jinxtara kif ukoll jgħid x'jiswa tali apparat rispettiv? B'riferenza għall-istess rapport fejn ġie rapportat li qal li "wiegħed li sas-sena li ġejja l-klassijiet kollha fl-iskejjel primarji jkollhom il-faċilitajiet tal-komjuters" jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjani biex tali għan jintlaħaq, kif ukoll jgħid b'mod dettaljat x'sejra tkun in-nefqa biex tali wegħda tiġi mwettqa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bħalissa beda proċess biex jiġu riveduti l-korsijiet fl-ewwel u t-tieni livell ta' ċertifikazzjoni vokazzjonali.
Hekk kif jiġu rivdeduti dawn il-korsijiet ikun jista' jiġi identifikat dak l-apparat li hemm bżonn jinbidel.
Informat ukoll li l-pjani biex sas-sena li ġejja l-klassijiet kollha fl-iskejjel Primarji jkollhom il-faċilitajiet tal-komputers huma kontinwazzjoni tal-pjani bħas-snin ta' qabel.
In-nefqa stmata ser tkun kif ġej:
sena 2000 sena 2001
Hardware 540,000 550,000
Software 50,000 50,000
Għamara 50,000 50,000
Alarm Systems 30,000 30,000
Electrical Installation 170,000 180,000
Networking 180,000 180,000
TOTAL 1,000,000 1,050,000
Jista' l-Ministru jgħid xi tħallas, b'mod dettaljat, mill-Ministeru tiegħu u minn kull enti li taqa' taħtu jew li fil-passat kienet taqa' taħt il-Ministeru tiegħu fil-perijodu bejn it-12 ta' Mejju, 1987 sal-lum il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament f'salarji, benefiċċji u allowances, xahar b'xahar, u bl-approvazzjoni ta' min saru tali ħlasijiet?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni għada qed tinġabar u risposta tingħata f`seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex qed ikompli jingħata tilqim kontra l-mumps meta qed jitqies mhux effettiv tant li dan l-aħħar kien hemm imxiegħa ġenerali tal-mumps li laqtet anke lil dawk li kienu mlaqqma?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li mhux minnu li t-tilqim kontra l-mumps li jintuża Malta (l-istrain ta` Jeryl-Lynn) mhux effettiv biex jipprevjeni l-marda tal-gattone. L-imxiegħa tal-gattone li kellna dan l-aħħar huwa riżultat tar-rati baxxi ferm tat-tilqim li kellna mill-1984 (3.25% biss kienu tlaqqmu) sa 1993 (kienu tlaqqmu 53% biss) jiġifieri sa kemm din it-tilqima saret popolari mal-poplu.
Għalhekk din is-sena kien hemm numru sostanzjali ta` tfal bejn is-seba` snin u l-ħmistax-il sena 'l fuq li ma kienux mlaqqmin kontra l-gattone u dawn ikkontibwixxew sa biex il-virus jinfirex faċilment fil-populazzjoni. Minħabba li l-ebda vaccin mhu mija fil-mija protettiv, l-virus affetwat ukoll ftit minn dawk it-tfal li kienu mlaqqmin iżda li ma kellhomx reazzjoni immunitarja biżżejjed f'ġisimhom.
Id-Diviżjoni tas-Saħħa xorta jirrakomanda l-użu tal-vaccin biex itejjeb l-immunita` fil-populazzjoni u b'hekk nipprejenu li haġa bħal din terġa ssir.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet l-inkjesta interna dwar il-ħarba tat-tliet priġunieri aktar kmieni dan ix-xahar mill-faċilita' korrettiva ta' Kordin? Min qed imexxi l-inkjesta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-investigazzjoni nterna dwar il-ħarba tat-tlett priġunieri li seħħet fis-7 ta` Ġunju, 2000 hija immexxija mill-Awtoritajiet tal-Ħabs u għadha ma ġietx konkluża.
Jista' l-Ministru, bħala responsabbli mill-isport, jgħid liema huma dawk l-għaqdiet/individwi li ngħataw għajnuna finanzjarja matul din is-sena? Kemm ingħatat għajnuna lil kull għaqda/individwu? Liema kienu dawk l-għaqdiet/individwi li talbu għajnuna iżda t-talba tagħhom ġiet miċħuda? X'kienu r-raġunijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ismijiet ta' għaqdiet / individwi li gawdew minn għajnuna finanzjarja matul din is-sena ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
L-għaqdiet li t-talba tagħhom ġiet miċħuda kienu dawn:
* Shotokan Karate School, World Kickboxing Association, Bukonkai Karate School, Malta Ahotokan Karate, Mġarr Martial Arts Club, Malta Aikido Federation, Pro-Am Wing Tch un Org (Malta). Minn riċerka li għamel il-Board imwaqqaf biex jikkunsidra t-talbiet għall-għajnuna u minn imformazzjoni mgħoddija mill-Kunsill Malti għall-Isport, jirriżulta li dawn l-entitajiet huma fergħat sparpaljati ta' dixxiplini ta' Martial Arts li m'mhumiex parti minn Federazzjoni Nazzjonali, u li jaħdmu għal rashom fl-attivitajiet tagħhom. Jirriżulta wkoll li ħafna minn dawn l-għaqdiet jilqgħu ħlasijiet regolari għat-tagħlim li jagħtu u allura m'humiex fuq bażi volontarja jew non-profit making bħal maġġoranza kbira ta' għaqdiet sportivi oħra f'Malta.
* Aquarrigo Scuba Diving Centre u Calypso Sub Aqua Club. Dawn huma 'diving schools' li l-attivitajiet tagħhom mhumiex fuq bażi volontarja jew non-profit making.
* Luxol Sports Club. Dan il-Club talab għajnuna għall-iżvilupp fi propjeta` mogħtija b'titlu legali mill-Gvern u, skond l-istess kuntratt, ma jistax jingħata għajnuna mill-Gvern għal żvilupp simili.
* Malta Kingfisher, Ħamrun Samra F.C. u Dingli Amateurs. Dawn l-għaqdiet talbu għajnuna għat-tmexxija 'day to day' ta' l-għaqda rispettiva tagħhom. Dan kien kriterju li jeskludi għajnuna simili.
* Savio College, Dingli. Il-Kulleġġ talab għajnuna għall-bini ta' kumpless sportiv fuq propjeta` privata. F'dan il-każ il-Board ċaħad din it-talba għaliex ħass li tali għajnuna għandha tiġi l-ewwel mill-istess settur privat, anke minħabba l-fatt li għajnuna simili ntalbet minn skejjel privati oħra u kienet ġiet miċħuda għall-istess raġuni.
Id-Dipartiment għad għandu applikazzjonijiet oħra li dwarhom qed tintalab informazzjoni addizzjonali lill-għaqdiet rispettivi qabel ma jiġu kkunsidrati t-talbiet li għadhom pendenti.