Jista' l-Prim Ministru jgħid xi pjani hemm biex tissaħħaħ l-iskwadra marittima tal-Forzi Armati biex tikkumbatti l-kuntrabandu, sajd illegali, eċċ.?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li l-Iskwadra Marittima tal-Forzi Armati ta’ Malta għada kif xtrat “rigid hull dinghies”, apparat tar-radju u apparat ieħor relatat mas-satelliti. Minbarra dan, ġiet iffurmata sezzjoni ta’ suldati mħarrġin għal “board & search missions” kontra l-kuntrabandu, sajd illegali u attivitajiet illeċiti oħra.
Tlestiet l-ewwel fażi ta’ l-immodernizzar tal-moll f’Xatt it-Tiben. Għas-sentejn li ġejjin, ser jitkompla x-xogħol fuq il-moll u l-bażi. Inklużi f’dan il-proġett hemm il-bini ta’ uffiċini, mħażen u “workshops” ġodda, akkomodazzjoni aħjar għas-suldati, kif ukoll xiri ta’ apparat.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsiru x-xogħlijiet meħtieġa biex jissewwa t-taraġ li hemm fl-iskola primarja f'Tas Sliema? Meta se jitkomplew ix-xogħlijiet għar-riabilitazzjoni tal-bini ta' l-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ħejjiet offerta pubblika għax-xogħlijiet meħtieġa fuq it-taraġ imsemmi ta' l-iskola primarja ta' Tas-Sliema, liema offerta qgħeda tistenna l-awtorizzazzjoni meħtieġa biex tkun ippubblikata. Xogħlijiet ta' riabilitazzjoni fuq il-bini ta' l-iskola jkunu mbagħad jistgħu jitkomplew wara li jitlesta x-xogħol tan-naħa ta' l-iskola sekondarja u din bdiet tintuża.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-ġenituri tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament li għandu 11-il sena ġew mgħarrfa biex ma jibgħatux it-tifel fl-iskola primarja ta' Ħaż-Żebbuġ (Malta)?
Kif jista' l-Istat jabdika mid-dmir kostituzzjonali li jipprovdi l-edukazzjoni lil dan it-tifel?
X'arranġamenti se jsiru biex dan it-tifel jieħu l-edukazzjoni li hu ntitolat għaliha?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ġenituri qatt ma ġew mgħarrfa biex ma jibgħatux lit-tifel l-iskola. Dan it-tifel ilu jiġi segwit mill-Welfare Officer tad-Dipartiment minħabba mġieba li tfixkel tfal oħra. L-iskola qegħda tagħmel kull mezz biex it-tifel jintegra ruħu ma' sħabu.
Ma nsibx diffikulta` li l-Onor. Membru jiddiskuti dan il-każ fid-dettall mad-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex it-tfajla li isimha qed jinbtagħat separatament minn Ħal Qormi ġiet infurmata li m'għandhiex tattendi iżjed l-Institute of Health Care wara li kisbet il-kwalifiki biex issegwi l-kors u wara li ġiet aċċettata fil-kors, xtrat il-kotba u għamlet dak kollu mistenni minnha? Dan huwa mod kif jiġu trattati l-istudenti? L-Universita' se tippermetti li din il-persuna ma titħalliex issegwi kors fl-Institute of Health Care?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li r-regolamenti tal-Kors tan-Nursing jirrikjedu li biex kandidati jkunu jistgħu jirreġistraw fil-kors, minbarra li jissodisfaw ir-Rekwiżiti għad-Dħul speċifikati fir-regolametni, huma "iridu wkoll jissodisfaw lill-Bord li huma għandhom id-dispożizzjoni meħtieġa għan-nursing (il-kandidati jistgħu jkunu meħtieġa jattendu għal intervista għal dan il-għan)".
Kandidati li wara din l-intervista jiġu meqjusa li m'għandhomx id-dispożizzjoni meħtieġa, jiġu riferuti quddiem Bord maħtur mis-Senat għal dan il-għan kompost kif ġej (Reg. 6.4.2 tar-Regolamenti għad-Dħul fl-Universita' jirreferi):
Il-Kap tad-Dipartiment jew id-Direttur ta' l-Istitut relevanti jew xi membru nominat minnu:
Il-Kap tad-Dipartiment tal-Psikoloġija jew xi membru nominat minnu: u r-reġistratur jew xi ħadd nominat minnu.
