Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm instructors fl-iskejjel tal-Gvern: (a) f'Malta; u (b) f'Għawdex?
F'liema skejjel se jgħallmu fis-sena skolastika 2000 - 2001?
X'opportunijiet se jkollhom l-instructors għal promozzjonijiet issa li bdew jagħlqu l-iskejjel tas-snajja'?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' Instructors fl-iskejjel tal-Gvern f'Malta hu 641 u f'Għawdex hu 65 fis-sena skolastika 1999 -2000.
Fis-sena 2000-2001, il-biċċa l-kbira tagħhom ser jibqgħu fl-istess skola, jekk ma jkunux talbu xi transfer għal xi skola oħra.
Il-kwestjoni msemmija fl-aħħar parti tal-Mistoqsija hi regolata kif inhuma regolati l-promozzjonijiet kollha fis-Settur Pubbliku.
Jista' l-Ministru jgħid x'vijabilita' tara l-Enemalta li kumpanniji barranin jiġu Malta jipproduċu l-enerġija mir-riħ? X'kuntatti għamlu kumpaniji barranin ma' l-Enemalta f'dan il-qasam ta' l-enerġija mir-riħ?
Kemm mill-bżonn nazzjonali ta' l-enerġija wrew li lesti jipproduċu mir-riħ?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Korporazzjoni Enemalta irċeviet numru ta' proposti minn kumpaniji barranin li iddikjaraw ruħhom interessati li jesploraw il-possibilta' li jibnu impjanti f'Malta sabiex jipproduċu enerġija mir-riħ.
Dawn il-proposti ivarjaw f'dik li hija il-kwantita' ta' enerġija li qed jindikaw li jistgħu ikunu f'qagħda li jiġġeneraw.
Dawn il-proposti lkoll jispeċifikaw li l-enerġija kollha li jipproduċu trid tinxtara mill-Enemalta. Minħabba li r-riħ, mill-istess natura tiegħu, ivarja konsiderevolment u ma tistax tiddependi minnu dejjem; anki jekk il-Korporazzjoni timplimenta impjant għall-produzzjoni ta' enerġija mir-riħ, xorta waħda jkollha tinvesti f'impjant ieħor konvenzjonali sabiex tkun f'qagħda li tissuplixxi l-elettriku meħtieġ anki meta ma jkunx hemm riħ. Dan jirrappreżenta ostaklu serju għall-viabbilta' ekonomika ta' dawn it-tip ta' proposti għaliex ifisser li ma l-ispejjeż sabiex wieħed jibni dawn l-impjanti u sabiex joperhom wieħed irid iżid ukoll l-ispejjeż ta' impjanti oħra li jridu wkoll jinxtraw u jinżammu standby għal meta ma jkunx hemm riħ.
Madanakollu l-Gvern xorta waħda għadu qed jistħarreġ il-possibilta' ta' proġett għal produzzjoni ta' enerġija mir-riħ. Dan speċjalment sabiextiġi determinata il-vijabilita' konkreta ta' impjanti ta' dan it-tip, (a) għal dak li għandu x'jaqsam mal-qawwa u konsistenza tar-riħ meħtieġ, (b) għan-numru ta' raddieni u għall-ispazju li jkun neċessarju li jiġi allokat għalihom u (c) għall-impatt viżwali u akustiku li proġett bħal dan bilfors jimplika.
Jista' l-Ministru jgħid kemm telgħet in-nefqa fuq l-overtime għal xogħol li sar fuq iċ-ċentru tar-restawr f'Ta' Bighi minn Settembru, 1998 sal-lum? Min ħadem dan l-overtime? Kull ħaddiem kemm ingħata?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-nefqa fuq l-overtime għal xogħol li sar fil-Malta Centre for Restoration f'Bighi bejn Novembru 1999 u Mejju 2000 tammonta għal madwar Lm31,500. Dan l-overtime sar minn għadd ta' ħaddiema mill-Education Division.
M'hix il-prassi li tingħata l-informazzjoni mitluba fl-aħħar parti tal-Mistoqsija fejn jissemma' ħaddiem ħaddiem b'ismu.
