Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #20958 Sitting 422 2000-11-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Għajn Tuffieħa — Banjijiet Rumani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn Ġunju 2000 sal-lum kemm kien hemm persuni li żaru l-banjijiet Rumani f'Għajn Tuffieħa? X'arranġamenti jridu jagħmlu dawk li jridu jżuru dawn il-banjijiet Rumani?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Banjijiet Rumani m'humiex miftuħa għall-pubbliku u b'hekk ma nbiegħux biljetti għad-dħul f'dan is-sit. F'każi ta' interess speċjali jew akkademiku, wieħed jista' jidħol b'appuntament u fil-preżenza ta' impjegat tad-Dipartiment tal-Mużewijiet.
Leg 9 PQ #20959 Sitting 422 2000-11-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Għajn Tuffieħa — Banjijiet Rumani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ġew skavati l-Banjijiet Rumani f'Għajn Tuffieħa? X'arranġament kien hemm sa ftit xhur ilu biex dan il-post storiku jżuruh? F'liema sena l-aħħar li saru xogħlijiet biex jinżammu fi stat tajjeb dawn il-fdalijiet storiċi Rumani?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #20960 Sitting 422 2000-11-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Għajn Tuffieħa — Banjijiet Rumani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk jafx li minkejja li tqiegħed katnazz mar-rixtellu tal-banjijiet Rumani f'Għajn Tuffieħa, xorta qed jaqbżu għal ġol-post persuni biex iżuruh? X'passi qed jittieħdu biex il-post ma jiġix vandalizzat, issa li m'hemm ħadd jieħu ħsiebu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Banjijiet Rumani m'humiex miftuħa għall-pubbliku u kull dħul mhux awtirizzat huwa ksur tal-liġi. Huwa maħsub li fis-sena li ġejja l-ħajt li jdawwar is-sit jiġi msaħħaħ biex hekk is-sit ikun protett aħjar kontra dan id-dħul mhux awtorizzat.
Leg 9 PQ #20961 Sitting 422 2000-11-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Karozzi tal-Linja — Ċomb fid-Diesel

Question

Dan l-aħħar sidien tal-karozzi tal-linja ilmentaw li ċ-ċomb fid-diesel li qed jiġi importat huwa għola milli suppost, jista l-Ministru jgħid jekk l-Enemalta għamlet xi studju biex tara jekk dan huwiex minnu?

Response (BONNICI, JOSEF)

Għandi għax naħseb li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għar-rapport li deher fil-ġurnali dan l-aħħar u għalhekk naħseb li qed jirreferi għas-sulphur u mhux għaċ-ċomb. Ninsabinfurmat li d-diesel li qed jiġi mpurtat mill-Korporazzjoni Enemalta għandu mhux aktar minn 0.2 fil-mija "weight" ta' sulphur. Ta' min jinnota li qed isir studju biex dan il-livell jitnaqqas.. Dwar ċomb fil-petrol, ta' min jgħid li l-livell huwa ta' 0.15 u dan huwa konformi ma' l-istandard Ewropew.

Djar — Skema 5

Question

Dwar l-applikazzjoni Ref: 5HA 111/2000 fejn ġie deċiż li skond Skema 5 l-assistenza tkun ta' Lm619, tikkunsidra l-Awtorita' tad-Djar li l-assistenza tkun għallinqas Lm800 minħabba l-ispiża qawwija tax-xogħlijiet meħtieġa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Wara li jagħmel spezzjoni fuq il-post, il-perit ta' l-Awtorita' tad-Djar jagħmel rapport fejn jiġi ndikat ix-xogħol meħtieġ u l-istima. Ir-rati wżati biex issir l-istima huma dawk li jkunu għaddejjin fis-suq. Fil-każ indikat mill-Onor Interpellant, meta l-perit ta' l-Awtorita' mar fuq il-post, l-applikant indika li xtaq jagħmel xi xogħolijiet li ma kienux imniżżla fl-applikazzjoni oriġinali iżda dawn ġew approvati wkoll. Ninsab infurmat li sallum l-applikant għadu ma ssottomettiex l-irċevuti tax-xogħolijiet magħmula, liema xogħolijiet iridu jiġu kkonfermati mill-perit ta' l-Awtorita' tad-Djar wara li din tirċievi l-irċevuti msemmija.
Leg 9 PQ #20898 Sitting 419 2000-11-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

