Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #22516 Sitting 467 2001-01-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Assenteiżmu

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul l-ewwel term tas-sena skolastika 2000/01 x'kien l-assenteiżmu fl-iskejjel ta' l-Istat, tal-Knisja u dawk indipendenti? Jista' jagħti breakdown fil-primarji, sekondarji, sixth form, etc.? Jista' jgħid f'liema skejjel f'kull kateorija kienu l-aktar fejn kien hemm studenti assenti?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba qed tinġabar mill-iskejjel u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #22517 Sitting 467 2001-01-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Ġlied waqt il-Football

Question

Jista' l-Ministru jgħid, bejn Settembru u Diċembru 2000, kontra kemm-il persuna ttieħdu passi talli: (1) iġġieldu jew b'mod ieħor fixxklu l-andament ta' logħba football; (2) kemm kien hemm dagħa waqt l-istess logħob; (3) issawtu uffiċjali tal-logħba? F'kull każ, jista' jgħid kemm saru fl-istadium nazzjonali, fil-Gozo Stadium, l-istadium Victor Tedesco, fil-ground tal-Hibernians f'Kordin u fis-Centenary stadium?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-perjodu speċifikat mill-Onorevoli Interpellant kien hemm 19-il persuna li nbdew proċeduri kriminali kontra tagħhom minħabba ksur ta’ bon ordni fi ground tal-football. Dan il-ksur li kien jikkonsisti f’dagħa seħħ kif ġej:- National Stadium 13 Centenary Stadium 5 Gozo Stadium 1
Leg 9 PQ #22518 Sitting 467 2001-01-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Ta' Qali - Traffiku

Question

Minkejja li f'mistoqsija preċedenti l-Ministru wieġeb li l-pulizija se tieħu passi biex f'Ta' Qali (fit-triq bejn is-centenary stadium u dak nazzjonali) ma jkomplix isir ġiri sfrenat biż-żwiemel nhar ta' Ħadd kmieni filgħodu, dan għadu isir bla kontroll, jista l-Ministru jara li l-pulizija twaqqaf dan l-abbuż qabel ma ssir xi traġedja, peress li jgħaddu wkoll vetturi minn din it-triq?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi qed issir ronda mill-Pulizija tad-Distrett regolarment nhar ta’ Ħadd fl-akkwati ta’ Ta’ Qali sabiex ma jkunx hemm ksur ta’ liġi, inkluż dak imsemmi mill-Onorevoli Interpellant.

Qrati — Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm każi bħalissa quddiem il-qorti f'Għawdex li huma dwar inċidenti fejn persuni ttajru b'xi karozza f'Malta? F'liema ċirkostanzi u b'liema mod jiġi deċiż li każ li ġara f'Malta jinstema' fil-qorti ta' Għawdex?

Response (GATT, AUSTIN)

Bħalissa quddiem il-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) hemm pendenti żewġ (2) kawżi ċivili ġurisdizzjoni superjuri u ħames (5) kawżi inferjuri dwar inċidenti ta' karozzi li ġraw f'Malta. Kawża waħda biss min dawn titratta dwar persuna li ttajret b'karozza f'Malta. Każ li ġara f'Malta jista' jinstema' fil-Qorti t'Għawdex al termini tal-Artikolu 767, 768 u 769 tal-Kap 12 tal-Liġijiet ta' Malta. Fil-Qorti tal-Maġistrati (Malta) Ġudikatura Kriminali, m'hemm l-ebda każ dwar inċidenti b'karozzi f'Malta
Leg 9 PQ #22508 Sitting 466 2001-01-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Tas Sliema - Inċidenti tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar ħames snin kemm kien hemm inċidenti li ġraw f'Tas Sliema fejn karozza tajret xi persuna hi u taqsam it-triq? X'passi ħadet il-pulizija f'kull każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn l-1996 u l-2000, gew irrappurtati lill-Pulizija 66 incident fejn karozza tajret xi persuna hi u taqsam it-triq f'Tas Sliema. Fi 18-il kaz minn dawn ittiehdu proceduri quddiem il-Qorti, fi 17-il kaz il-parti mwegga' irrinunzjat ghal proceduri kriminali, f'24 kaz ma rrizultax li kien hemm lok ghal proceduri kriminali, f'6 kazi ma' gietx identifikata l-vettura involuta, filwaqt li hemm kaz iehor li huwa suggett ta' inkjesta Magisterjali li ghadha mhix konkluza.

