Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari çnumru 22772?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-opinjoni tal-Kap tad-dipartiment tal-farmaċija hi li d-dipartiment irid jikber fl-oqsma ta' Farmaċija Prattika u dik Klinika. Id-dipartiment huwa parti mill-Fakulta` tal-Mediċina u Kirurġija. Il-Kap tal-Farmaċija qiegħed jistudja jekk huwiex possibli u ta' benefiċċju li jitressaq il-pjan imsemmi mill-Onor. Membru. La il-kamra ta' l-ispiżjara u l-anqas l-awtoritajiet Universitarji għadhom ma taw il-fehma tagħhom formalment fuq dan l-aspett.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 22778?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kap tad-dipartiment qabel mal-Bord tal-Fakulta` tal-Mediċina u Kirurġija u li jekk tinħass il-ħtieġa l-grades meħtieġa għad-dħul għandhom jgħolew.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 22773?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-aħħar studju juri li n-numru ta' l-ispiżjara żdiedu matul is-snin (384 fl-1992, 557 fl-1995, 628 fl-1997), 57% huma nisa u 43% huma rġiel. Il-medja ta' l-eta' hija 25 - 29 sena. 48% jaħdmu fil-kommunita`, 18% fl-isptar, 19% marketing u industrija, u 15% xogħol ieħor bħala nutritionist, għalliema, fl-universita` u social workers jew irtirati. L-istudji saru taħt forma ta' proġetti.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 22774?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' persuni mill-istaff akkademiku u mhux, li applikaw għal estensjoni wara li għalqu l-61 u din l-applikazzjoni ġiet miċħuda matul l-1999 u s-sena 2000 hu kif ġej:
Staff akkademiku Staff mhux akkademiku
1999 - 0 1999 - 1
2000 - 1 2000 - 1
Informat li r-rendikont u t-talba kapitali u rikorrenti għas-sena 2000/1 huma:
Personal Emoluments: Lm
Academic staff 74000
Non-academic staff 130622
Nefqa Rikorrenti 164370
Nefqa Kapitali 100300
Nefqa għar-Riċerka 107250
Total 576542
Dawn il-proposti għal postijiet akkademiċi huma żieda ta' ekwivalenza għal żewġ postijiet akkademiċi full time u wieħed akkademiku part time fuq dawk preżenti. Il-postijiet mitluba bħala żieda għal dawk mhux akkademiċi jinkludu
Messaġġier / Driver 1
Lab Officers 4
Executive Officer 1
Senior Lab. Assistant 1
Lab. Technician 1
Lab. Attendant 2
Faculty Officer 1
I.T./Communication Officer 1
It-tweġiba għall-aħħar parti tad-domanda qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 22794?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li saru xi taħditiet informali. Il-kamra ta' l-ispiżjara jistgħu jgħatu l-pariri tagħhom bil-miktub. Ma ngħatax parir formali mill-kamra ta' l-ispiżjara. Il-kap tad-dipartiment kien qed jirreferi għal pajjiżi Ewropej u l-Istati Uniti. Isiru konsultazzjoni ma' għaqdiet barranin speċjalment waqt konferenzi barra u mad-Dekan tal-Fakulta` kif ukoll il-feedback ma' fejn l-istudent ikun qiegħed jieħu l-prattika.
Jista' l-Ministru jgħid xi żviluppi kien hemm fl-aħħar ħames xhur dwar il-każ li beda jinvestiga d-Dipartiment tat-Toroq wara li ttella' ħajt fi Triq il-Majjistral, Madliena?
X'passi ttieħdu jew hemm il-ħsieb li jittieħdu? Meta?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li wara li d-Dipartiment tat-Toroq kien qed jittratta dan il-każ, irriżulta li hemm proċeduri għaddejien fil-Qorti li jinvolvu wkoll il-Kummissarju ta' l-Artijiet.
Għalhekk issa l-każ qed jiġi ttrattat mit-taqsima propjeta tal-Gvern tal-Ministeru ta' l-Intern.
