Jista' l-Ministru jgħid jekk hux regolari li sid li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija jdaħħal impjegata ġdida miegħu ġimgħa wara li keċċa impjegata li kellu qabel għal 11-il sena sħaħ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
B'referenza għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 22969, nixtieq ninforma lill-Onor. Membru li l-każ ġie nvestigat mill-Ispetturi tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impjieg u rriżulta li m'hemmx qbil bejn l-impjegata u l-employer fuq ir-raġuni tat-tkeċċija, fejn employer qiegħed jgħid li kienet għar-raġuni dixxiplinarja. Minħabba f'hekk huwa opportun li jekk l-impjegata msemmija ma taqbilx mar-raġuni mogħtija mis-sid konċernat, hi għandha tapplika lit-Tribunal Industrijali mill-aktar fis possibbli, biex jisma' l-każ tagħha.
Peress li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħatu separatament ilha minn Settembru bla xogħol, x'benefiċċji soċjali hija ntitolata għalihom peress li qed tgħix ma' missierha li qed imantnieha bil-pensjoni modesta tiegħu b'ħafna diffikultajiet u tbatija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-informazzjoni li ta fir-rigward tal-persuna kkonċernata jidher li din tista' tkun intitolata jew għall-Benefiċċju tal-Qgħad jew għal xi benefiċċju ieħor mhux kontributorju mħallas skond l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali (Kap 318). Il-persuna ġiet infurmata biex tmur fl-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali tal-lokal tagħha fejn għandha ssib kull għajnuna.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jinstema' l-każ li dettalji dwaru qed jintbagħatu separatament imressaq wara t-terminu ta' l-impjieg tal-persuna konċernata?
Response (GONZI, LAWRENCE)
B'referenza għal Mistoqsija Parlamentari numru 22971, jien infurmat li m'hemmx każi pendenti quddiem id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impjieg jew it-Tribunal Industrijali dwar il-persuna msemmija fil-Mistoqsija Parlamentari.
Madankollu tlabt lill-uffiċċjali fid-dipartiment ikkonċernat biex jikkonsultaw ma' din il-persuna.
Jista' l-Ministru jgħid xi provvista ta' mediċini għandna f'każ li xi serp velenuż milli jinżamm illegalment f'pajjiżna jigdem lil xi ħadd?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ma tinżamx provvista ta' anti venoms għaliex dawn huma species specific. Dawn jinġiebu skond il-bżonn u l-ħtieġa.
Jekk l-Onor. Interpellant għandu informazzjoni dwar it-tip ta' sriep li qed jinżammu illegalment, nitolbu jgħaddieha kunfidenzjalment lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-awtoritajiet tas-saħħa f'pajjiżna hux qed isegwu l-konkluzjonijiet ta' riċerka li saret fl-Ingilterra u fl-Isvezja li t-tilqim kontra l-measles, il-mumps u r-rubella jikkaġuna autisin fit-tfal?
B'liema mod qed isegwu din ir-riċerka? X'inhi r-reazzjoni tagħhom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nixtieq nassigura l-Onor. Interpellant illi d-Diviżjoni tas-Saħħa, permezz tal-Kumitat Nazzjonali li jagħti pariri dwar it-tilqim, qiegħed isegwi kemm direttament kif ukoll indirettament (permezz tal-għajnuna teknika mingħand l-uffiċċju tal-Expanded Programme on Immunisation tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa) ir-rapporti ta' studji xjentifiċi li jiġi ppublikati dwar l-użu jew side-effects potenzjali tat-tilqim kollu.
Il-konklużjoni ta' studji li saru ġewwa l-Ingilterra u l-Iżvezja stabilixxew li għalkemm sabu illi kien hemm diversi side-effects minn din it-tilqima, dawn ma kienux serji u FL-EBDA KAŻ ma sabu li kien hemm tfal li żviluppaw l-autism jew xi kundizzjoni relatata.
Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena skolastika s'issa u mindu ħarġet iċ-ċirkulari relevanti f'Ġunju 2000, kemm kien hemm staff akkademiku u mhux li ntalab jitlaq mill-impjieg full-time għax għalaq 61 sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-perjodu msemmi, kien hemm persuna waħda akkademika impjegata full-time, li għalqet il-61 sena, u li l-impjieg tagħha ma ġiex imġedded wara t-tmiem tas-sena akkademika li għaddiet.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx studenti universitarji li għadhom ma ħadux stipendju tul din is-sena akkademika s'issa? X'inhija r-raġuni? Kemm hemm studenti li baqgħu bla stipendju? Meta se jingħataw l-istipendju?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li la l-bord għall-Għotjiet ta' Manteniment lill-Istudenti u anqas l-Uffiċċju fl-Universita` li hu nkarigat minn dawn l-għotjiet ma' rċieva ilmenti minn xi studenti li huma ntitolati għall-għotja, li kien hemm fosthom li ma rċivewx dak li hu dovut lilhom.
Informat ukoll li hemm anqas minn għaxar studenti li għandhom aktar minn 30 sena li applikaw għal dawn l-għotjiet u t-talba tagħhom għadha qed tkun proċessata. Dan ġara għax billi l-għotja lil dawn l-istudenti m'hix awtomatika, iżda jridu jippruvaw li għandhom ċirkostanzi ta' tbatija partikolari, uħud minnhom ma pprovdewx id-dokumenti meħtieġa ma' l-applikazzjoni u allura ma setgħux ikunu proċessati qabel.
Jekk dawn l-studenti jikkwalifikaw għall-Għotja ta' Manteniment skond il-kriterji stabbiliti mill-Bord, l-applikazzjonijiet tagħhom ikunu proċessati.
'In-Nazzjon' , 22 ta' Jannar 2001, paġna 5, irraporta li l-Ministru qal li qed isiru studji, dipartiment dipartiment biex il-Gvern inaqqas il-ħela? Jista' l-Ministru jgħid f'liema dipartiment s'issa bdew dawn l-istudji? F'liema stadji waslu dawn l-istudji? Liema mistennija jkunu lesti l-ewwel u meta?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li beda l-proċess biex isir l-eżerċiju ta' Benchmarking imħabbar fil-Budget u li għandu jdaħħal effiċjenza akbar fid-dipartimenti tal-Gvern u li għandu wkoll inaqqas l-ispiża tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pensjonanti li d-Dipartiment tat-Taxxi Interni bagħat javżhom li għandhom iżjed taxxa xi jħallsu fis-snin li għaddew? Kemm hija s-somma li d-ipartiment qed jippjana li jiġbor mingħand dawn il-pensjonanti?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob l-Onorevoli Interpellant jispeċifika għal liema avviż li ntbagħt mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni qiegħed jirreferi biex tkun tista' tinġabar l-informazzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-films li ntwerew s'issa f'St James Cavalier minn mindu nfetah? Liema ntwerew lill-pubbliku wara li ġie avżat? Liema intwerew mingħajr avviż lill-pubbliku in ġenerali, u għal liema raġuni ma sarux avviżi pubbliċi? Kemm ħallset l-udjenza għal kull film li ntwera?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Nirriferi għat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari nru. 22548 u speċifikament għal dak li jingħad f'para 6 tal-kuntratti tal-tuck shops. Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dan il-paragrafu?
Fil-każ tat-tuck shops fl-iskejjel tal-Knisja u indipendenti, hemm xi regolamenti dwar dak li għandu jinbiegħ?
Kemm-il darba matul din is-sena skolastika (2000/01) id-dipartiment ta' l-edukazzjoni talab lill-ispetturi tas-saħħa jżuru tuck shops? Dawn kienu kollha fl-iskejjel ta' l-Istat?
Jista' jgħid fejn saru, jiġifieri f'liema skejjel? Meta? Instab xi ksur tar-regolamenti dwar x' għandu jinbiegħ?
Response (GALEA, LOUIS)
Kopja ta' para 6tal-kuntratt tat-Tuckshop qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni m'għandhiex responsabbilta` għat-Tuckshops fl-iskejjel tal-Knisja u tal-Privat.
Fil-bidu ta' kull sena skolastika, id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni titlob lid-Dipartiment tas-Saħħa biex jagħmel tliet spezzjonijiet fl-iskejjel kollha statali fejn hemm tuckshop. Dawn l-ispezzjonijiet isiru f'perjodi differenti u għall-għarrieda.