Il-kandidati li kienu rreferiti lil Bord sarilhom Psychometric Test u kienu intervistati biex ikun stabbilit jekk għandhomx id-dispożizzjoni meħtieġa għall-professjoni tan-Nursing. Uħud minn dawn, fosthom il-persuna li dwarha saret din il-mistoqsija instabu li m'għandhomx tali dispożizzjoni.
Peress li xi kandidati, fosthom il-persuna msemmija, saru eliġibbli akkademikament wara li ħareġ ir-riżultat ta' l-eżamijiet supplimentari li jsir f'Settembru, il-Bord kellu bil-fors jagħmel it-test u l-interview f'Ottubru. Ħadd minn dawn l-applikanti ma kien infurmat li kien aċċettat fil-kors, għalkemm huma tħallew jattendu biex ma jitilfux lezzjonijiet f'każ li jkunu aċċettati. Huma kienu avżati bl-aktar mod ċar li kienu qed jitħallew jattendu għal-lezzjonijiet proviżorjament sakemm il-Bord jagħti d-deċiżjoni tiegħu.
Nispera li din ir-risposta tissodisfa lill-Onor. Membru li l-Universita` imxiet bl-aktar mod serju f'dan ir-rigward. L-Universita` filwaqt li m'għanha ebda ħsieb jew interess li tnaqqas in-numru ta' studenti partikolarment f'dan il-kors, mill-banda l-oħra trid sa fejn hu possibbli tassigura li kull min jidħol f'dan il-kors ikun idoneju għal professjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm applikaw żgħażagħ biex din is-sena jibdew xi wieħed mill-korsijiet organizzati fl-iskola Salvatore Dimech ta' Targa Gap ?
Kemm applikaw f'kull kors?
Kemm kien hemm eliġibbli f'kull kors?
Kemm ġew aċċettati f'kull kors?
Jista’ l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu dwar l-ilment imqajjem mill-Kulleġġ De La Salle, Kottonera, fl-ittra mibgħuta lilek bid-data tas-6 ta' Ottubru 2000?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-materja qed tiġi segwita attivament ma' l-Awtoritajiet konċernati.
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni kollha li jaħdmu fil-European Union Programmes Unit fil-livelli kollha?
B'liema kundizzjonijiet tax-xogħol?
B'liema kriterji ġew reklutati?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub qed jiġi kompilat u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid x'deċiżjonijiet ittieħdu mill-Malta Shipbuilding Co Ltd dwar l-abbużi li saru fil-konfront ta' l-impjegat li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament?
Dwar xiex instab ħati?
X'passi ttieħdu kontra tiegħu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li matul din is-sena l-persuna li għaliha qed issir riferenza instabet ħatja mill-Bord tad-Dixxiplina tal-Malta Shipbuilding f'ħames okkażjonijiet.
F'żewġ okkażjonijiet kien ġie sospiż erba' sigħat kull darba, skond il-provvedimenti tal-Kodiċi ta' Dixxiplina tal-Kumpanija, minħabba li kull darba irraporta tard għax-xogħol f'erba' okkażjonijiet f'perjodu ta' ġimgħatejn. F'żewġ okkażjonijiet oħra, huwa deher quddiem il-Bord tad-Dixxiplina tal-Kumpanija akkużat li meta rraporta marid ma ġiex ċertifikat tali mit-tabib tal-Kumpanija. L-ewwel darba ingħata twissija bil-miktub, waqt li t-tieni darba ġie sospiż mix-xogħol għal tlitt ijiem. L-aħħar darba li din il-persuna dehret quddiem il-Bord tad-Dixxiplina, kien f'Lulju li għadda meta kien akkużat, u nstab ħati, li abbuża ripetutament mis-sick leave u li naqas milli jinforma lill-Kumpanija bil-bdil ta' l-indirizz tiegħu. Dwar din l-akkuża huwa kien sospiż għal sitt xhur.
Tajjeb jingħad li fl-1993 l-impjieg ta' din il-persuna kien ġie itterminat minħabba li ripetutament assenta ruħu mix-xogħol mingħajr ma kien awtorizzat jagħmel dan. Din id-deċiżjoni kienet ġiet irtirata wara li kienet saret talba għal klemenza mill-General Workers' Union.