Jista' l-Ministru jgħid x'laqgħat saru s'issa bejn il-gvern u l-Kummissjoni Ewropea fejn ġew diskussi t-talbiet tal-gvern għal derogi u perijodu ta' transizzjoni fil-proċess għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea? X'derogi qed jitlob il-gvern? X'perijodi ta' transizzjoni qed jitlob u f'liema oqsma? Fejn waslu t-talbiet tal-gvern? X'kienet ir-reazzjoni s'issa tal-Kummissjoni Ewropea?
Response (BORG, JOE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-lista ta' talbiet għal derogi u perjodi ta' transizzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant dwar kapitoli 1, 2, 3, 10 u 14. It-talbiet dwar kapitli 4, 6, 8, 9 u 13 diġa inagħtaw minni fir-risposta għall-mistoqsija numru 20992.
Il-Pożizzjoni fuq kapitoli 7 (Agrikultura), 22 (Ambjent), 30 (Istituzzjonijiet) u 31 (Oqsma oħra) għadhom qed jiġu formulati sabiex jiġu diskussi fil-kuntest tal-Malta-EU Steering and Action Committee, fejn il-Partit Laburista kien u għadu mistieden biex jipparteċipa.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienu r-riżultati s'issa tar-ronda li qed tagħmel il-pulizija fl-inħawi ta' l-iskola sekondarja San Ġużepp Ħaddiem fil-Marsa minħabba rapport ta' prostituzzjoni u drogi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bħala riżultat tar-ronda li l-Pulizija għamlet matul dawn l-aħħar xhur fl-inħawi li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant, ħames persuni ġew akkużati quddiem il-Qorti b`reati konnessi ma` prostituzzjoni.
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi biex ma jibqax jiġri li ġuvni jitla' regolarment fil-karozza li tieħu l-istudenti bniet ta' l-iskola Fra Diego Bonanno lejn Bormla u jqassmilhom is-sigaretti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li dan il-każ ta' Ġuvni li jitla' regolarment fil-karozza li tieħu l-istudenti ta' l-iskola Fra Djego Bonanno lejn Bormla seħħ f'Novembru.
Il-Kap ta' l-iskola mill-ewwel ġibdet l-attenzjoni u ttieħdu l-miżuri neċessarji mill-uffiċjal inkarigat mit-trasport biex dan il-ġuvni ma jibqax jitla' fil-karozza.
Minn dak iż-żmien ma jirriżultax li baqa' jitla'.
Il-Kap ta' l-iskola qatt ma kellha rapporti li tqassmu xi sigaretti.
Jista' l-Ministru jgħid meta d-dipartiment konċernat se joħroġ l-Lm20 mill-fondi li vvota l-gvern meta seħħ s-sussidju minn fuq il-ħobż għat-tnejn mit-tliet residenti li joqogħdu fi Flat 8, Block C, Triq Bertha K, ILG, San Ġiljan u li minkejja li għadda dan iż-żmien kollu baqgħu ma tħallsux?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob l-Onorevoli Interpellant biex jissupplixxi l-ismijiet u n-numri tal-Karta ta' l-Identita' tal-persuni li għalihom qed jirreferi fil-mistoqsija parlamentari biex id-Dipartiment jkun f'pożizzjoni biex jivverifika l-ilment imressaq.
Jista' l-Ministru jgħid x'permessi għandu l-ħanut d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija li jbiegħ regolarment sriep velenużi, kukkudrilli u rettili oħra li persuni oħra ma jitħallewx idaħħlu f'pajjiżna?
Il-pulizija kemm-il darba tul is-sena 2000 u 2001 s'issa marret f'dan il-ħanut biex tara jekk hux kollox qed isir b'mod legali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-ħanut imsemmi mill-Onorevoli Interpellant huwa liċenzjat mal-Pulizija bħala pet shop. Infurmat ukoll l-aħħar spezzjoni mill-Pulizija f`dan il-ħanut kienet saret f`Mejju tas-sena l-oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni jippruvaw idaħħlu llegalment mid-dwana rettili f'pajjiżna fis-sena 2000 u fis-sena 2001 s'issa?