ETC — Sponsor

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid xi sforzi saru mill-ETC biex jinstab sponsor għall-istudent li ismu qed jintbagħat separatament fl-iskema ta' l-apprendistat? Hemm xi possibbilta' li jinstabu sponsors għax iż-żmien għaddej u qed jitlef esperjenza tant meħtieġa għal formazzjoni tiegħu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ir-responsabbilita' li tinstab kumpanija li toffri sponsorship lill-apprendisti hi tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ iżda jekk apprendist jintgħażilx mill-kumpanija jiddependi mill-kapaċita' ta' l-apprendist kif ukoll mir-riżultati miksuba. L-apprendist li rrefera għalih l-Onor. Evarist Bartolo ġie minn ta' l-aħħar kemm fl-eżamijiet ta' nofs is-sena kif ukoll dawk annwali. Minn naħa tagħha l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ xorta rreferiet lill-apprendist imsemmi għal aktar minn għaxar intervisti kemm ma' ditti privati kif ukoll ma' korpi parastatali. Minkejja dan kollu l-apprendist baqa' ma ġiex magħżul. Ftit tal-ġranet ilu l-Korporazzjoni għamlet arranġament biex dan jerġa' jattendi għal intervista bil-ħsieb li jiġi offrut sponsorship. L-apprendist imsemmi attenda għal intervista iżda ma ġiex magħżul minħabba nuqqas ta' kapaċitajiet.
Leg 9 PQ #22510 Sitting 466 2001-01-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kulleġġ tal-Biedja — Stipendji

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul din is-sena skolastika l-istudenti post-sekondarji tal-kulleġġ tal-biedja ngħatawx l-istipendju li huma ntitolati għalih? X'inhi r-raġuni? Meta se jieħdu l-istipendji?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul is-sena skolastika l-istudenti post-sekondarji ta' l-ewwel sena tal-Kulleġġ tal-Biedja Ġuże` Micallef għadhom ma ngħatawx il-grant. Dan ġara għax il-konferma min naħa tal-Kulleġġ dwar min kienu l-istudenti li bdew jattendu, ma waslitx qabel is-6 ta' Diċembru 2000. Skond ir-regolamenti tal-finanzi, dan kien tard wisq biex jirċievu l-grant sa l-aħħar ta' Diċembru 2000. Dawn l-istudenti ser jingħataw il-grant fl-aħħar ta' Jannar 2001. Il-kumplament ta' l-istudenti tal-Kulleġġ irċivew il-Maintenance Grant fil-ħin.
Leg 9 PQ #22511 Sitting 466 2001-01-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Tagħmir kontra n-nar

Question

Peress li hawn ħafna skejjel, kemm ta' l-Istat, tal-Knisja kif ukoll indipendenti, li ilhom mibnija is-snin, jista' l-Ministru jgħid x'apparat jeżisti fihom fil-każ ta' ħruq? Hemm għalliema/staff ieħor li huwa intiż kif issir evakwazzjoni ta' skola f'każ ta' ħruq? Isiru fire drills fuq bażi regolari? Fl-iskejjel ġodda, kemm ta' l-Istat u dawk privati, hemm tagħmir li jista' jintuża bħala l-ewwel ġlieda kontra xi nar?

Response (GALEA, LOUIS)

