Jista' l-Ministru jgħid jekk hemm xi ħsieb li jingħataw permessi biex fil-bajja t'Għajn Tuffieħa (in-naħa tar-Riviera Martinique) ikun hemm faċilitajiet sanitarji u tal-ikel u xorb għas-sajf li ġej?
Xi problemi hemm biex jingħataw dawn il-permessi?
Response (BORG, TONIO)
L-Awtorita` ta` l-Ippjanar irċeviet żewġ applikazzjonijiet għal faċilitajiet ta` l-ikel u xorb fil-bajja ta` Għajn Tuffieħa (fuq in-naħa ta` Riviera Martinique) : PA 2565/99 u PA 4824/99. L-aħħar applikazzjoni msemmija tinkludi ukoll il-provvediment ta` faċilitajiet sanitarji.
L-applikazzjoni PA 4824/99 ġiet rifjutata mill-Bord tal-Kummissjoni ta` l-Iżvilupp, filwaqt li l-applikazzjoni l-oħra, għalkemm għadha ma tressqitx quddiem l-istess bord imsemmi, tinsab rakommandata għall-rifjut mid-Direttorat ta` l-Ippjanar. Dawn iż-żewġ applikazzjonijiet kienu rakommandati għal rifjut fuq l-istess prinċipji għaliex iż-żewġ 'sites' jinsabu f`area ta` valur ekoloġiku skedat b`livell numru 2. Irrespettivament minn dan, id-Direttorat ta` l-Ippjanar lest li jikkunsidra faċilita` temporanja għall-ikel u xorb jekk tkun allokata fil-'car parking area' qabel ma wieħed jinżel għall-bajja ta` Għajn Tuffieħa. Faċilitajiet sanitarji jistgħu ukoll jiġu kkunsidrati fil-bajja jekk ikunu temporanji u disenjati b`mod li jikkumplementaw il-karattru naturali tal-bajja.
Jista' l-Ministru jgħid f'Diċembru 2000 u f'Jannar 2001 kemm kien hemm ċittadini Maltin li ġew miġbura mill-puliżija u interrogati dwar xibka li torganizza l-kummerċ illegali tal-bnedmin lejn pajjiżna u minn pajjiżna lejn pajjiżi oħra?
F'liema dati nġabru? Dawn l-investigazzjonijiet saru b'kollaborazzjoni ma' pajjiżi oħra? Liema?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Diċembru 2000 u Jannar 2001 kien hemm seba` Maltin li ġew miġbura u/jew interrogati mill-Pulizija dwar l-organizzar ta` kummerċ illegali lejn jew minn pajjiżna. Wieħed ġie interrogat fl-20 ta` Diċembru 2000, tnejn fit-3 ta` Jannar 2001 u erba` fl-24 ta` Jannar 2001.
Uħud mill-investigazzjonijiet f`dawn il-każi qegħdin isiru flimkien mal-Pulizija Taljana u għadhom għaddejjin.
Jista' l-Ministru jgħid jekk mis-sejħa ta' l-offerti għall-provvista' ta' makni tal-biljetti elettroniċi għall-karozzi tal-linja, ġewx esklużi mill-ewwel xi kumpaniji / individwi għax ġew black listed fid-dawl tar-rapport li kien għamel Dr Edgar Mizzi fuq x'ġara meta saret l-ewwel sejħa għall-offerti tal-biljetti elettroniċi xi snin ilu? Liema kumpaniji ġew esklużi?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-ditta Wayfarer Transit Systems Ltd ta' l-Ingilterra u d-ditta Maltech Ltd ta' Malta kif ukoll id-Diretturi jew persuni li jiġu mid-Diretturi tagħhom ġew iddikjarati mhux eliġibbli li jitfgħu offerta la direttament u l-anqas indirettament għal kuntratt imsemmi. Pero' niġbed l-attenzjoni ta' l-Onorevoli Membru li din id-deċiżjoni ittieħdet fid-dawl tal-konklużjoni ta' l-inkjesta magħmula mill-Imħallef Caruana Colombo u mhux b'riżultat tar-rapport ta' Dr. Edgar Mizzi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern hux se jkollu jonfoq iżjed għall-pagi u spejjeż oħra ammnistrattivi meta mill-bidu tas-sena 2002 l-pixxina nazzjonali tibda titmexxa minn kumpannija flok tibqa' taħdem b'impjegati sekondati magħha minn dipartimenti differenti tal-gvern?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa qed isiru diskussjonijiet bejn dawk kollha kkonċernati fis-suġġett, rigward it-tmexxija futura tal-pixxina nazzjonali u l-kumpless kollu sportiv ta' l-Universita'.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk it-tfajla li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament hijiex intitolati għal xi benefiċċju soċjali peress li tieħu ħsieb ommha - marida mentalment - u li tiddependi minn missierha li d-dħul tiegħu ġej mill-benefiċċju tal-qgħad?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jkollhom għalliema regolari tal-matematika ċerti klassijiet ta' l-iskola Agius de Soldanis, Rabat, Għawdex, peress li hemm għalliema li ilha mindu bdiet is-sena 2001 ma tattendi u tagħti lezzjoni? X'rimedju se jittieħed?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li wara li saret talba għall-maternity leave mit-teacher tal-Matematika fl-iskola Agius de Soldanis, dan ingħata b'effett mit-22 ta' Jannar 2001. Qed isir dak kollu possibli biex il-vaganza li nħolqot timtela' mill-iktar fis possibli.