Jista’ l-Ministru jgħid x'tip ta' spejjeż huma maħsuba li jkopru l-fondi pubbliċi li l-Ministeru jgħaddi lill-knisja għat-tmexxija ta' l-iskejjel tagħha?
X'persentaġġ mill-ispiża amministrattiva ta' dawn l-iskejjel huma stmati li jkopru dawn il-fondi pubbliċi ?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li skond il-ftehim mal-Knisja, il-fondi pubbliċi li l-Ministeru ta' l-Edukazzjoni jgħaddi lill-Knisja għat-tmexxija ta' l-iskejjel tagħha jkopru s-salarji ta' l-istaff ta' l-istess skejjel u spejjeż oħra ġenerali. Dawn l-ispejjeż ġenerali jammontaw għall-għaxra fil-mija (10%) tas-salarji ta' l-istaff.
Jista’ l-Ministru jgħid x'reazzjoni kien hemm għall-ittra mibgħuta lilek bid-data tal-20 ta' Ottubru 2000 mill-Mellieħa Sports Club dwar talba għall-art li hemm ħdejn il-ground tal-football tal-Mellieħa u li dwarha diġa' rreferejtlek għaliha f'mistoqsija parlamentari nru. 19875?
Response (BORG, TONIO)
Il-proċedura hi li kull applikazzjoni għal devoluzzjoni ta` art tal-Gvern bi skop li tintuża għall-isports trid l-ewwel tiġi approvata mill-Kunsill Malti ta` l-Isports. Hu biss wara din l-approvazzjoni li t-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern tieħu l-każ f`idejha u jekk il-Kabinett jidhirlu li hekk ikun indikat, issir risoluzzjoni parlamentari.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm applikaw żgħażagħ biex din is-sena jibdew xi wieħed mill-korsijiet ta' Emvin Cremona Art Design Centre ?
Kemm kien hemm eliġibbli f'kull kors?
Kemm ġew aċċettati f'kull kors?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għadd ta' studenti li applikaw għall-kors li jsir fiċ-Ċentru ta' Disinn u Arti, Emvin Cremona hu ta' 31, li minnhom 25 bdew il-kors.
L-istudenti li ma ntgħażlux f'dan il-kors daħlu għall-kors tat-tieni jew it-tielet għażla tagħhom fejn dan kien possibbli.
Id-Dipartiment ma jilqax applikazzjonijiet ta' studenti li ma humiex eliġibbli. Dawn l-istudenti jingħataw parir mingħand il-Guidance Teachers ta' kif jistgħu jkomplu bl-istudju tagħhom. Dan is-servizz jingħata fuq il-post fejn jintlaqgħu l-applikazzjonijiet. Għaldaqstant dawk li applikaw kienu kollha eliġibbli.
Skejjel — Sir Hannibal Scicluna School for Secretarial Studies
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm applikaw żgħażagħ biex din is-sena jibdew xi wieħed mill-korsijiet ta' Sir Hannibal Scicluna School for Secretarial Studies ?
Kemm kien hemm eliġibbli f'kull kors?
Kemm ġew aċċettati f'kull kors?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għadd ta' studenti li applikaw għas-Secretarial Course hu ta' 75. Kollha ġew aċċettati. L-għadd ta' studenti li applikaw għall-Insurance Course hu ta' 80 li minnhom 25 bdew il-kors.
L-istudenti li ma ntgħażlux f'dan il-kors daħlu għall-kors tat-tieni jew it-tielet għażla tagħhom, fejn dan kien possibbli.
Id-Dipartiment ma jilqax applikazzjonijiet ta' studenti li ma humiex eliġibbli. Dawn l-istudenti jingħataw parir mingħand il-guidance teachers ta' kif jistgħu jkomplu bl-istudju tagħhom. Dan is-servizz jingħata fuq il-post fejn jintlaqgħu l-applikazzjonijiet. Għaldaqstant dawk li applikaw kienu kollha eliġibbli.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm applikaw żgħażagħ biex din is-sena jibdew xi wieħed mill-korsijiet tal- Pre-School Education Centre, Msida ?
Kemm kien hemm eliġibbli f'kull kors?