F'dawn l-aħħar snin inħoloq għarfien fost l-awtoritajiet biex jiġi nstallat fl-iskejjel tagħmir kontra t-tifi tan-nar. Dan it-tagħmir hu f'forma ta' fire extinguishers ta' l-ilma, ragħwa, trab u carbon dioxide. Kutri ta' kontra n-nar sabu posthom ukoll fil-laboratorji u fil-klassijiet tal-Home Economics. Bdew isiru eżerċizzji ta' l-evakwazzjoni f'numru ta' skejjel. Bil-ħatra tal-Health and Safety Teachers/Instructors is-sena l-oħra dawn l-eżerċizzji bdew isiru f'aktar skejjel. Bdew jitwaħħlu sinjali ta' evakwazzjoni, dwal ta' emerġenza u sistemi ta' alarm. Bil-mod dawn l-eżerċizzji qed isiru regolarment f'għadd dejjem jikber ta' skejjel. Fl-iskejjel moderni, kemm statali u privati, qed ikunu nstallati dry/wet risers, fire hoses, fire extinguishers u anke bibien u materjal ieħor li jiflaħ għan-nar. Informat ukoll li fl-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti fire extinguisher jinstab kważi f'kull skola. F'xi każi l-iskejjel jitolbu u jingħatalhom fire drills. Dan ma jsirx fuq bażi regolari.
Leg 9 PQ #22512 Sitting 466 2001-01-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Private School Association — Finanzjament

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi progress kien hemm biex ġenituri ta' tfal li jmorru fi skejjel indipendenti jiġu appoġġjati finanzjarjament kif imħabbar fl-aħħar budget? Il-Ministeru rċieva l-informazzjoni meħtieġa mingħand il-private schools association jew xi għaqda oħra biex il-ġenituri jieħdu il-benefiċċju mwiegħed? Jekk fl-affermattiv, jista' jagħti dettalji dwar in-numru ta' studenti, ġenituri, eċċ.

Response (GALEA, LOUIS)

Tlabt l-iskejjel privati indipendenti jgħadduli mill-aktar fis ir-rapport kompilat beix il-Gvern jimplimenta l-miżura mħabbra fil-Budget.
Leg 9 PQ #22194 Sitting 464 2001-01-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kavallier ta' San Ġakbu

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 22085?

Response (GALEA, LOUIS)

L-ispiża tal-Gvern għaċ-Ċentru tal-Kreattivita` fil-Kavallier ta' San Ġakbu hi bil-bosta aktar minn Lm30,000. F'dan l-istadju ċ-Ċentru jirċievi għajnuna ta' eluf ta' liri f'pagi ta' impjegati governattivi mislufa mid-Dipartimenti ta' l-Edukazzjoni, Kultura u tax-Xogħlijiet kif ukoll għajnuna oħra mill-Ministeru li jidhru taħt il-voti rispettivi. Iċ-Ċentru, li fil-ftit xhur li ilu miftuħ wera sinjali psżittivi tal-ħidma artistika u kulturali li qed titwettaq f'pajjiżna, għadu fil-fażi organizzattiva tiegħu. L-MPO ta' l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, b'tisħib mal-Ministeru tiegħi, qed jiffinalizzaw sejħa għall-impjegati tal-Gvern biex kemm jista' jkun ir-riżorsi umani, l-akbar spiża taċ-Ċentru, jittieħdu minn posthom fejn l-ispiża hi diġa` allokata taħt voti diversi. Meta jiġi kompletat dan l-eżerċizzju inkun f'qagħda aħjar niddefinixxi kif għandna nissodisfaw il-bżonnijiet finanzjarji taċ-Ċentru.

Djar — Sussidji

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta l-Awtorita' tad-Djar se toħroġ l-Lm40.74ċ sussidju (Skema J) għas-sena 2000 fuq il-kera tal-fond li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Skond l-Iskema J, il-ħlas tas-sussidju fuq il-kera jsir kull sitt xhur b'lura mid-data ta' l-applikazzjoni wara li l-applikant jipproduċi kopja ta' l-irċevuta tal-ħlas tal-kera. Ninsab infurmat li, bi svista, fil-11 ta' Diċembru 1998 l-Awtorita' tad-Djar ħallset lill-persuna ndikata s-sussidju għal perijodu bejn Settembru 1998 u Awissu 1999, u fl-14 ta' Jannar 2000 l-Awtorita' ħallset is-sussidju għall-perijodu bejn Settembru 1999 u Awissu 2000. Biex l-Awtorita' tad-Djar tiġi konformi mal-kundizzjonijiet ta' l-imsemmija Skema, il-pagament li jmiss ser isir fl-1 ta' Marzu 2001 u dan ikun ikopri l-perijodu bejn Settembru 2000 u Frar 2001.
Leg 9 PQ #22181 Sitting 463 2001-01-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Budget 2001 — Skejjel Privati

