Jista' l-Ministru jgħid meta huwa maħsub li l-kunsilli lokali jibdew jiġbru l-kirjiet ta' inkwilini fi djar tal-gvern fil-lokalita' tagħhom?
Xi ħlasijiet se jingħataw il-kunsilli għal dan ix-xogħol?
X'arranġamenti ta' siġurta' hemm bżonn peress li dan ix-xogħol jinvolvi ġbir u ġarr ta' flus li jesponi lill-impjegati tal-kunsilli lokali għall-perikli ovvji?
Response (GATT, AUSTIN)
L-iskema biex kirjiet ta` proprjeta tal-Gvern jithallsu fil-Kunsilli Lokali (eskluzi dawk ta` Ghawdex) bdiet fl-l ta` Novembru 2000. Ghal dan is-servizz l-Kunsilli Lokali se jithallsu is-somma globali ta` Lm50,000. Il-hlas isir lil kull Kunsill individwali, skond kemm ikun hemm transazzjonijiet. B`kollox, izda, s-somma globali ta` Lm50,000 ma tinqabisx.
Permezz ta` l-Assocjazzjoni taghom il-Kunsilli Lokali diga ghandhom polza tas-sigurta` u qed tittiehed azzjoni ukoll biex jigu provduti mezzi ohra tas-sigurta` bhall-access dirett mal-pulizija.
Peress li fil-lista li ta d-Dipartiment ta' l-Informazzjoni dwar il-protesta tal-GWU nhar l-20 ta' Ottubru ssemmi li hemm 16-il persuna jaħdmu fiċ-Ċentru ta' San Ġakbu, jista' l-Ministru jgħid min huma dawn il-ħaddiema u jgħid kif ġew reklutati?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-sittax impjegat li rrappurtaw għax-xogħol nhar il-Ġimgħa 20 ta' Ottubru 2000 fiċ-Ċentru għall-Kreattiviat`, Kavallier ta' San Ġakbu, kienu dawn:
Tlett Casual Part-time Ushers, erba' Casual Part-time Cleaners, wieħed Casual Part-time Technician u wieħed Part-time Clerk. Dawn ġew reklutati wara li l-Fondazzjoni Ċentru għall-Kreattivita`, Kavalier ta' San Ġakbu talbet lill-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ nies li tista' tintervista għal dawn il-postijiet vakanti.
Żewġ Securities mislufa mit-Taqsima tal-Manifattura u Servizz, fid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent.
Persuna mislufa mid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni.
Persuna mislufa mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni.
Tlett persuni mislufa mid-Dipartiment tal-Kultura.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tfal bi bżonnijet speċjali li għandhom facilitators jew kindergarden assistants jgħinuhom fl-iskola San Ġorġ, form B?
Mill-bidu ta' l-iskola kemm-il darba kien hemm facilitators / Kindergarden Assistants li ma attendewx skola għal xi żmien u t-tfal kellhom jibqgħu d-dar minħabba f'hekk?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li tfal bi bżonnijiet speċjali fl-iskola Primarja ta' San Ġorġ B hemm 11. Magħhom hemm 8 Kindergarten Assistants (Special Education).
Mill-bidu ta' l-iskola 'l hawn kien hemm żewġ Kindergarten Assistants li m'attendewx l-iskola, waħda falliet 3 ijiem f'Ottubru u l-oħra 3 ijiem f'Novembru.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux veru li l-Enemalta ilha mingħajr cable tat- 3 phase għal dawn l-aħħar xhur?
Veru li dan il-cable għandu ħames xhur oħra biex jasal minn barra?
Response (BONNICI, JOSEF)
Mhux korrett li jingħad li l-Korporazzjoni Enemalta ilha mingħajr cable tat-three phase għal dawn l-aħħar tlitt xhur.
Tajjeb jingħad li peress li l-aħħar konsenja ġiet ikkunsmata qabel ma kien previst li jsir dan skond l-esperjenza tal-passat, ittieħdu l-passi biex jinxtraw konsenji oħra biex il-pubbliku jkompli jinqeda.
Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija, ninsab infurmat li qed jirreferi għal ordni oħra li diġa' ġiet approvata.
