Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #21411 Sitting 437 2000-11-28 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Istitut Tekniku Mikilanġ Sapiano - Għalliem

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex malajr kemm jista' jkun jinstab min jgħallem il-Control Systems & Applications lili dawk li qed isegwu l-kors ATD fl-Istitut Tekniku Mikilanġ Sapiano? Għaliex mhux qed jinstab għalliem f'dan il-qasam? Peress li hemm studenti li għandhom eżami kruċjali f'Ġunju, jistgħu jittieħdu l-passi meħtieġa biex ikollhom l-għalliem meħtieġ?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-bidu tas-sena skolastika l-istudenti kellhom għalliem tal-'Control Systems & Applications'. Wara ftit li bdiet is-sena skolastika, dan l-għalliem irriżenja. Saru l-interviews għall-għalliema temporanji f'dan is-suġġett, u ġiet identifikata persuna biex tgħallmu. Meta din il-persuna ġiet ikkuntattjata, qalet li ma tistax tibda qabel Jannar, għax għandha impenji oħra. Bħalissa qegħdin fil-proċess biex jiġi kkuntrattat għalliem għal dan is-suġġett.

San Vinċenż de Paule

Question

Jista’ l-Viċi Prim Ministru jgħid x'possibilita' hemm li l-persuna anzjana li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament tiddaħħal f'San Vinċenż de Paule?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-anzjana li d-dettalji tagħha intbagħtu separatament ġiet ammessa f'San Vinċenz de Paule fit-22 ta' Novembru 2000.

VRT

Question

Għaliex il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament reġgħu bagħtu għaliha għal vehicle roadworthiness test meta kif jindika ċ-ċertifikat (li qed jintbagħat separatament) diġa' għamel dan it-test fi Frar li għadda?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tal-Liċenzji u Testijiet jibgħat javża individwalment lil dawk is-sidien li l-vettura tagħhom ikun imissha li tagħmel il-Vehicle Roadworthiness Test qabel tiġġeddilha l-liċenzja. F'dan il-każ partikolari, il-vettura msemmija trid tiġi ttestjata qabel ma tiġġedded il-liċenzja f'Jannar tas-sena 2001. Għaldaqstant sidha għamel it-test fi Frar ta' din is-sena mingħajr ma kien mitlub jagħmel dan.
Leg 9 PQ #21492 Sitting 437 2000-11-28 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Marsa — Power Station

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni li ġew maħtura fit-task force biex tistudja d-diffikultajiet li nqalgħu fil-produzzjoni tad-dawl tal-power station tal-Marsa? Fuq liema kriterji ġew maħtura? X'xogħol għamlet s'issa din it-task force? Meta se tlesti x-xogħol tagħha?

Response (BONNICI, JOSEF)

Dwar l-ewwel parti tal-mistoqsija, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għat-tieni parti tal-mistoqsija numru 21493 waqt is-Seduta numru 435. Dawn il-persuni ġew maħtura a bażi tal-kwalifiki u esperjenza li jippossjedu. Din it-Task Force studjat u qed tistudja x'hemm bżonn isir fix-short, medium u long terms. Is-soluzzjoni fix-short term diġa' qed tiġi mplimentata, waqt li x-xogħol fuq is-soluzzjonijiet tal-medium u long terms għadu għaddej. Bħalissa għadu kmieni biex wieħed jitkellem dwar data speċifika meta hu mistenni li t-Task Force tiffinalizza l-inkarigu li ngħatat.
Leg 9 PQ #21385 Sitting 436 2000-11-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Persuni mtella' l-qorti