F'Ottubru 2000 id-Dipartiment tas-Saħħa għamel l-ewwel spezzjonijiet fit-Tuckshops fl-iskejjel statali. Ittra bid-data tat-30 ta' Ottubru 2000, li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, turi rapport maħruġ mid-Dipartiment tas-Saħħa.
Minn meta bdiet is-sena skolastika 2000/2001 sal-lum, id-diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ma rċeviet ebda rapport dwar xi ksur tar-regolamenti dwar x'għandu jinbiegħ.
Jista' l-Ministru jgħid matul din is-sena skolastika (2000/1) kemm saru spezzjonijiet fit-tuck shops fl-iskejjel ta' l-Istat, tal-Knisja u privati?
L-ispetturi tas-saħħa jagħmlu spezzjonijiet fuq inizjattiva tagħhom jew dejjem jistennew xi talba mid-dipartiment ta' l-edukazzjoni
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li matul din is-sena skolastika (2000/1) saru:
55 - spezzjoni ġo skejjel ta' l-istat
3 - spezzjoni ġo skejjel tal-knisja
5 - spezzjoni ġo skejjel privati
L-Ispetturi tas-Saħħa skond l-'Education Act' huma obbligati li jispezzjonaw tali skejjel u jinfurmaw lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni b'xi nuqqasijiet li jinstabu. B'hekk, bħala proċedura jsiru mill-inqas tlett spezzjonijiet, waħda kull term mingħajr l-ebda talba speċifika mid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni. Għaldaqstant fil-bidu tas-sena skolastika d-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni jagħti lista ta' l-iskejjel liċenzjati li għandhom 'tuck shop'.
Spezzjonijiet oħra mhuxippjanati jsiru kif ikun hemm bżonn matul is-sena, dan biex tiġi żgurata l-iġjene fit-'toilets' u jekk ikun hemm bżonn f'xi parti oħra ta' l-iskola.
B'riferenza għat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari nru. 22517, dan ifisser li fuq (1) u (3) ma kienx hemm nies mressqa il-qorti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-perijodu msemmi mill-Onorevoli Interpellant ma tressqux nies quddiem il-Qorti fuq akkużi li jinkwadraw taħt paragrafi (1) u (3) ta` Mistoqsija Parlamentari Nru. 22517.
Jista' l-Ministru jelenka l-ismijiet ta' l-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż u d-date ta' meta ingħataw il-liċenzja biex jibdew joperaw?
Kif kull skola se tintlaqat mit-taxxa ġdida imposta mill-Ministeru tat-Turiżmu biex jgħin il-budget ta' l-Awtorita' għat-Turiżmu?
Response (GALEA, LOUIS)
Lista bl-ismijiet ta' l-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż u meta ingħatatilhom il-Liċenzja qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li se ddaħħal l-Awtorita' għat-Turiżmu mit-taxxa imposta dan l-aħħar fuq lukandi, ristoranti, skejjel li jgħallmu l-ingliż lill-barranin?
Kemm se ddaħħal minn fuq l-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż lill-barranin?
Response (REFALO, MICHAEL)
Jien infurmat li, dejjem jekk il-ħlas isir fi żmien tlett xhur mill-ħruġ tal-kont, l-Awtorita’ tistenna li mill-kontribuzzjonijiet (mhux taxxi imposti) mingħand sidien ta’ lukandi, ristoranti u skejjel għat-tagħlim ta’ l-Ingliż iddaħħal madwar Lm620,000. Dan l-ammont jinkludi l-kontribuzzjonijiet li normalment kienu jitħallsu sal-2000.
Huwa stmat li mis-36 skola d-dħul b’risq l-Awtorita’ jkun ta’ madwar Lm7,400.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm studenti li bħalissa jinsabu f'xi skema ta' apprendistat TAS / ESTS?
Min huma l-kumpaniji / entitajiet li qed jisponsorjaw lil dawn l-apprendisti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' apprendisti li bħalissa jinsabu fl-iskemi ta' l-apprendistat jammontaw għall-1,808. Minnhom 799 qegħdin fl-iskema ta' Extended Skill Training Scheme (ESTS), u 1,009 fl-iskema ta' Technician Apprenticeship Scheme (TAS).