Jista' l-Ministru jgħid liema kumpanniji barranin wrew l-interess li jiftħu wind farms f'Malta biex jipproduċu l-enerġija mir-riħ? Liema partijiet ta' Malta u Għawdex huma tajbin biżżejjed biex jipproduċu l-enerġija mir-riħ?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Diversi kumpaniji tkellmu mad-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent fuq proġetti ta' wind farms. Id-dipartiment inkuraġġixxa dawn l-inizjattivi u talabhom li jitkellmu ma' l-Enemalta u mal-Korporazzjoni Maltija għall-Iżvilupp.
Ma naħsibx li jkun prudenti li jingħataw ukoll l-ismijiet tal-kumpaniji nvoluti.
Minkejja l-impenn li fis-sena akkademika l-ġdida l-Universita' ħadet biex torganizza l-kors tat-teknoloġija dentali, jista' l-Minstru jgħid għaliex issa ttieħdet id-deċiżjoni li dan il-kors mhux se jsir?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Universita` għadha bil-ħsieb li jinfetaħ il-kors tat-Teknoloġija Dentali mill-aktar fis possibli wara li jiġu żgurati l-faċilitajiet u riżorsi neċessarji.
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-passi kollha meħtieġa biex il-faċilita' korrettiva ta' Kordin tkompli tiffinanza l-istudenti li qed jagħmlu l-kors tal-M.Psych?
Ma jarax li għandu bżonn persuni mħarrġa u kwalifikati f'dan il-qasam? Jista' jintervjeni biex jgħin isalva dan il-kors?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Awtoritajiet tal-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin qatt ma ffinanzjaw studenti li qed jagħmlu l-kors tal-M Psych. Li ġara kien li s-sena l-oħra, qabel ma beda dan il-kors, kien hemm problema minħabba li żewġ studenti ma ġewx sponsorjati. Għalhekk kien sar suġġeriment li dawn iż-żewġ studenti jiġu sponsorjati mill-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin bil-patt u l-kundizzjoni li wara li jiggradwaw dawn jintrabtu bi ftehim li jagħtu servizz b'xejn fil-Faċilita' għall-perijodu ta' ħames snin.
Ninsab informat ukoll li dawn iż-żewġ studenti m'humiex impjegati fis-servizz pubbliku iżda huma mpjegati jew se jkunu mpjegati ma' l-Aġenzija Sedqa u l-S.W.D.P. rispettivament. Meta dawn ġew mitluba mid-Direttur tal-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin biex jersqu ħalli jiffirmaw il-ftehim imsemmi iktar 'il fuq huma naqsu li jagħmlu dan.
Jista' l-Ministru jara x'jista' jsir biex jiġi salvat il-kors tal-M.Psych li jinsab fil-perikolu li jikkollassa wara diffikultajiet li nħolqu bejn dawk li qed jagħmlu l-kors iffinanzjat minn diversi ministeri?
Jista' jintervjeni biex il-kors jiġi salvat għax ċert li huwa konxju kemm għandna bżonn educational psychologists għall-istudenti tagħna?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kors tant meħtieġ ta' l-M.Psy ser ikompli kif kien ippjanat. Id-diffikultajiet li kienu nħolqu ġew indirizzati mill-Ministeri li qed jiffinanzjaw il-kors.
Jista' l-Ministru jgħid x'mezzi ta' komunikazzjoni, base stations, transmitters eċċ jeżistu fuq il-bjut ta' l-Isptar San Luqa? Jista' jagħti lista sħiħa ta' dawk l-istrutturi? Fejn jinsabu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-apparat tat-telekomunikazzjoni ġo l-Isptar San Luqa huwa dan:
1 Stazzjon tat-telefonija cellulari, installat f'Jannar 1997 u qiegħed fuq il-bejt tas-Central Block.
2.1 Tlett Base Stations tal-UHF radio li jintuża għal kommunikazzjoni bejn l-isptarijiet, iċ-Ċentri tas-Saħħa u l-ambulanzi, installat f'Marzu 1997, fuq is-Central Block.