Tax Compliance Unit

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni kollha li qegħdin jintervistaw lil dawk li applikaw biex jidħlu jaħdmu mat-Tax Compliance Unit? Kemm applikaw persuni għal mal-unit? Kemm ġew reklutati s'issa?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-persuni li qegħdin jintervistaw lil dawk li japplikaw biex jidħlu jaħdmu mat-Tax Compliance Unit huma kif imsemmi hawn taħt. Chairman: Mr Joseph P. Portelli – Tax Compliance Unit Membri: Mr Michael Debono – M.O.F. Mr Oliver Vassallo – V.A.T. Department Mr Paul Barbara – Inland Revenue Department Għal dettalji dwar in-numru ta’ nies li applikaw biex jaħdmu mat-Tax Compliance Unit u dettalji ta’ dawk li ġew reklutati s’issa nirreferik għar-risposti li ngħataw għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 17955 u 20756 rispettivament.

Ċentri tad-Detox

Question

Jista’ l-Viċi Prim Ministru jgħid liema kienu d-drogi li l-aktar ġew ikkurati għalihom il-persuni li attendew iċ-Ċentru Detox skond it-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija nru. 20466? Jista' jagħti breakdown ta' kemm-il persuna kienet ikkurata għall kull tip ta' droga?

Response (GONZI, LAWRENCE)

1. Prinċiparjament, il-persuni li jattendu fiċ-Ċentru tad-Detox għall-kura, huma persuni li jabbużaw mid-droga eroina. Dan minħabba li l-kura ewlenija li tingħata hija l-Methadone, li tintuża bħala sostitut għad-droga eroina. Għaldaqstant, il-persuni kollha li jattendu d-Detox jabbużaw mid-droga eroina. Jeżistu numru ta' persuni li jabbużaw minn aktar minn droga waħda. Għalhekk il-lista hija dwar in-numru ta' persuni li attendew matul l-ewwel disa' xhur tas-sena (Jannar sa Settembru 2000) u liema kienu d-drogi ewlenin li abbużaw. 2. Eroina 324 Eroina u Cannabis 241 Eroina u Kalmanti 10 Eroina u Ecstasy 25 Eroina u Kokaina 219 Total 819

Detox

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 20466 u t-tweġiba tagħha jista’ l-Viċi Prim Ministru jgħid: Mill-140 persuna li għamlu użu mis-servizz tad-Detox għall-ewwel darba kemm kienu rġiel u kemm nisa' u kemm kienu barranin? Mill-102 persuna barranija li wżaw id-Detox ta' liema nazzjonalita' kienu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

