Jista' l-Minstru jgħid matul is-sentejn li għaddew kemm tlestew pjanti mill-periti tad-dipartiment tat-toroq għal dawk it-toroq li ħarġu b'kuntratt mill-gvern?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li mhux possibbli li tingħata l-informazzjoni peress li tant saru pjanti ta' kull tip u dettal fuq ix-xogħolijiet tad-Dipartiment, li fil-perjodu msemmi kien hemm żewġ draughtsmen full time fuq dan ix-xogħol, kif ukoll żewġ periti li minn żmien għal żmien huma stess ġieli għamlu pjanti li kienu jinħtieġu.
Fl-aħħar sena żdiedu wkoll seba' gradwati mill-Universita' li segwew studju fuq id-disinn u kostruzzjoni ta' toroq li huma wkoll qed jesegwixxu xogħol ta' disinn kif meħtieġ.
Jista' l-Ministru jivverifika jekk l-istudenti tal-Form II fil-Junior Lyceum Maria Regina għandhomx kollha għalliema ta' l-Ingliż peress li f'nofs Ottubru kien hemm għalliema li telqet minn din l-iskola biex marret tgħallem skola privata?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għalliema konċernata marret tgħallem fil-Junior College fid-9 ta' Ottubru. Saru l-arranġamenti meħtieġa u l-istudenti kollha tal-Form II għanhom għalliema ta' l-Ingliż.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru testijiet tal-vetturi minn uffiċjali tad-Dipartiment matul din is-sena?
Għal-liema raġunijiet prinċipali?
Kemm weħlu mit-test?
Meta vettura jkollha bżonn li għal xi raġuni jsirilha xi test, kif jiġi żgurat li l-ħsara tkun irranġata?
Jista' jelenka t-tip tal-vetturi li sar test fuqhom bħal-trakkijiet, vetturi privati eċċ?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Uffiċċjali tad-Dipartiment tal-Liċenzji u t-Testijiet ma jagħmlux testijiet fuq il-vetturi. Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant il-Vehicle Roadworthiness Tests isiru minn stazzjonijiet awtoriżżati għal dan il-għan.
Nirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 19975 dwar il-kontroll tal-ħruġ ta' duħħan velenuż minn vetturi meta dan ġie ddikjarat internazzjonalment bħala ta' theddid għas-saħħa?
Id-Dipartiment għandu tagħmir effikaċi biex jikkontrolla u jipprova jelimina dan il-velenu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'koperazzjoni teżisti bejn id-Dipartiment tat-Trasport u l-pulizija dwar il-vetturi li jkunu mħarrka għaliex kienu qed isuqu vettura li mill-exhaust pipe tagħha kienet qed tarmi duħħan?
Il-pulizija jinformaw id-Dipartiment tat-Trasport meta tinħareġ ċitazzjoni dwar dan?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-infurzar tal-liġi hija prerogattiva tal-Pulizija.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-Mistoqsija Parlamentari numru 8349?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-aħħar sejħa għall-applikazzjoni fuq bażi permanenti għall-post ta' Kindergarten Assistants (Special Education) ħarġet f'Marzu 1996. Ħarġet sejħa għall-Facilitator fuq bażi permanenti f'Ottubru 1998.
Il-kors ta' Classroom Support Trainees sar bejn Frar 1998 u Awissu 1999.
Jista' l-Viċi Prim-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 17250?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li mhux kullħadd għadu bagħat din l-informazzjoni, id-Dipartiment għadu mhux f'pożizzjoni li jagħti total finali.
Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena li għaddiet kemm kien hemm kuntratturi li tħallsu għal toroq li ħadmu b'kuntratt għall-gvern? Kemm tħallas kull kuntrattur għax-xogħol li għamel fit-toroq?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant trid tinġabar minn diversi Dipartimenti, u għalhekk tingħata aktar 'il quddiem.
Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena li għaddiet kemm saru toroq li ħarġu b'kuntratt mill-gvern? Liema toroq kienu dawn? X'valur kienu l-kuntratti li ħarġu għal dawn it-toroq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta għal mistoqsija parlamentari Nru. 20244.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 17756?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-fondi taċ-Ċentru Malti għar-Restawr bdew ikunu allokati fl-Estimi Finanzjarji ta' din is-sena taħt il-Vot Kapitali III u l-Vot Rikorrenti 17 tal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni. Matul is-sentejn ta' qabel il-fondi kienu jidhru taħt il-Vot tad-Dipartiment tal-Mużewijiet. Għaldaqstant fuq firxa ta' tlitt snin l-investiment fiċ-Ċentru hu stmat li jammonta għas-somma ta' Lm1,914,560 maqsuma kif ġej:-
A) Mill-Estimi 2000 - Vot Kapitali III Lm400,000
- Vot Rikorrenti 17 50,000
- Virement fuq il-Vot III 446,000
Mill-846,000 minfuqha fil-Vot Kapitali, madwar 146,000 joħroġhom il-Gvern Malti u madwar 700,000 huma rifondibbli mill-Gvern Taljan.
B) Mil-Vot tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni (1998 - 2000)
- Pagi eċċ għal Ħaddiema Industijali eċċ
(sa 30/06/2000) Lm473,570.52,6
(sa 31/12/2000) 237,268.97,2
- Safety Shoes 808.95,0
- Scaffolding 677.36,0
C) Dipartiment tad-Mużewijiet (1998 - 1999) Lm303,234.34
(Minn din is-somma parti ġew minfuqha fuq Villa Bighi filwaqt li s-somma ta'
Lm212,300.50 ġiet trasferita liċ-Ċentru direttament wara li dan
twaqqaf uffiċċjalment.)