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ttieħe id-deċiżjoni li l-familja li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament mhix qed titħalla tieħu ħsieb iżjed tal-Banjijiet Rumani f'Għajn Tuffieħa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ftehim li seta' eżista kien ma' persuna li mietet xi snin ilu, u ma hemm ebda evidenza għal xi ftehim ma' persuni oħra. Il-preżenza ta' din il-familja ġiet mitmuma wara li d-Dipartiment tal-Mużewijiet waslulu rapporti li bosta nies kien qed jitħallew jidħlu fuq is-sit u li kienu qed jinġabru flejjes għal dan.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-riżultati, rata ta' parteċipazzjoni, lokal b'lokal, skola b'skola, f'Malta u f'Għawdex fejn saru l-elezzjonijiet għall-kunsilli skolastiċi f'Ottubru 2000?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li din l-informazzjoni għadha qed tinġabar mill-iskejjel.
Jista' l-Ministru jgħid jekk sa l-aħħar ta' Ottubru 2000, kien hemm xi pendenza fil-ħlasijiet li jsiru mill-Gvern lill-Knisja dwar it-tmexxija ta' l-iskejjel tagħha li jitħallsu mill-Vot tal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni 16-4024?
Jekk iva, kemm huma dawn il-pendenzi?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob l-Onorevoli Membru jgħaddi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk mill-1 ta' Jannar, 2000 kienx hemm garanziji u/jew letters of comfort li ħarġu mit-Teżor?
Jekk iva, jista' jagħti lista ta' dawn il-garanziji / letters of comfort, il-valuri tagħhom u l-entitajiet li kienu nvoluti?
Response (DALLI, JOHN)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għal mistoqsija parlamentari nru. 19383 f'seduta 375 illi fiha kont tajt id-dettalji kollha sena b'sena tal-garanziji u letters of comfort li għandu l-gvern mal-banek. Qiegħed n'updatja din il-lista biex għas-sena 2000 ngħati l-pożizzjoni dettaljata, hekk ikun hemm iktar stampa ċara tal-movimenti minn Jannar sal-lum billi xi self jiġi re-organizzat jew amalgamat flimkien. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista għall-perjodu 1996 sa s-sena 2000.
Meta l-Enemalta m'għandhiex 3 phase cable u arloġġi, jista' l-Ministru jgħid kif għadha taċċetta applikazzjonijiet u l-ħlas ta' Lm 210 għal dawn il-servizzi?
Kemm hemm applikazzjonijiet minn dawn?
Meta se jiġu sodisfatti dawn il-bidliet?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li kull applikant li għamel talba għal meter tat-three phase u t-talba għadha pendenti, ser jingħata s-servizz sa nofs Diċembru li ġej. Dan ikun possibbli jekk l-estensjonijiet mitluba ma jkunux jinħtieġu li jitwaħħlu arbli jew isiru trinek. F'każijiet bħal dawn ikun meħtieġ aktar żmien minħabba proċeduri oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux veru li l-Enemalta lanqas għandha arloġġi tat- 3 phrase xi twaħħal?
Jekk hu hekk, kif spiċċat mingħajr dawn l-arloġġi?
Meta se jkollha?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li konsenja ta' elf u tlitt mitt meter li waslet fi Frar li għadda u li normalment tieħu sena biex tispiċċa, kważi spiċċat ix-xahar li għadda. Fil-bidu ta' Novembru wslet konsenja żgħira ta' mitejn u sittin meter u hemm konsenja oħra ta' elfejn meter li mistennija tasal lejn l-aħħar tas-sena.
Naturalment peress li diversi konsumaturi, anke fis-settur domestiku, qiegħdin jaqilbu għas-sistema tat-three phase, l-istock ta' dawn it-tip ta' meters qiegħed jispiċċa aktar malajr.
Diġa ittieħdu l-passi meħtieġa biex din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata u b'hekk il-pubbliku ikompli jinqeda.
Jista’ l-Ministru jgħid fl-liema stadju waslu t-taħdidiet bejn il-Ministeru u l-Universita' dwar it-tmexxija tal-Kumpless Sportiv kollu f'Tal-Qroqq inkluż il-Pixxina Nazzjonali?