1. Mill-140 persuna li għamlu użu mis-servizz tad-Detox għall-ewwel darba, 111 kienu rġiel, filwaqt li 29 kienu nisa. Minn dawn, 28 kienu barranin. 2. In-nazzjonalita' tal-102 persuna barranija li għamlu użu miċ-Ċentru tad-Detox hija: 38 Libjani 32 Ingliżi 20 Taljani 2 Ġermaniżi 4 Jugoslavi 1 Palestina 1 Rumania 1 Portugal 1 Kanada 1 Russja 1 Iraq
Leg 9 PQ #20805 Sitting 418 2000-11-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Track tal-Marsa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-iskejjel li użaw it-track tal-Marsa filgħodu skond it-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tiegħi nru. 20462 dejjem matul din is-sena? Kemm ħallsu kull darba?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-iskejjel tal-Gvern li użaw it-track matul il-ġurnata kienu:- Sir Adrian Dingli (darbtejn) Sec. Schools combined meeting (4 darbiet) Ġuże` Galea, Ġużeppi Despott Lyceum Liċeo Vassalli, Qormi St Sebastian Lorenzo Gafa` (mingħajr ħlas) Barra minn hekk, Chiswick House School (darbtejn), St Catherine High School (darbtejn) St Elias College, St Albert the Great College, St Edward College (4 darbiet), Mother Theresa School, San Andrea School, St Martin School, St Dorothy (Sliema), Stella Maris College, Thai Lakin School, St Aloysius College, St Dorothy (Żebbuġ) organizzaw l-Isports Day tagħhom il-Marsa. Dawn ħallsu Lm30 kull darba li għamlu użu mill-faċilitajiet. Mir-risposti mogħtija għal mistoqsijiet 20462 u din il-mistoqsija, jidher ċar li ma hemmx id-disorganizzazzjoni kif semma' l-Onor. Membru fil-mistoqsija numru 20462.
Leg 9 PQ #20806 Sitting 418 2000-11-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Ambjent

Nicholl Ground

Question

Nirriferi l-mistoqsija parlamentati nru. 20446 li oriġinarjament saret lill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni u li ġiet riferuta lilu u cioe: jista’ l-Ministru jgħid x'sit alternattiv se jingħata għal użu sportiv flok in-Nicholl Ground meta jibda l-proġett hemmhekk?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ser jiġi pprovdut 'ground' iehor fuq Manoel Island stess.
Leg 9 PQ #20813 Sitting 418 2000-11-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

MFA — MAB

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija nru. 20447 jista' l-Ministru jgħid meta saru l-applikazzjonijiet tal-Malta Football Association u l-Malta Amateur Bodybuilding Association għall-għajnuna tat-testijiet tad-doping? X'intalab? X'għajnuna ngħatat għall-istess skop matul l-1999? Lil-liema għaqdiet ingħatat l-għajnuna?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li t-talba ssir billi l-għaqdiet konċernati jibgħatu l-kontijiet imħallsa minnhom sabiex dawn jiġu 're-imbursed' mill-Gvern. Fil-każ tal-Malta Amateur Body Building Association, it-talba kompluta waslet fit-13 ta' Ottubru 2000. Għar-rigward tal-Malta Football Association, dawn bgħatu talba ta' Lm4,000 mingħajr irċevuti. Dawn l-irċevuti intalbu fid-29 ta' Awissu 2000 u sa llum, dawn għadhom ma' waslux.
Leg 9 PQ #20816 Sitting 418 2000-11-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kumpless Sportiv — Bookings

Question

B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari nru. 20460: Kemm jinżamu flus għall-kull booking? Kemm saru bookings għal din is-sena? X'kien id-dħul għad-dipartiment s'issa din is-sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ħlas għall-bookings ivarja skond il-faċilita` użata. Il-linja ġenerali ta' ħlas hija hekk: Gruppi Barranin - Lm50 kull sessjoni ta' sagħtejn jew Lm2 kull sessjoni kull atleta Gruppi Lokali Skejjel/Clubs - Lm30 għall-użu tat-track ta' l-atletika u Lm25 għall-tal-grounds tal-ħaxix tal-football. Dawk l-għaqdiet li jagħmlu użu tal-faċilitajiet tal-Marsa fuq bażi regolari iħallsu rata mnaqqsa skond kif isir il-ftehim. Informat ukoll li l-bookings li fil-fatt jinqdew fil-Marsa Grounds ilaħħaq għal madwar 1300 f'għaxar xhur. Dan jinkludi l-użu regolari mill-Marsa FC, Valletta FC, Floriana FC, Malta Rugby Union, Federazzjoni tan-Netball, Gvern u Parastatali u entitajiet oħra li minn żmien għal żmien jitolbu użu skond il-ħtieġa tagħhom, bħal fil-każ ta' meta intuża mill-Inter FC. Entitajiet governattivi, kif ukoll għaqdiet u clubs li huma bbażati l-Marsa ma jħallsux għall-użu tal-faċilitajiet għall-attivitajiet tagħhom. Id-dħul għal din is-sena s'issa tela' għal Lm3,671.
Leg 9 PQ #20757 Sitting 417 2000-11-06 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Għawdex — Posta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif tinġarr il-posta għall-Għawdex? X'perċentaġġ hemm ta' posta li jekk tiġi mpostata qabel is-seba' ta' filgħodu tasal Għawdex fl-istess jum?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li x-xogħol postali destinat għal Għawdex jiġi proċessat fis-C.P.U. tal-Marsa u jintbagħat permezz ta' żewġ vannijiet darbtejn kuljum, filgħodu kmieni u wara nofinhar, bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa u darba filgħodu nhar ta' Sibt. Il-persentaġġ ta' xogħol li jiġi mpustat qabel is-sebgħa ta' filgħodu u li jasal Għawdex fl-istess jum huwa ta' sebgħa u tletin fil-mija.
Leg 9 PQ #20758 Sitting 417 2000-11-06 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Kaċċa