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul Awissu, Settembru u Ottubru, kemm-il persuna ttellgħet il-qorti minħabba: (a) ġlied; (b) dagħa; u (ċ) ksur ieħor tal-lilġi fil-grounds ta' l-istadjum nazzjonali, Centenary Stadium, Victor Tedesco Ground, Ground tal-Hibs u Gozo Stadium ? Jista' jagħti l-figuri separatament? X'passi ttieħdu fi grounds oħra matul l-istess żmien u fuq l-istess akkużi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-perijodu msemmi mill-Onorevoli Interpellant, il-Pulizija ressqet quddiem il-Qorti 18-il persuna fuq ksur ta` bon ordni li seħħ ġewwa l-istadium nazzjonali. Ninsab infurmat ukoll illi 2 persuni oħra għad iridu jidhru quddiem il-Qorti fuq l-istess akkużi li seħħew, wieħed fil-Gozo Stadium, u l-ieħor fil-ground ta` Sannat.
Leg 9 PQ #21386 Sitting 436 2000-11-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Għalliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm in-numru ta' sigħat fil-ġimgħa (27 1/2) li jaħdmu l-għalliema hija liġi osservata għall-għalliema kollha tagħna? L-Att ta' l-Edukazzjoni jippermetti li xi awtoritajiet ta' l-iskejjel tal-Knisja u/jew indipendenti jżiedu dawn is-sigħat għall-għalliema tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ammonta ta' ħin li jaħdmu l-għalliema hu regolat mill-ftehim li jkun hemm bejn min iħaddem (id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, il-Knisja jew skejjel partikolari indipendenti) u l-Union ta' l-għalliema. Informat ukoll li fil-prattika, l-iskejjel tal-Gvern u tal-Knisja jkun hemm kalendarju wieħed li jinħadem fuq il-ftehim bejn il-Gvern u l-MUT u l-Knisja u l-MUT li jiffissa l-ġranet meta jiftħu l-iskejjel. L-iskejjel indipendenti aktarx li jimxu ma' dan il-kalendarju bi ftit varjazzjoni skond il-ħtiġijiet ta' l-iskejjel individwali.
Leg 9 PQ #21387 Sitting 436 2000-11-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Spiżeriji veterinarji liċenzjati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm spiżeriji veterinarji liċenzjati f'Malta u Għawdex? F'liema lokalita' huma? Jista' jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għal ftuħ ta' spiżeriji simili? Meta saret kull applikazzjoni? Minn min? Fejn?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nitlob lill Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Qorti — Ħlasijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ir-reġistrar tal-Qorti jaċċettax ħlasijiet ta' multi, ħlasijiet ta' rikorsi, eċċ b'cheque u/jew credit card?

Response (GATT, AUSTIN)

Hlasijiet b'cekk fil-Qrati jigu accettati. Hlasijiet bi credit card s'issa ghadhom qatt ma gew effettwati . Pero' f'dan ir-rigward tista' ssir referenza ghat-twegiba li nghatat ghall-mistoqsija numru 2346 moghtija fid-9 ta' Dicembru 1998 (Seduta numru 25).
Leg 9 PQ #21390 Sitting 436 2000-11-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Tobba veterinarji liċenzjati

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' tobba veterinarji liċenzjati biex jaħdmu f'Malta u Għawdex? Kemm minnhom huma barranin? Kemm minnhom jaħdmu full-time jew part-time mal-gvern? Hemm barranin li jaħdmu mal-gvern? Għandhom xi kondizzjonijiet ta' xogħol speċjali b'allowances eċċ?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lil Onor Interpellant li fil-mument it-tobba veterinarji jiġu liċenzjati taħt il-Medical and Kindred Ordinance li taqa' taħt il-Ministeru tas-Saħħa. In-numru ta' veterinarji huwa: seba veterinarji Maltin jaħdmu full time, veterinarju Malti u veterinarju barrani fuq kuntratt. Il-kundizzjonijiet ta' xogħol huma marbuta mal-kariga fis-Servizz Ċivili li huma jokkupaw, jew mal-kuntratt ta' xogħol li għandhom.
Leg 9 PQ #21391 Sitting 436 2000-11-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk pulizija li minħabba x-xogħol tagħhom jilbsu pajżana, jingħatawx allowance ? X'inhi din l-allowance? Hemm ħsieb li din tiżdied?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-Korp tal-Pulizija ma hemmx clothing allowance. Pero` dawk il-membri tal-Korp stazzjonati fid-diversi taqsimiet li x-xogħol tagħhom jirrikjedi li ma jilbsux l-uniformi, jibbenefikaw minn special duty allowance ta` Lm60 fix-xahar għal fizzjali u Lm45 fix-xahar għal other ranks.
Leg 9 PQ #21377 Sitting 435 2000-11-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Junior College - Studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se tiġi aċċettata l-proposta li fil-Junior College jiddaħħlu studenti biss bi gradi 1-3 f'wieħed mis-suġġetti ewlenin, x'se jiġri minn dawk l-istudenti li s'issa kienu jidħlu bi gradi 4-5? F'liema istituzzjoni edukattivi se jkunu jistgħu jidħlu dawk li mhux se jkunu jistgħu jidħlu iżjed fil-Junior College, peress li żgur m'hemmx post għalihom fl-iskola Giovanni Curmi tan-Naxxar?