2.2 Base Station ieħor tat-(2.1) fuq in-New Administration Block, installat f'Ottubru 1998.
3 Stazzjon b'repeater tal-VHF radio li jintuża għal komunikazzjoni bejn persuni ta' l-Engineering Division, installat f'1989.
Tista' l-Ministru tgħid x'ħidma ssir bejn il-Ministeru ta' Għawdex u dak ta' l-Edukazzjoni biex jiġi żgurat kordinazzjoni bejn Malta u Għawdex fil-qasam edukattiv?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-Fergħa ta’ l-Edukazzjoni f’Għawdex ssegwi l-policies kollha tad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni f’Malta u li regolarment isiru laqgħat bejn uffiċċjali miż-żewġ naħat biex jiġi żgurat li jkun hemm koordinazzjoni bejn Malta u Għawdex f’dan il-qasam.
Jista' l-Ministru jgħid xi struttura teżisti għat-tagħlim tal-priġunieri fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin? Fl-aħħar sentejn kemm kien hemm persuni jgħallmu f'din l-istruttura? Għaliex telqu daqshekk persuni mit-tagħlim tal-priġunieri? X'se jiġri biex ma jkunx hemm turn-pver daqshekk qawwi ta'għalliema peress li dan iċ-ċaqliq kollu jkisser il-kontinwita' meħtieġa fl-inizjattiva edukattiva?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-istruttura li teżisti fil-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin għat-tagħlim hija kif ġej :
Tliet (3) klassijiet li huma mgħammra b`dawk il-ħtiġijiet neċessarji għat-tagħlim u riżorsi edukattivi.
Librerija
Klassi tal-kompjuters
Klassi tal-arti
Jinżammu klassijiet mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn 9.30am – 12.00 (nofs in-nhar) u bejn 2.30pm u 6.30pm minn 15-il għalliem part-time.
Fl-aħħar sentejn kien hemm madwar 40 għalliem li kienu mpjegati mall-Faċilita` b`medja ta` ħmistax-il għalliem.
L-Awtoritajiet tal-ħabs qatt ma keċċew jew żammew lil xi għalliem milli jkompli bil-ħidma tiegħu fil-Faċilita`. Dawk li ma komplewx jgħallmu għamlu hekk għal raġunijiet tagħhom. L-aktar skuża li nġabet kienet "minħabba n-natura tal-post".
L-awtoritajiet tal-ħabs żgur li ma humiex favur tibdiel ta` għalliema u jassiguraw il-bżonnijiet kollha lil għalliema li jkunu jagħtu servizz fil-Faċilita`.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet l-Awtorita' ta' l-Ippjanar fix-xhur ta' Mejju, Ġunju, Lulju biex jiġi żgurat li x-xogħolijiet fir-razzett fi Triq San Ġorg f'San Pawl il-Baħar qed isiru skond il-permessi mitluba u mogħtija? Kemm saru spezzjonijiet? Xi nstab fihom?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 14515, ninsab infurmat li f`dawn l-aħħar xhur saru diversi spezzjonijiet mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar fis-sit in kwistjoni. F`dawn l-ispezzjonijiet instab li fil-fatt ix-xogħlijiet li saru kienu fuq ħajt ta` lqugħ (retaining wall) bejn żewġ egħlieqi li jinsabu biswit dan ir-razzett. Dawn ix-xogħlijiet huma koperti b`notifikazzjoni maħruġa fit-12 ta` Awissu 1999, skond Ordni ta` Żvilupp Ġenerali b`referenza GDO 1715/98.
Ta` min jinnota li kif intqal fit-Tweġiba preċedenti, fuq ir-razzett innifsu kienu saru xogħlijiet mingħajr permess, fosthom, stores, shed, manure pit u cess pit. Għaldaqstant fit-22 ta` Settembru 1999 kien inħareġ Avviż ta` Twettieq, liema Avviż qed jiġi trattat f`Appell li għadu pendenti. Ma saru l-ebda xogħlijiet fuq ir-razzett wara l-ħruġ ta` l-imsemmi Avviż ta` Twettieq.
Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar sentejn x'każi tressqu l-qorti mill-pulizija kontra persuni li nstabu għadhom speċi ta' rettili, tjur u annimali li huma pprojbiti bil-liġi li żżommhom? X'kienu dawn l-ispeċi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar sentejn kien hemm 48 każ imressqa quddiem il-Qorti mill-Pulizija kontra persuni li nstabu għandhom speċi protetti. L-ispeċi protetti kienu jinkludu, gremxul, fkieren, griedel, vriden, tajr isfar, sponsuni, apparelli, flamingo, ġojjini, spanjolett, burbajq, dizz, tajr tal-priża, birwin, papri, ġlud ta` għasafar.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapport imħejji għall-Awtorita' tat-Trasport Pubbliku dwar l-impatt ta' l-acquis ta' l-Unjoni Ewropea fuq it-trasport pubbliku lokali?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li r-rapport indikat mill-Onor. Interpellant għadu mhux finaliżżat.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-proċeduri li suppost jiġu segwiti meta f'xogħol fuq kuntratt pubbliku jiżviluppaw varjazzjonijiet qawwija fuq il-prezz oriġinali li bih il-kuntratt ikun intrebaħ? Kemm qed jiġu segwiti dawn il-proċeduri?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li varjazzjonijiet barra l-limitu tal-kundizzjonijiet tat-tender huma dejjem regulati mill-Public Service (Procurement) Regulations 1996 - Legal Notice 70/99. Il-klawsola relattiva 5(2) (m) taħt ir-Raba (4) skeda tistabillixi dawn ir-regolamenti li ġejjin:-
'Ir-RABA SKEDA’
(Regolament 5 (2) (m))
Ordnijiet ta’ Varjazzjoni
1.
F’kull każ meta tenħtieġ approvazzjoni għal ordnijiet ta’ varjazzjoni għandha tinkiseb mid-Direttur qabel ma ssir xi rabta bejn id-dipartiment jew organizzazzjoni pubblika u l-kuntrattur.
2.
Meta tintalab dik l-approvazzjoni, id-dipartiment jew organizzazzjoni pubblika għandhom jippreżentaw dokument li fih jispeċifikaw ir-raġuni u l-kawża ta’ dik il-varjazzjoni, l-effett fuq in-nefqa totali ta’ l-offerta u kull effett fuq in-nefqa rikorrenti li tirriżulta.
3.
Fl-għoti jew fir-rifjut ta’ talba bħal dik għal varjazzjoni, id-Direttur għandu jispeċifika xi tkun l-opinjoni tiegħu dwar jekk dik il-varjazzjoni setgħetx ġiet evitata u l-proċedura li għandha tiġi segwita fil-ġejjieni mid-dipartiment jew mill-organizzazzjoni pubblika sabiex tiġi evitata rikorrenza.
4.
Id-Direttur għandu jżomm dokumentazzjoni sħiħa ta’ talbiet għal varjazzjoni inkluż isem il-kuntrattur involut u dettalji ta’ dawk id-dokumenti speċifikati fil-paragrafi 2 u 3 ta’ din l-Iskeda.
Dawn il-proċeduri huma invarjabilment segwiti mid-Direttur tal-Kuntratti fil-każ ta’ kull kuntratt publiku li jkun ingħata minnu. (Fejn ikun neċessarju jittieħed il-parir tal-‘adviser’ tekniku tal-Kumitat tal-Kuntratti).
Varjazzjonijiet fuq kuntratti dipartimentali jaqgħu taħt ir-responsabilita tal-Ministru konċernat, jew id-delegat tiegħu.
Tali varjazzjonijiet barra l-limitu tal-kundizzjonijiet tat-tender, jiġu ppublikati fil-Gazzetta tal-Gvern sa mhux aktar tard minn erba’ (4) xhur minn meta jkunu ġew approvati.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu fl-inħawi ta' Paceville, Pembroke, San Ġorġ u Swieqi biex ikun hemm preżenza aktar qawwija tal-pulizija f'dawn ix-xhur tas-sajf biex jitrażżan l-abbużi u l-ksur tal-liġi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi, bħalma kien sar is-sena l-oħra, matul ix-xhur tas-sajf żdiedu l-patrols f`dawk il-lokalitajiet l-aktar frekwentati matul ix-xhur tas-sajf. Barra minn dan, fl-inħawi ta`Paċeville, żdieded il-preżenza tal-Pulizija matul il-ħinijiet ta` filgħaxija, kif ukoll ġiet introdotta Mobile Police Station sabiex jinqdew aħjar il-ħtiġijiet ta` din il-lokalita`.