Jista' l-Ministru jgħid jekk saritx xi offerta lill-kulleġġ tal-biedja ta' majjali biex jitrabbew fil-post għall-benefiċċju ta' hands on għall-istudenti? Meta se tiġi aċċetta din l-offerta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kulleġġ irċieva offerta ta' ħames majjali bl-iskop li l-istudenti tal-Kulleġġ ikunu jistgħu ipprattikaw it-tagħlim li jirċievu.
Il-Kulleġġ ma kienx bi ħsiebu jilqa' din l-offerta għaliex m'għandux faċilita` fejn jinżammu u għax m'hemmx bniedem li jista' jieħu ħsiebhom b'mod regolari.
L-istudenti tal-Kulleġġ jipprattikaw is-sengħa tagħhom mad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura u ma l-imgħallem li jimpjeghom taħt it-Technicians Apprenticeship Scheme.
Iż-żmien li jqattgħu fil-Kulleġġ, jumejn fil-ġimgħa, hu ddedikat l-aktar għat-tejorija u xogħol esperimentali.
Minkejja r-rapport tal-kumitat dwar il-basktijiet tqal ta' l-iskola, jaf il-Ministru li l-ġenituri tat-tfal f'għadd ta' skejjel għadhom jilmentaw li wliedhom għadhom iġorru fuq daharhom bastktijiet tqal ħafna b'dannu għal saħħithom? X'passi ttieħdu mindu ħareġ ir-rapport biex ir-rakkmandazzjonijiet jitwettqu? X'inhi d-deċiżjoni finali dwar il-carriers? Jistgħu jintużaw jew le?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mindu ħareġ ir-rapport kienu mqassma żewġ ċirkolarijiet, l-ewwel waħda ħarġet fl-20 ta' Ottubru 2000. F'din Iċ-ċirkolari l-iskejjel ġew infurmati bir-rapport u r-rakkomandazzjonijiet tal-kumitat. Sussegwentament ħarġet it-tieni ċirkolari fejn l-iskejjel kienu mħeġġa biex flimkien mall-kunsill skolastiku jfasslu 'School Bag Policy' kompluta bit-'timeframes' għat-twettieq tagħha. Il-kapijiet kienu wkoll ġew mistiedna jorganizzaw attivitajiet biex jinformaw u jedukaw lill-ġenituri. Saret saħansitra kampanja ta' informazzjoni fuq Channel 22 u l-PBS fis-16 u 17 ta' Novembru.
Dwar il-Kwistjoni tal-'carrier bags', fir-rapport dwar il-'Heavy Schoolbags', il-kumitat li għamel l-istudju, għalkemm osserva li l-iskejjel qed iqisu l-użu tal-carriers bħala soluzzjoni għall-problema tal-basktijiet tqal, xorta wasal għall-konklużjoni li m'għandhomx jintużaw il-'carriers' u dan għar-raġuni li:
a) meta jintużaw dawn it-tipi ta basktijiet it-tfal ikunu qed jieħdu pożizzjoni (posture) ħażina u għalhekk jistgħu ikollhom uġieħ f'daharhom;
b) jistgħu jweġġgħu lil tfal oħra speċjalment meta t-tfal ikunu telgħin jew nieżlin minn fuq it-trasport jew it-taraġ ta' l-iskola;
c) dawn il-basktijiet jistgħu ikunu ta' dannu għall-propjeta' ta ħaddieħor.