Response (GALEA, LOUIS)

L-Onor. Membru japprezza li l-pjan strateġiku tal-Junior College jipproponi 'l fuq minn 50 miżura li jistgħu jittieħdu fil-ħames snin li ġejjin biex il-Kulleġġ jilħaq l-għanijiet li għalih ġie mwaqqaf. Il-Ministeru għadu qed jikkonsidra dan il-pjan strateġiku u għadu ma wasal għal ebda konklużjoni definita. Kull proposta ser tiġi studjata minn kull angolu għall-impatt tagħha fuq il-persuni konċernati u speċjalment fuq l-istudenti. Mhu ser tittieħed ebda miżura li tnaqqas l-opportunitajiet lil dawk l-istudenti li jistħoqqilhom jidħlu jistudjaw fil-Junior College. Is-suġġeriment li studenti prospettivi għandu jkollhom grad ta' '3' jew aħjar fl-'O' Level biex jitħallew jagħżlu wieħed mis-suġġetti għall-'A' Level ser tiġi studjata f'dan id-dawl. Informat li dan is-suġġeriment hu ispirat millġbżonn li l-istudenti jiġu ggwidati aħjar biex jagħżlu għall-'A' Levels dawk is-suġġetti li fihom għandhom iċ-ċans ta' aħjar suċċess. Ġejt informat ukoll li l-esperjenza f'dawn l-aħħar ħames snin turi li numru ta' studenti ma komplewx l-istudju jew weħlu fl-'A' Levels minħabba l-fatt li l-preparazzjoni u għalhekk il-gradi tagħhom fl-'O' Levels kienu ta' livell baxx wisq. Indipendentement mid-deċiżjonijiet li għad jittieħdu dwar il-Junior College, hemm proġett ta' estensjoni meħtieġa għall-iskola Giovanni Curmi tan-Naxxar.
Leg 9 PQ #21378 Sitting 435 2000-11-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Stipendi

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena skolastika li għaddiet (1999/2000), kemm kien it-total li tħallas fi stipendji lill-istudenti? Kemm tħallsu lil studenti fi skejjel tal-Knisja u dawk ta' l-iskejjel indipendenti? Fl-istess żmien kemm kien it-total li ma tħallasx minħabba nuqqas ta' attendenza jew raġunijiet oħra? F'kull każ, x'kien in-numru ta' studenti nvoluti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' studenti Universitarji li jieħdu stipendu/maintenance grant huwa 4307. L-ammont imħallas mill-1 ta' Ottubru 1999 sal-15 ta' Lulju 2000 kien ta' Lm4,733,921. It-tagħrif ieħor u t-tagħrif dwar l-iskejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti għadu qed jinġabar.
Leg 9 PQ #21379 Sitting 435 2000-11-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Junior College - Pjan strateġiku

Question

Skond il-proposta fil-Pjan Strateġiku tal-Junior College li studenti jibdew jiġu aċċettati bi gradi 1-3 f'wieħed mis-suġġetti ewlenin li jagħżlu u mhux iktar bi grad 1-5, bħalma jsir bħalissa, jekk ir-rata ta' suċċess fis-snin li ġejjin se tibqa' kif kienet din is-sena, kemm huwa maħsub li jkun hemm studenti eliġibbli biex jidħlu fil-Junior College?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 21377.
Leg 9 PQ #21380 Sitting 435 2000-11-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Junior College - Studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu studenti fil-Junior College din is-sena? Liema suġġetti għażlu? Kemm hemm minnhom li daħlu bi gradi 1-3 fis-suġġetti li għażlu? Kemm minnhom daħlu bi gradi 4 u 5?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li bħalissa hemm 1373 studenti li jinkludu ftit repeaters jattendu l-ewwel sena fil-Junior College ta' l-Universita` ta' Malta. Dawn l-istudenti għażlu s-suġġetti elenkati fit-Tabella 1 u 2 li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ebda student ma kellu pass fil-Marketing, Philosophy, Sociology u Graphical Communication. Ħames studenti ippreżentaw iċ-ċertifikat OCR/RSA Ingtegrated Business Technology Stage II li ġie meqjus bala grad A-C jew 1-5 għad-dħul. Passes fil-Matematika, Ingliż, Malti u Fiżika jew Kimika jew Bijoloġija huma r-rekwiżiti biex tidħol il-Junior College. Fit-Tabella 3 li wkoll qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra wieħed isib kemm mill-istudenti li għażlu s-suġġetti msemmija kellhom dawn il-gradi.
Leg 9 PQ #21381 Sitting 435 2000-11-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Ambjent