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-pulizija tinvestiga għaliex qed titħalla ssir kaċċa filgħodu minn taħt is-swar fuq in-naħa ta' Ħaż-Żabbar li jiċċirkondaw il-kulleġġ ta' St. Edward's? Minbarra l-ħsara li tista' ssir lill-ambjent, jaf li l-bċejjeċ tal-porvli, jaqgħu wkoll fil-grounds tal-kulleġġ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi kemm il-Pulizija tad-Distrett kif ukoll il-membri tat-Taqsima ta` l-A.L.E. jagħmlu spezzjonijiet regolari fil-lokalita` indikata mill-Onorevoli Interpellant. B`riżultat ta` dan, il-Pulizija tad-Distrett irnexxielha taqbad żewġ persuni li kienu għall-kaċċa f`din il-lokalita`. Ninsab infurmat ukoll li membri ta` l-A.L.E. qabdu 13-il persuna li kisru xi regolamenti tal-kaċċa fl-inħawi ta` Ħaż Żabbar, inkluża l-lokalita` li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant.
Leg 9 PQ #20759 Sitting 417 2000-11-06 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Insib

Question

Jista’ l-Ministru jgħid matul Settembru u Ottubru kemm-il-persuna nqabdet tonsob illegalment? X'kienu r-ragunijiet? F'liema lokalita' nqabdu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul Settembru u Ottubru ta` din is-sena, il-Pulizija qabdet ħames persuni jonsbu illegalment. Tnejn kienu mingħajr liċenzja, tnejn użaw tisfir illegali u wieħed uża xibka wieqfa. Dawn kienu fl-inħawi ta` Baħar iċ-Ċagħaq, Dingli, Ħal Far, Qrendi u Siġġiewi.
Leg 9 PQ #20761 Sitting 417 2000-11-06 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Kaċċa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid matul ix-xhur ta' Settembru u Ottubru kemm inqabdu kaċċaturi li kienu għall-kaċċa f'post riservat mil-liġi? F'liema nħawi nqabdu? Kemm-il kaċċatur inqabad għaliex ma kienx fid-distanza mill-abitat kif mitlub mil-liġi? Fl-liema lokalita'? Kemm il-kaċċatur inqabad minħabba ksur ieħor ta' liġi? Fejn?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul Settembru u Ottubru ta` din is-sena, il-Pulizija qabdet 3 persuni li kienu għall-kaċċa f`post riservat mill-liġi. Dawn kienu ir-Rabat, Buskett u Sannat. Kien hemm ukoll 3 persuni oħra li nqabdu għall-kaċċa f`distanza mill-abitat inqas minn dik permessa mill-liġi, fis-Siġġiewi, il-Madliena u l-Baħrija. 96 persuna oħra inqabdu bi ksur ieħor tal-liġi f`diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.
Leg 9 PQ #20762 Sitting 417 2000-11-06 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Vjolenza Domestika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irrapurtati lill-pulizija każi ta' vjolenza domestika matul din is-sena? Jista' jelenka n-natura tal-każi rrapurtati? Kemm-il-każ spiċċa l-Qorti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta` Jannar u t-30 ta` Ottubru, 2000, ġew irrapurtati lill-Pulizija 142 każ li jistgħu jinkwadraw taħt it-titolu ta` vjolenza domestika. F`121 każ minnhom ittieħdu proċeduri bil-Qorti, filwaqt li fil-kumplament, il-vittma irrinunzjat għall-passi kriminali. Dawn il-każi kienu jinkludu: Swat mir-raġel fuq martu/uliedu; Swat mill-iben/bint fuq ġenituri; Swat/theddid mill-għarus/a jew ħabib/a; Swat mill-ġenitur/i fuq l`ulied; u Korrimenti ta` membri tal-familja waqt argument.