X'kienu r-rettili li nqabdu?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fil-perjodu msemmi minnu kien hemm 2 persuni li nqabdu jippruvaw idaħħlu 22 fekruna ħajjin f'żewġ okkażżjonijiet. Dan kien fit-12 ta' April 2000 u fit-3 ta' Novembru 2000.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal it-tfassil ta' pjan u programm għall-asfaltar ta' toroq li kien qed jiġi mħejji mid-dipartiment tat-toroq flimkien mal-kunsilli lokali?
B'liema kriterji se jiġu stabbiliti l-prijoritajiet ta' fejn u meta se jsir ix-xogħol meħtieġ?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li nġabret il-parti l-kbira ta' l-informazzjoni meħtieġa mingħand il-Kunsilli Lokali dwar it-toroq li għandhom bżonn l-asfalt. Dan għandu jwassal biex id-Dipartiment tat-Toroq jipprepara l-lista tax-xogħolijiet differenti li għandhom isiru, biex din il-lista tiġi diskussa flimkien ma l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali.
Jista' l-Ministru jgħid xi spezzjonijiet saru matul dan ix-xahar mill-uffiċjali ta' l-awtorita' ta' l-ippjanar f'Għajnsielem biex jissorveljaw lil dawk li bla permess qed joperaw bħala mastrudaxxa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi għalkemm matul Jannar tas-sena 2001 ma sarux spezzjonijiet speċifiċi għal dawk li qed joperaw bħala mastrudaxxa bla permess fil-lokalita` ta` Għajnsielem, irid jingħad li minn żmien għal ieħor jsiru diversi spezzjonijiet għal xogħlijiet diversi li jkunu qed isiru mingħajr il-permessi meħtieġa ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jittieħdu l-passi meħtieġa kontra dawk li qed joperaw bla permess bħala mastrudaxxa f'Għajnsielem?
Dawn il-persuni jgawdu xi immunita' li tħallihom jiksru l-liġi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija f`dawn l-aħħar xhur ma kelliex ilmenti dwar dak li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant. Fil-passat kien hemm ilmenti dwar persuna waħda li kienet saret referenza għaliha f`Mistoqsija Parlamentari Numru 10220. Minn spezzjonijiet li għamlet il-Pulizija, għalkemm fil-garage hemm xi makkinarju, ma nstabx li kien qiegħed isir xi xogħol ta` mastrudaxxa f`dan il-post.
Ninsab infurmat ukoll illi l-Awtorita` ta` l-Ippjanar kienet fetħet każ kontra dan il-mastrudaxxa li kien qed jopera mingħajr il-permessi neċessarji (ECF 886/99). Il-każ jinsab pendenti sabiex tittieħed azzjoni diretta.
Jista' l-Ministru jgħid meta ġie deċiż meta se jsiru Triq il-Veduta u l-parti ta' fuq ta' Triq il-Markiz J. Scicluna fil-Madliena minħabba t-tbatija li l-istat ħażin tagħhom qed jikkaġuna lir-residenti u lil kull min juża dawn it-toroq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq s'issa għadu mhux f'pożizzjoni li jagħmel dawn it-toroq, għalkemm nista ngħid li l-Kunsill Lokali tas-Swieqi talab diversi drabi li dawn it-toroq jiġu mibnija.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi progress x'jirrapporta mindu wieġeb mistoqsija parlamentari nru. 17251 fis-26 ta' Ġunju, 2000?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kunsill Malti għall-Ispot għadu għaddej bil-proċess amministrattiv. Għad fadal xi risposti dwar 'clearance' pendenti. Fil-ġranet li ġejjin għandha ssir laqgħa oħra ma' uffiċjali tal-Malta Playing Fields Association.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jistgħux jittieħdu passi biex jiġu eliminati l-problemi għall-istudenti li jkollhom ibiddlu l-ID Cards waqt li jkunu qed jagħmlu l-eżamijiet tas-Sec, billi t-tiġdid ta' l-ID Cards f'dan il-każ jiġi pospost għall-wara l-eżamijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi għalissa mhux qed isir tiġdid tal-karta ta` identita`. Dan minħabba illi b`Avviż Legali 67/2000, kull karta ta` identita` maħurġa qabel l-1 ta` Jannar 2000, li tiskadi wara dik id-data, għandha tibqa` valida sakemm jinħareġ avviż mill-Prim Ministru fil-Gazzetta tal-Gvern.