Arja — Livell ta' Ċomb

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kontroll hemm fuq il-livell taċ-ċomb fl-arja fuq il-gżejjer Maltin? Jista' jagħti l-livelli preżenti f'postijiet bħalma huma Tas-Sliema, ir-Rabat, il-Mellieħa u Għawdex? X'inhuma l-livelli rakkmandati fl-isfera internazzjonali? Liema hija l-lokalita' li l-aktar għandha livell ta' ċomb fl'arja u liema l-anqas?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Għalkemm għalissa għadu ma sar l-ebda programm minn dan il-Ministeru biex jissorvelja il-livelli taċ-comb fl-arja, diga nxtara l-apparat meħtieġ sabiex dan ikun jista' jsir fil-ġejjieni qarib kif mitlub taħt id-direttivi ta' l-Unjoni Ewropea, fosthom 82/884 EEC. Il-livelli rakkomandati ta' l-Unjoni Ewropea huma "2 ug Pb/m3 bhala medja fuq sena mentri il-WHO tagħti gwida ta' 0.5 - 1.Oug Pb/m3. Bhala prevenzjoni il-Gvern kien introduċa petrol bla ċomb u naqqas il-kwantita ta' ċomb fil-petrol biċ-bomb. Il-Gvern bi ħsiebu jibda jippublika b'mod regulari rapporti fuq il-monitoraġġ ta' l-arja f'diversi lokalitajiet f'pajjizna.
Leg 9 PQ #21382 Sitting 435 2000-11-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Membri

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul din is-sena, kemm-il membru tal-korp tal-pulizija tressaq il-qorti? Fuq liema akkuża? Meta ttellgħu l-qorti? Ta' liema rank kienu? Dawn il-pulizija huma sospiżi mid-doveri tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif jidher fuq it-Tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #20057 Sitting 433 2000-11-22 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar San Luqa — Inkjesti fuq Każi ta' Mwiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 10738?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ma tinfetaħx inkjesta kull meta jkun hemm mewt fl-Isptar San Luqa. Huma ċ-ċirkostanzi tal-mewt li jiddettaw jekk tinfetaħx inkjesta jew le. Il-familjari għandhom dritt li jaraw biss ir-records mediċi ta' persuna mejta u dan wara li d-divizjoni tistabbilixxi d-dritt leġali tagħhom għal-aċċess għal tali rekords mediċi. Dan għaliex l-inkjesti infushom isiru għal għanijiet amministrattivi.

Kunsilli Lokali — Gwardjani Lokali

Question

Jista' l-Ministru jgħid issa li għadda ċertu żmien mindu daħlu l-gwardjani lokal, sarx xi studju kif dan is-servizz qed jolqot il-finanzi tal-kunsilli lokali? Jirriżulta li dan is-servizz huwa sostenibbli? X'servizzi kellhom inaqqsu jew jaqtgħu l-kunsilli lokali wara li tgħabbew bl-ispiża tal-gwardjani lokali?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li wara sejha ghall-offerti gie appuntat awditur biex jaghmel interim audit gheluq is-sitt xhur mill-ghoti tad-delega tal-infurzar tal-ligijiet lil ghaxar gruppi tal-Kunsilli Lokali.
Leg 9 PQ #21110 Sitting 428 2000-11-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Klieb Abbandunati

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'possibilta' hemm li l-pulizija tiġbor il-klieb abbandunati li hemm f'Pembroke u li qed jiddisturbaw u jkunu ta' periklu għar-residenti ta' l-inħawi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi għalkemm il-Pulizija ma kellhiex rapporti ta` klieb li jkunu jiġġerrew barra fil-lokalita` li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant, ser jittieħdu passi sabiex jekk hemm xi klieb abbandunati, dawn jiġu miġbura mill-S.P.C.A.

Benefiċċji Soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemm xi ħsieb li persuni bla xogħol jibdew jiġu obbligati jagħmlu xi xogħol fil-kommunita' biex ikunu intitolati għall-ħlasijiet ta' benefiċċji soċjali? Meta se tibda titwettaq din l-inizjattiva, jekk hemm il-ħsieb li ssir?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Sallum, il-Gvern mhux qiegħed jikkunsidra din il-proposta.