Biex jitwettqu l-proposti li hemm fil-pjan lokali tas-Swieqi li l-ħwienet jiġu kkonċnetrati flimkien flok jibqgħu mxerrda qalb ir-residenti, se jittieħdu xi passi li jolqtu ħażin lill-ħwienet eżistenti jekk ma jaċċettawx li jmorru fejn se jiġu kkonċentrati l-ħwienet il-ġodda?
Response (BORG, TONIO)
Bħalma wieħed jista` jifhem il-Pjan Lokali jinkludi diversi tipi ta` policies – dawk illi jobbligaw implimentazzjoni minn xi aġenzija – filwaqt li oħrajn iservu biex ikunu ta` gwida meta jkun hemm applikazzjonijiet ta` żvilupp (enabaling policies). Dan ifisser li implimentazzjoni ta` polices bħal dawn iseħħu fuq mhedda itwal ta` żmien. Dan allura ifisser illi s-sidien eżistenti tal-ħwienet ma jkunux effetwati.
Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar sentejn kemm inqabdu persuni mill-uffiċjali tad-Dwana huma u jipprovaw idaħħlu Malta speċi protetti? X'tip ta' speċi: rettili, tjur u annimali kienu qed jipprovaw idaħħlu?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li f'dawn l-aħħar sentejn kien hemm 29 persuna li ttellgħu l-Qorti għax inqabdu mill-Uffiċjali tad-Dwana huma u jippruvaw idaħħlu Malta speċi protetti:
L-ispeċi maqbuda kienu :
195 frieken
652 għasafar ħajjin
216 ġlud tal-għasafar
7 rettili ħajjin
Minn Settembru 1998 sal-lum, tista' l-Ministru tgħid kemm hemm persuni f'Għawdex li għaddew bord mediku biex ma jkomplux jaħdmu u jieħdu l-benefiċċji soċjali?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li minn Settembru 1998 sas-26 ta’ Lulju 2000 kien hemm 36 impjegat fil-Ministeru għal Għawdex li għadda bord mediku.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati taċ-ċivil li għalqu l-61 sena u għadhom jaħdmu mal-gvern taħt xi forma jew oħra? X'qed jagħmlu fix-xogħol tagħhom?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi n-numru ta’ persuni li għandhom ’l fuq minn 61 sena, u li qed jaħdmu mal-Gvern illum huwa ta’ 88.
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista li turi d-dettalji tax-xogħol li kull wieħed minnhom qiegħed jagħmel.
Studenti universitarji li jieħdu sehem fl-iskema tax-xogħol fis-sajf, xi ħlasijiet kienu jirċievu individwalment fis-sajf ta' l-1997, 1998, 1999 u 2000?
Jista' jagħti t-tweġiba bis-somma li kien jieħu b'kollox l-istudent?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-iskema tas-sajf fl-1997 studenti kienu jirċievu ħlas ta' Lm460.48 għal 250 siegħa xogħol mifruxa fuq 10 ġimgħat.
Fl-iskema tas-sajf fl-1998 studenti kienu jirċievu ħlas ta' Lm252.08 għal 160 siegħa xogħol mifruxa fuq 8 ġimgħat.
Fl-iskema tas-sajf fl-1999 studenti kienu jirċievu ħlas ta' Lm259.66 għal 160 siegħa xogħol mifruxa fuq 8 ġimgħat.
Fl-iskema tas-sajf fl-2000 studenti sejrin jirċievu ħlas ta' Lm264.00 għal 160 siegħa xogħol mifruxa fuq 8 ġimgħat.
Ikun hemm tnaqqis pro-rata għal min jaħdem siegħat inqas mill-ħin mitlub.