Kemm ġew aċċettati f'kull kors?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għadd ta' studenti li applikaw għall-kors li jsir fil-Pre School Education hu ta' 71 li minnhom 29 bdew il-kors.
L-istudenti li ma ntgħażlux f'dan il-kors daħlu għall-kors tat-tieni u t-tielet għażla tagħhom fejn dan kien possibli.
Id-Dipartiment ma jilqax applikazzjonijiet ta' studenti li ma humiex eliġibbli. Dawn l-istudenti jingħataw parir mingħand il-Guidance Teachers ta' kif jistgħu jkomplu bl-istudji tagħhom. Dan is-servizz jingħata fuq il-post fejn jintlaqgħu l-applikazzjonijiet. Għaldaqstant dawk li applikaw kienu kollha eliġibbli.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm applikaw żgħażagħ biex din is-sena jibdew xi wieħed mill-korsijiet ta l-Iskola Nawtika?
Kemm kien hemm eliġibbli f'kull kors?
Kemm ġew aċċettati f'kull kors?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għadd ta' studenti li applikaw għall-kors li jsir fl-iskola Nawtika hu ta' 20. Kollha ġew aċċettati għall-kors.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm applikaw żgħażagħ biex din is-sena jibdew xi wieħed mill-korsijiet organizzati fil-kulleġġ Madre Tereża ?
Kemm kien hemm eliġibbli f'kull kors?
Kemm ġew aċċettati f'kull kors?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għadd ta' studenti li applikaw għall-kors li jsir fil-Kulleġġ Madre Tereża hu ta' 153. Kollha ġew aċċettati.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm applikaw żgħażagħ biex din is-sena jibdew xi wieħed mill-korsijiet organizzati fl-iskola Carmen Carbonaro tal-Hairdressing and Beauty Therapy?
Kemm kien hemm eliġibbli f'kull kors?
Kemm ġew aċċettati f'kull kors?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għadd ta' studenti li applikaw għall-kors fil-Hairdressing hu ta' 179 li minnhom 66 bdew il-kors. L-għadd ta' studenti li applikaw għall-Beauty Therapy hu ta' 14. Kollha ġew aċċettati għall-kors.
L-istudenti li ma ntgħażlux f'dan il-kors daħlu għall-kors tat-tieni jew it-tielet għażla tagħhom fejn dan kien possibbli.
Id-Dipartiment ma jilqax applikazzjonijiet ta' studenti li ma humiex eliġibbli. Dawn l-istudenti jingħataw parir mingħand il-guidance teachers ta' kif jistgħu jkomplu bl-istudju tagħhom. Dan is-servizz jingħata fuq il-post fejn jintlaqgħu l-applikazzjonijiet. Għaldaqstant dawk li applikaw kienu kollha eliġibbli.
Quddiem il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' każi pendenti?
Kemm-il każ ilu quddiem il-kummissjoni għallinqas minn sena, aktar minn sena, aktar minn sentejn, 'il fuq minn sentejn?
X'raġunijiet prinċipali jkun hemm meta każ jitwal ħafna?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jekk l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-każijiet ta’ dixxiplina, ninsab infurmat li fit-13 ta’ Ottubru 2000, kien hemm 16-il każ ta’ dixxiplina li kienu pendenti quddiem il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
Tagħrif dwar it-tip ta’ dawn il-każijiet u dwar kemm ilhom pendenti jinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk intbagħtux ir-rapporti annwali mill-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż lill-barranin?
X'kien in-numru totali ta' persuni li ġew Malta biex jitgħallmu l-Ingliż?
Jista' jelenka liema kienu l-ewwel ħames skejjel li l-aktar ġabu nies għal dan il-kors u n-numru ta' nies li ġew għandhom?
Mill-liema pajjiżi l-aktar li ġew?
Jista’ l-Ministru jgħid irċeviex l-informazzjoni/rapport dwar għajnuna biex il-gvern itaffi ftit mill-ispejjeż mħallsa mill-ġenituri li jmorru fi skejjel indipendenti kif tlabt fil-mistoqsija parlamentari nru. 19542?
Response (GALEA, LOUIS)
F'dan l-istadju m'għandi xejn ġdid x'inżid mat-tweġiba li rrefera għaliha l-Onor. Membru.