Kemm-il laqgħa saret matul din is-sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li saru diversi laqgħat bejn rappreżentanti tas-Segretarjat Parlamentari fi ħdan il-Ministeru u l-Universita`. Kien hemm diversi proposti u kontro proposti għall-abbozz ta' ftehim. It-taħditiet waslu fil-fażijiet finali.
Jista’ l-Ministru jelenka liema huma x-xogħlijiet li bħalissa qed isiru fil-Pixxina Nazzjonali?
F'kull każ, jista' jgħid meta ħarġet kull sejħa pubblika (jekk saret)?
Min xeħħet l-offerta f'kull każ, kemm kienet kull waħda u liema ntgħażlu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xogħlijiet li qed isiru bħalissa fil-Kumpless tal-Pixxina Nazzjonali huma kif ġej. F'kull każ ħarġet sejħa pubblika.
Tlestija ta' żewġ squash courts - Sejħa ħarġet fl-1 ta' Frar 2000
Offerti mitfugħa: S. Camilleri (Lm36,990)
Ideal Dwellings Turnkey Ltd (Lm29,652.41)
Camray Contractors Ltd (Lm28,962.60)
Property Maintenance Ltd (Lm34,207)
L-offerta magħżula kienet ta' Camray Contractors Ltd. Dan ix-xogħol tlesta.
Provvista ta' servizzi fl-East Block - Sejħa ħarġet fis-7 ta' Frar 2000
Ġiet aċċettata l-unika offerta mitfugħa li kienet ta' Camray Contractors Ltd (Lm10,425)
Xogħol ta' tkomplija ta' l-East Block - Sejħa ħarġet fl-1 ta' Frar 2000
Offerti mitfugħa: Camray Contractors Ltd (Lm24,923.926)
A.J.&F. Attard Ltd (Lm23,393.11)
Samuel Camilleri (lm25,502.48)
Rea Ceramics Co. Ltd (Lm22,558.23)
C & F Building Contractors Ltd (Lm23,659.90)
Pass Developers Ltd (Lm23,311.44)
A.F. Ellis Ltd (Lm29.798.76)
Ideal Dwellings Turnkey Ltd (Lm29,849.07)
Hal Mann Project Ltd (Lm30,000)
Il-kuntratt ġie allokat lil Rea Ceramics Co. Ltd.
Kostruzzjoni tal-foyer (East Block) - Sejħa ħarġet fil-25 ta' Lulju 2000
Ġiet mitfugħa offerta waħda minn Polidano Bros Ltd. Din l-offerta ma ġietx aċċettata u x-xogħol ingħata lill-Kalaxlokk Ltd wara li nħarġet l-approvazzjoni mill-Ministeru tal-Finanzi.
Xogħol ieħor li qiegħed isir fil-Pixxina huwa t-tkomplija tal-West Block u tqegħid ta' madum f'żewġ kmamar oħra. Dan ix-xogħol qiegħed isir bil-ħaddiema tad-Diviżjoni tax-Xogħlijiet.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li hemm dewmien ta' aktar minn tliet xhur fi ħlasijiet tal-kontijiet tal-Pixxina Nazzjonali?
X'inhu l-ammont totali ta' kontijiet għal kull kwalita' ta' xogħol li sar fil-Pixxina Nazzjonali li għadhom ma tħallsux għax-xogħol li sar matul din is-sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Board ta' tmexxija tal-Pixxina Nazzjonali għandu xi kontijiet pendenti li ilhom aktar minn tlett xhur. Dawn il-kontijiet jammontaw għal Lm6,780. Minn dan l-ammont hemm kont ta' Lm1231.65 li qed jiġi kontestat filwaqt li l-kontijiet l-oħra għad iridu jiġu verifikati.
L-ammont totali ta' kontijiet għal xogħol li sar fil-Pixxina Nazzjonali matul din is-sena u li għadu pendenti huwa ta' Lm33,784. Dawn ikopru spejjeż ta' natura rikorrenti u kapitali. Għad hemm ukoll pendenzi ta' ħlasijiet ta' kontijiet tad-dawl u l-ilma u ta' xiri ta' fuel li ilhom ġejjin mill-1997 u l-1998. Dawn id-djun ġejjin mill-perjodu meta kien hemm Gvern Laburista u kienu jleħħqu għal madwar Lm40,000. Parti sostanzjali ta' din is-somma ġiet imħallsa matul din il-ġimgħa.