Issa kull skola, flimkien mall-Kunsill Skolastiku hija mistennija tiżviluppa School Bag Policy li l-ġenituri għandhom isegwu. Din il-policy trid tindirizza l-problema tal-'carriers' u tippermetti żmien ta' tranżizzjoni li matulu dawn il-'Carrier bags' ma jibqgħux jintużaw.
Jista' l-Prim Ministru jgħid meta huwa maħsub li ma jibqax jintuża iżjed mill-Armata x-shooting range ta' Pembroke? X'użu alternattiv se jsir mill-faċilitajiet li bħalissa qed jintużaw bħala shooting range f'Pembroke?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien ma naf bl-ebda pjanijiet biex il-Forzi Armati ma jibqgħux jużaw iżjed ir-“Ranges” ta’ Pembroke.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ir-rettur ta' l-Universita' jagħtix medja tat-talbiet imressqa mid-dipartimenti universitarji għas-sena 2000/1? X'inhu l-medju tat-talba kapitali u rikorrenti? Liema huma l-akbar voti dipartimentali li qed jingħataw lin-naħa tax-xjenza? X'riċerka qed issir minn dawn id-dipartimenti F'liema ġurnali internazzjonali ġiet ippublikata din ir-riċerka?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-talbiet li tressqu mid-dipartimenti universitarji fis-sena 2000 kienu jammontaw għas-somma totali ta' Lm921,413. Minn dan l-ammont Lm355,050 kien it-total ta' talbiet ta' natura kapitali.
Dawn it-talbiet jiġu kkunsidrati mill-Kumitat tal-Fond tar-Riċerka mwaqqaf apposta kull sena. Jidhru t-talbiet sħaħ, jew il-partijiet mnnhom, li ġew approvati. Mit-total approvat ta' Lm149,495 il-Fakolta` tax-Xjenza ingħatat is-somma totali ta' Lm29,400.
Informazzjoni aktar dettaljata dwar dan ta' hawn fuq u tagħrif rigward l-aħħar żewġ partijiet tal-Mistoqsija ser tingħata lill-Onor. Membru għall-aħjar informazzjoni tiegħu.
Jista' l-Ministru jara li l-kunsill skolastiku ta' l-iskola primarja ta' Ħal-Għaxaq jagħti l-permessi meħtieġa biex il-kunsill lokali tal-post ikun jista' juża s-sala ta' l-iskola, l-unika sala fil-komunita', biex jorganizzaw Jum Ħal-Għaxaq?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser nirreferi t-talba lill-awtoritajiet kompetenti għall-konsiderazzjoni tagħhom.
Jista' l-Ministru jara li jintbagħat xi purtinar fil-kulleġġ Madre Tereża ta' l-Imsida peress li l-unika persuna li hemm mhijiex biżżejjed biex tlaħħaq mal-bżonnijiet tal-kulleġġ?
Response (GALEA, LOUIS)
Iva, kif spjegajt dan l-aħħar fil-Parlament qed isir xogħol biex ħaddiema tal-Gvern jiġu mitluba jirraportaw għal dan ix-xogħol. Tlabt lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tagħti każ it-talba ta' l-Onor. Membru.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb min-naħa tal-Gvern Malti li joffri xi forma ta' għajnuna, limitata kemm hi limitata, lill-Gvern Indjan għall-poplu milqut mid-diżastru enormi tat-terremot li ħalla tant u tant eluf mejta u tant u tant eluf oħra midruba u bla dar?
Jekk iva, x'inhi din il-forma ta' għajnuna?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant li bħal ma kien sar f’okkażjonijiet simili fil-passat, Malta qed tagħti s-somma “token” ta’ Lm20,000 lill-Gvern ta’ l-Indja bħala sinjal ta’ solidarjetà mal-poplu Indjan fit-traġedja li laqtitu bħala riżultat tat-terremot li sar ix-xahar l-ieħor.