In-numru ta' kumpaniji/entitajiet li jisponsorjaw lil dawn l-apprendisti jammonta għal 505. Minn dawn 471 huma mis-Settur Privat, 17 Dipartimenti tal-Gvern u 17 oħra Korpi Parastatali.
Jista' l-Ministru jgħid bħalissa kemm hemm vapuri taħt il-bandiera Maltija li għal raġuni jew oħra jinsabu miżmuma f'portijiet barranin? F'liema pajjiżi u għal liema difetti?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'kontroll se jsir mid-dipartiment għall-ambjent dwar trabijiet/għabra fl-arja meta jibda l-proġett proprju tal-Kottonera u issa li qed issir l-iskavar/bini għall-kumpless sportiv fil-Marsa?
Kif se jsir permess li minbarra eluf ta' residenti fl-inħawi hemm tlett skejjel kbar; Ġużeppi Despott, De La Salle u St Edwards? Japrezza li ħafna trabijiet fl-arja jistgħu jkunu ta' periklu għas-saħħa, speċjalment għal dawk li jsofri bl-ażma?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li mhuwiex mistenni li x-xogħlijiet fil-Kottonera ser jikkaġunaw xi inkonvenjenza lir-residenti jew lill-iskejjel fil-viċin; dan minħabba l-fatt illi l-kontroll tat-trabijiet fl-arja minn dan il-proġett kienu ġew ikkunsidrati qabel fil-permess ta' l-iżvilupp ta' dan l-istess proġett.
Il-miżuri li ser jittieħdu għall-kontroll ta' trabijiet fl-arja huma dawn:
'water sprays' ser jintużaw biex inaqqsu l-inkonvenjent ta' trabijiet fl-arja filwaqt li jkun qed isir l-iżvilupp.
Ser jittieħdu wkoll miżuri adekwati sabiex il-vetturi kollha li jitilqu mill-post fejn qed isir l-iżvilupp u li għandhom x'jaqsmu ma' dan l-iżvilupp ma jarmux tajn jew materjal ieħor fit-toroq.
Filwaqt li jkun qed isir dan il-proġett id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent flimkien ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ser jagħmlu spezzjonijiet regolari sabiex ikunu jistgħu jaraw jekk hux kollox sejjer kif suppost.
Ninforma l-Onorevoli Interpellant li ma hemm l-ebda xogħol ta' skavar/bini għal kumpless sportiv fil-Marsa.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pulizija hux qed tieħu xi prekawzjonijiet speċjali issa li beda x-xogħol fuq il-kumpless sportiv f'Bormla biex jiġi żgurat li ma jkunx hemm periklu għat-tfal ta' l-iskejjel fil-viċin?
Peress li trakkijiet kbar mimlija bit-terrapien qed jgħaddu regolarment mit-triqat viċin l-iskejjel De La Salle, St Edwards u Ġużeppi Despott u meta jibda x-xogħol fuq il-proġett tal-Kottonera dan il-periklu jikber, jista' l-Ministru jara li din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi minn meta beda l-proġett imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, il-Pulizija ħadet ħsieb li jsiru l-arranġamenti meħtieġa sabiex kemm jista` jkun ma jkunx hemm periklu.
Jista' l-Ministru jgħid il-persuna li tgħallem l-IT fl-iskola sekondarja tas-subien ta' Santa Venera meta se tingħata l-opportunita' li tagħmel il-Conversion Diploma Course fil-Computer Studies Education fl-Universita' ta' Malta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-Ċirkulari li ħarġet fit-22 ta' Mejju 2000, ref: OPS 4/2000, għalliema tas-Sekondarja ġew mitluba biex japplikaw biex jgħallmu s-suġġett "ICT Applications". Dawk li kienu se jiġu magħżula kienu ser jintbagħtu biex jagħmlu 'Conversion Diploma Course in Computer Studies' fl-Universita` ta' Malta.
Sfortunatament għal din is-sejħa applikat persuna waħda li ma kinitx eliġibbli skond is-sejħa ta' l-imsemmija ċirkulari. Huwa maħsub li din iċ-ċirkulari terġa toħroġ din is-sena fejn fiha sejra tiġi mogħtija l-opportunita` biex l-għalliema fis-sekondarja jkunu jistgħu japplikaw.