Il-voti antiċipati għaċ-Ċentru Malti għar-Restawr jidhri fl-Estimi 2001 meta jiġu pubblikat. Tajjeb wieħed ifakkar li dan il-proġett qed isir bl-għajnuna li qed jagħti l-Gvern Taljan taħt ir-Raba' Protokoll Finanzjarju bejn iż-żewġ pajjiżi.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 18027?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li matul Lulju li għadda l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma kellha tagħmel xi interventi fit-triq li għaliha qed issir riferenza. Dawn l-interventi kellhom isiru peress li kien ħiereġ xi ilma barra fit-triq.
Kien hemm suspett ta' ħsara f'erbgħa bnadi ta' din it-triq, iżda fil-fatt il-ħsarat kienu tnejn biss u dawn issewwew mill-ewwel. Fiż-żewġ bnadi l-oħra ma rriżultat ebda ħsara.
Peress li kien għad fadal xi ftit ta' l-ilma li baqa' ħiereġ, kellu jsir intervent ieħor biex tissewwa ħsara oħra. Il-problema issa tidher li ġiet solvuta.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 18300?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
It-Taqsima tax-Xogħlijiet permezz tad-Dipartiment tal-Bini u Inġinerija qiegħda tagħti servizz lid-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni bħalma tagħti lil kwalunkwe dipartiment tal-Gvern. Dan tagħmlu fuq bażi regulari bħala id-dipartiment ewlieni tal-gvern li huwa attrezzat li jagħti dan is-servizz. Madanakollu hija il-prerogativa ta' kull dipartiment jekk jużax dawn is-servizzi jew le.
Rigward il-proġett li qiegħed jirreferi għalieh l-Onor. Interpellant sa issa saru disinji preliminari u ġiet sottomessa 'Outline Development Application' lill-Awtorita ta' l-Ippjanar mit-Taqsima tax-Xogħlijiet.
Sa issa id-Divisjoni ta' l-Edukazjoni ma jidhirx li nfurmat lit-Taqsima tax-Xogħlijiet li s-servizzi tagħha m'għanhomx aktar validi.
Jista' l-Ministru jgħid matul l-aħħar sena x'passi ttieħdu (1) mill-pulizija (2) mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar stabbiliment illegali ta' mastrudaxxa li l-isem qed jintbagħat separatament f'Għajnsielem li jinsab fil-post bejn Triq il-Ġnien u Triq Benghazi?
Meta saru spezzjonijiet fuq il-post?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija ħadet passi quddiem il-Qorti kontra persuna li nhar is-26 ta` Jannar 2000 kien instab li qiegħed jaħdem ta` mastrudaxxa fil-post imsemmi mill-Onorevoli Interpellant.
Għal dak li jirrigwardja l-Awtorita` ta` l-Ippjanar, din għandha proċeduri ta` infurzar kontra l-użu tal-fond in kwestjoni. Il-każ jinsab pendenti flimkien ma` numru ta` każijiet simili f`Għawdex sabiex issir azzjoni diretta fuqhom. F`dan il-każ saret spezzjoni fil-11 ta` Ottubru 1999 meta nħareġ l-avviż ta` nfurzar u saret spezzjoni oħra fis-16 ta` Marzu 2000 qabel ma` l-każ tpoġġa fil-lista għall-azzjoni diretta.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu fil-bidu ta' din is-sena skolastika biex tidħol kuxjenza u jinbidlu mentalitajiet u mġieba biex ma jibqax ikollna tfal ta' l-iskola iġorru basktijiet tqal fuq daharhom bi ħsara għal saħħithom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fi Frar 2000 saret riċerka ġewwa l-iskejjel kollha inklużi tal-Knisja u l-Indipendenti wara li ntbgħatet ċirkulari OPS 3/2000. Din ir-riċerka kienet tikkonsisti fi kwestjonarju dettaljat u f'ispezzjoni ta' numru (random sample) ta' basktijiet ta' l-istudenti. Ħareġ rapport dwar ir-riċerka u kien approvat. Id-Direttur Ġenerali ltaqa' mal-kapijet ta' l-iskejjel Primarji u spjegalhom ir-rakkomandazzjonijiet. Dawn sejrin jiġu ċċirkolati fil-futur qrib. Wara, sejjer ikun hemm kampanja pubbliċitarja għall-ġenituri.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' studenti li qed jattendu is-Sixth Form fl-iskejjel ta' l-Istat, tal-Knisja u Indipendenti?
Jista' jelenka kemm hemm studenti subien u bniet li qed jattendu kull skola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-Junior College ta' l-Universita` in-numru ta' l-istudenti li qegħdin jattendu sas-16 ta' Ottubru huma dawn:
Nisa Irġiel Total
L-Ewwel sena: 775 622 1397
It-Tieni sena : 711 427 1138
Total globali : 1486 1049 2535
It-tagħrif għall-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti għadu ma wasallix.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' tfal li qed jattendu kindergartens ta' l-Istat, tal-Knisja u dawk indipendenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li din l-informazzjoni bħalissa qed tinġabar. Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tirċievi l-quarterly returns fl-aħħar ta' Ottubru u, wara, jrid isir l-għadd tat-totali u verifika.