Leg 9 PQ #20802 Sitting 417 2000-11-06 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Ċentri tas-Saħħa — Siringi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid matul din is-sena kemm intalbu siringi b'xejn miċ-ċentri tas-saħħa? Jista' jagħti l-figuri għall kull ċentru? Minbarra iċ-ċentri tas-saħħa minn fejn aktar jistgħu jintalbu siringi? Jista' jagħti wkoll il-figuri għall-dawn il-postijiet?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li minn Jannar sa Ottubru ta' din is-sena miċ-Centri tas-Saħħa ntalbu u ngħataw 119,197 siringa b'xejn lil dawk li jsoffru mill-vizzju tad-droga. Il-figuri għal kull ċentru huma dawn: Furjana 15,000 Gżira 24,728 Mosta 17,852 Rabat 7,492 Qormi 9,235 Raħal Ġdid 35,360 Bormla 9530 Siringi jistgħu jintalbu biss miċ-Centri tas-Saħħa.
Leg 9 PQ #20731 Sitting 416 2000-11-01 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Skola Primarja - Raħal Ġdid

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-bini tal-iskola primarja A ta' Raħal Ġdid? Kemm fadallu biex jintemm? Jistgħu jittieħdu passi biex l-iskola tinżamm nadifa peress li hemm tfal bl-asthma li qed jitilfu ħafna jiem ta' skola minħabba t-trab li hemm fl-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li x-xogħol ta' bini tat-toilets ta' l-iskejjel Primarji 'A' u 'B' Raħal Ġdid, ilu lest minn Settembru li għadda. Baqa' biss xogħlijiet żgħar ta' irfinar li qed isiru f'dawn il-ġranet.
Leg 9 PQ #20732 Sitting 416 2000-11-01 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel tal-Knisja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid matul is-sena skolastika li għaddiet u f'din li għadha kemm bdiet liema skejjel tal-Knisja daħlu studenti ġodda fihom fil-klassijiet 2 - 6 tal-Junior u f'Forms 2 - 5 tas-sekondarja? Kemm daħlu studenti f'dawn is-snin f'kull skola? B'liema kriterji ġew magħżulin biex jidħlu dawn l-istudenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni mhix f'pożizzjoni li tagħti l-figuri li qed jitlob l-Onor. Membru. Dawn il-figuri ma jintalbux lill-iskejjel tal-Knisja għar-raġuni li l-proċedura ta' kif jimtlew postijiet battala, u li normalment huma ftit, f'dawn l-iskejjel wara dħul fl-ewwel klassi tal-'Junior School' u f'Forms 2-5 tas-sekondarji, hi totalment f'idejn l-amministrazzjoni ta' l-iskejjel konċernati u d-Diviżjoni ma tidħolx fihom sakemm in-numru fil-klassijiet ma jaqbiżx in-numru stabbilit fin-'National Minimum Conditions'.