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 22109, kemm huwa l-ammont ta' studenti li mistennija jgawdu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ammont ta' studenti li jattendu skejjel privati bi ħlas ta' miżati hu ta' 8347..
Leg 9 PQ #22182 Sitting 463 2001-01-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Fondi tat-Taħriġ

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 22105, jista' l-Ministru jagħti t-tagħrif mitlub dwar il-vot tat-Training Grants amministrat mill-MDC u l-ETC?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li matul l-1999 kien hemm 73 kumpanija li ibbenefikaw minn "Training Grants" li kienu jammontaw għal Lm455,149. L-ammont li rċeviet kull kumpanija jvarja skond in-numru ta' impjeġati li hadu t-tahriġ u skond it-tul u n-natura ta' l-istess tahriġ. In-numru ta' persuni li ħadu taħriġ permezz ta' dawn il-fondi kien jammonta għal 2,479. Dan it-taħriġ ingħata fis-setturi kollha tal-manifattura. L-ammont li ħadet kull kumpanija kif ukoll in-numru ta'impjegati mħarrġa jidhru fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.
Leg 9 PQ #22190 Sitting 463 2001-01-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Nuqqas ta' Għalliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'għalliema nieqsa hemm fl-iskejjel Għawdxin? F'liema suġġetti? Meta se jintbagħtu l-għalliema nieqsa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-iskejjel Għawdxin ma jirriżultax nuqqas ta' għalliema.
Leg 9 PQ #22191 Sitting 463 2001-01-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għal Għawdex

Skejjel — Nuqqas ta' Għalliema

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'għalliema nieqsa hemm fl-iskejjel Għawdxin? F'liema suġġetti? Meta se jintbagħtu l-għalliema nieqsa?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li fl­ebda suġġett u fl­ebda skola ma hemm għalliema nieqsa f'Għawdex.
Leg 9 PQ #22192 Sitting 463 2001-01-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

St Edward's — Canteen

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba kien hemm spezzjonijiet tal-uffiċjali tal-VAT matul is-sena 2000 fil-canteen tal-iskola St Edward's dwar ħruġ ta' riċevuti fiskali mill-operator tal-canteen?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li matul is-sena 2000 fil-canteen ta' l-iskola St.Edwards saru żewġ spezzjonijiet minn Inspectors tal-VAT dwar ħruġ ta' riċevuti fiskali.
Leg 9 PQ #22193 Sitting 463 2001-01-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Swieqi — Bini abbandunat

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 22066 u t-tweġiba għaliha, meta kien li l-pulizija avżat lis-sid dwar il-bini abbandunat fil-periklu? X'għamlet s'issa l-pulizija biex is-sid jieħu l-passi biex ineħħi l-periklu li hemm?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi nhar it-28 ta` Novembru 2000 sid il-post kien ġie verbalment infurmat mill-Pulizija sabiex ineħħi l-periklu. Imbagħad, nhar il-15 ta` Diċembru 2000, sid il-post kien ġie intimat formalment skond l-artikolu 25 tal-Kodiċi tal-Pulizija. Il-Pulizija ħadet ukoll passi kriminali, liema każ jinsab appuntat għas-smiegħ fl-24 ta` Jannar 2001.
Leg 9 PQ #22175 Sitting 462 2001-01-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għal Għawdex