Jista’ l-Ministru jgħid matul din is-sena finanzjarja s'issa, kemm intnefaq mill-Pixxina Nazzjonali fuq fuel biex jissaħħan l-ilma?
Kemm-il litru nxtara?
Kemm minn dan hu diġa' mħallas?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li din is-sena, sa l-aħħar ta' Ottubru, inxtraw 336,167 litri ta' fuel biex jissaħħan l-ilma fil-Pixxina Nazzjonali. In-nefqa kienet tammonta għal Lm41,146 li minnhom għad fadal x'jitħallsu Lm7,880.50.
B'riferenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari nru. 20559, jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux issa l-figuri minn Mejju 'l hawn?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li minn Mejju 2000 iż-żmien li fih il-procurement tal-kotba ta' l-iskejjel għaddew taħt ir-responsabilta` tad-Direttur tal-Finanzi u Amministrazzjoni saru dawn l-ordnijiet ta' kotba:-
Mingħand Ammont ta' kotba Ammont ta' flus
Lm
Merlin Library 6,780 16,655.50
Interprint Ltd 20,700 10,513.00
Gutenberg Press Ltd 5,293 3,221.00
TOTAL 32,773 30,389.50
Dawn il-kotba msemmija inxtraw fuq sejħa pubblika.
Mingħand Ammont ta' kotba Ammont ta' flus
Lm
Stamperija tal-Gvern 6,620 2,109.00
Dawn il-kotba msemmija ġew mixtrija permezz ta' Transfer Voucher.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li l-flotta ta' patrol boats tal-Forzi Armati tiġi modernizzata?
Hemm xi kuntatti ma' pajjiżi barranin għal dan il-għan?
Meta l-aħħar inxtraw/ingħataw patrol boats lill-Forzi Armati? Minn min?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-immodernizzar tal-flotta tal-“patrol boats” qed ikun ikkunsidrat mill-Forzi Armati. Jien infurmat li għalkemm pjani konkreti f’dan is-sens għadhom mhux konklużi, kuntatti inizjali mal-Gvern ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika diġa saru. Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għall-Istqarrija għall-Istampa Numru 1502 maħruġa mid-Dipartiment ta’ l-Informazzjoni.
L-aħħar xiri ta’ “patrol boat” mill-Forzi Armati kien fl-1997 minn għand il-Gvern Ġermaniż.
L-aħħar għotja kienet tikkonsisti f’żewġ “SAR Launches” mill-Gvern Taljan f’Awissu 1998 lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili permezz tar-Raba’ Protocol Taljan. F’Mejju 1999 dawn iż-żewġ “SAR Launches” għaddew għand il-Forzi Armati.
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni kollha li jaħdmu fil-European Union Programmes Unit fil-livelli kollha?
B'liema kundizzjonijiet tax-xogħol?
B'liema kriterji ġew reklutati?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-Eurpoean Union Programmes Unit (EUPU) s'issa (31 ta' Ottubru 2000) hemm jaħdmu:-
(a) National Co-ordinator (li hu wkoll Direttur, Ippjanar u Żvilupp fid-
Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni
(b) Skrivana (mislufa mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni)
(c) Executive Secretary (li ġiet maħtura f'Lulju 2000).
Bħalissa, hemm ukoll sejħa għall-applikazzjonijiet għall-Executive Secretary (Youth) u dalwaqt toħroġ sejħa oħra għall-Executive Secretary (Socrates).
L-ewwel żewġ impjegati qed jagħmlu dan ix-xogħol apparti x-xogħol tagħhom fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. L-Executive Secretary intgħażlet wara sejħa pubblika ta' l-applikazzjonijiet. Din qegħda fuq kuntratt ta' xogħol ta' tliet snin.
Jista' l-Ministru jgħid b'liema awtorita' qed ikun hemm mini-vans u gwidi li jwasslu turisti biex iżuru l-Banjijiet Rumani f'Għajn Tuffieħa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Banjijiet Rumani huma magħluqa għall-pubbliku u ħadd ma hu awtorizzat li jżurhom mingħajr il-permess tad-Direttur tal-Mużewijiet jew id-delegati tiegħu.