Kunsill Għawdxi għall-Edukazzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se jinħatar il-Kunsill Għawdxi għall-Edukazzjoni? Kemm se jkun hemm persuni fih? Fuq liema kriterji se jinħatar?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Il-Kunsill ta’ l-Edukazjoni għal Għawdex ser ikun magħmul kif ġej : President Viċi President Segretarju Eżekuttiv - A/Direttur ta’ l-Edukazzjoni għal Għawdex (ex-ufficcio) Rappreżentant tal-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Rappreżentant tal­Ministru għal Għawdex Il-Kap ta’ l-Iskola Post-Sekondarja ta’ l-Istat Il-Kap ta’ l-Iskola Sekondarja Subien ta’ l-Istat Il-Kap ta’ l-Iskola Sekondarja Bniet ta’ l-Istat Rappreżentant ta’ l-Iskejjel Primarji ta’ l-Istat maħtur mill-Kapijiet ta’ l-istess skejjel Rappreżentant ta’ l-Iskejjel tas-Snajja ta’ l-Istat maħtur mill-Kapijiet ta’ l-istess skejjel Rappreżentant ta’ l-Iskejjel Speċjali li jinbidel kull sitt xhur b’rotazzjoni Rappreżentant taċ-Chairpersons tal-Kunsilli ta’ l-Iskejjel ta’ l-Istat u tal-Knisja maħtur mill-istess Chairpersons Rappreżentant ta’ l-għalliema tal-Kunsilli ta’ l-Iskejjel ta’ l-Istat u tal-Knisja maħtur mill-istess għalliema Rappreżentant tal-ġenituri tal-Kunsilli ta’ l-Iskejjel ta’ l-Istat u tal-Knisja maħtur mill-istess ġenituri Rappreżentant tal-Iskola Sekondarja tas-Seminarju Veskovili Rappreżentant ta’ l-Iskejjel Primarji tal-Knisja Rappreżentant tal-Malta Union of Teachers Rappreżentant tal-Gozo Business Chamber Rappreżentant tal-Gozo Tourism Association Rappreżentant tal-Korporazzjoni għall-Impjiegi u Taħriġ (ETC) Rappreżentant taċ-Ċentru għal Għawdex ta’ l-Universita’ L-ittri tal-ħatra tal-President, viċi-president u tal-membri kollha ex ufficcio diġa inħarġu. L-oħrajn jiġu appuntati jew mill-organizzazzjonijiet imsemmija fuq jew permezz ta’ votazzjoni bejn il-persuni involuti. Kemm il-president kif ukoll il-viċi president intgħażlu minħabba l-esperjenza tagħhom fil-qasam ta’ l-edukazzjoni.
Leg 9 PQ #22176 Sitting 462 2001-01-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għal Għawdex

Kunsill Għawdxi għall-Edukazzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'se tkun il-funzjoni tal-Kunsill Għawdxi għall-Edukazzjoni? X'budget se jkollu għall-ħidma tiegħu? Mil-liema vot se joħroġ dan il-budget?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Il-Kunsill ta’ l-Edukazzjoni għal Għawdex huwa mistenni li jaqdi l-funzjoni ta’ bord konsultattiv u għandu jfittex : 1 kif jista’ jogħla l-livell tat-tagħlim u dak ta’ l-edukazzjoni f’Għawdex; 2 kif igħaqqad l-isforzi kollha u jżid l-impenn fid-diversi setturi ta’ l-edukazzjoni f’Għawdex; 3 li jissuġġerixxi titjib fil-kundizzjonijiet materjali ta’ l-iskejjel Għawdxin; 4 li jagħti appoġġ sħiħ ; i. lill-għalliema u kapijiet ta’ skejjel fil-qadi tal-missjoni tagħhom ii. lis-servizzi li l-iskejjel jagħtu lill-ġenituri kif ukoll lill-komunita’ 5 li jassigura li jkun hemm koperazzjoni sħiħa u kontinwa bejn is-settur ta’ l-edukazzjoni u dak ta’ taħriġ u sieħba soċjali fl-oqsma ta’ l-ekonomija u l-kultura; 6 li jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet li jidhirlu xierqa lill-Ministru. Peress li l-kunsill huwa wieħed konsultattiv mhux ser ikollu budget allokat speċifikament għall-ħidma tiegħu.
Leg 9 PQ #22177 Sitting 462 2001-01-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għal Għawdex

Skejjel — Junior Lyceum - Victoria Għawdex

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk jirriżultax li hemm għalliema li qed jibdew il-lezzjonijiet tagħhom tard fil-Junior Lyceum tas-subien fil-Victoria, Għawdex? Jekk jirriżulta li hekk, jistgħu jittieħdu passi biex dan in-nuqqas jitneħħa?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li ma jirriżultax li hemm għalliema li qed jibdew il-lezzjonijiet tagħhom tard fl-iskola Junior Lyceum/Sekondarja tas-subien Victoria, Għawdex.