Għall-istess raġunijiet Malta qiegħda wkoll toffri s-somma ta’ Lm10,000 lill-poplu ta’ l-El Salvador li kien intlaqat minn terremot xi ġranet qabel.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm qtates li qed jinżammu fil-Kulleġġ tal-Biedja? Kemm huwa stmat li kull ġurnata l-kap jiddedika ħin għall-qtates u kemm jiddedika ħin għall-istudenti u t-tmexxija tal-kulleġġ?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-Kulleġġ tal-Biedja ma jinżammux qtates imma b'koperazzjoni bejn il-Kulleġġ u l-Għaqda Nazzjonali tal-Qtates (NCS) hemm santwarju anness mal-Kulleġġ.
L-NCS jipprovdu l-ħin, flus u nies biex inaddfu s-santwarju filwaqt li l-Kulleġġ ikollu dritt li l-istudenti tiegħu, li qegħdin isegwu kors ta' assistenti tal-veterinarji jitgħallmu billi jamministraw mediċini u jsiru jafu aktar fuq in-natura tal-qattus.
In-numru tal-qtates ivarja skond kemm jidħlu pazjenti jew qtates mingħajr dar.
Il-Kap tal-Kulleġġ jew jinżel ma' l-istudenti jew ma xi pazjent għal-lezzjonijiet u akkomodazzjoni rispettivament, il-bqija hemm l-NCS li tieħu ħsieb. Il-Kap ukoll jagħmel spezzjonijiet biex jara li qed tinżamm indafa stretta.
Jikkonferma l-Ministru li mill-1 ta' Jannar, 2002 il-pixxina nazzjonali se tibda titmexxa minn kumpannija? Kif se tkun ifformata din il-kumpannija? X'impjegati se jkollha magħha? Kemm se jkollha impjegati? Kif se jkunu reklutati? X'se jiġri mill-impjegati li bħalissa jaħdmu fil-pixxina?
Response (GALEA, LOUIS)
Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet bejn l-Universita` ta' Malta, is-Segretarjat Parlamentari fil-Ministeru ta' l-Edukazzjoni u l-uffiċjali mid-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport sabiex it-tmexxija tal-Pixxina Nazzjonali u faċilitajiet sportivi oħra fl-Universita` jgħaddu f'idejn il-Malta University Sports Complex Limited.
Din il-Kumpanija kienet twaqqfet fl-1995, b'51% shareholding ta' l-Universita` u 49% shareholding tal-Gvern, u qegħda terġa' tkun rijattivata. Il-Memorandum and Articles ta' din il-kumpanija sarulu biss xi tibdil minimu minn kif oriġinarjament inkiteb. It-transizzjoni mit-tmexxija eżistenti għal tmexxija minn kumpanija huwa indirizzat f'Operations Agreement li bħalissa qiegħed jiġi ffinalizzat.
Rigward l-impjegati eżistenti tal-Pixxina Nazzjonali, il-ħsieb hu li l-Malta University Sports Complex Ltd tassimila kemm jista' jkun mill-ħaddiema li bħalissa huma impjegati mal-Pixxina Nazzjoanli.
Bħalissa ma hemm ebda proċess jew pjanijiet għal reklutaġġ ġdid.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fis-segretarjat tiegħu u fl-Universita' fl-amministrazzjoni waslux rapporti li xi membri ta' l-istaff akkademiku qed jidħlu fiċ-chat lines b'messaġġi sesswali u jieħdu sehem f'cyber sex fuq l-internett? Jekk waslu dawn ir-rapport ttieħdu xi passi? X'passi ttieħdu?
Response (GALEA, LOUIS)
Fir-rigward tas-Segretarjat lanqas biss qatt ma saret xi allegazzjoni fis-sens li qed isemmi l-Onor. Membru. Rigward l-Universita` informat li l-allegazzjoni li saret b'mod anonimu fl-amministrazzjoni ta' l-Universita` ġiet investigata immedjatament. Il-Computing Services Centre ħareġ avviż lil kull min għandu Internet u e-mail Account ma' l-Universita` li dan hu mogħti lilhom biex isir xogħol konness ma' l-Universita`. Il-Computing Services Centre, mill-ewwel beda jinvestiga kemm dawn l-allegazzjonijiet huma vera biex l-Universita` tkun tista' tiddeċiedi tieħu passi u dawn x'għandhom ikunu. Mill-investigazzjonijiet li saru sa issa ma nstab xejn minn dak li kien allegat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk tistax issir laqgħa bejn uffiċjal fid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali u l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament li kif tista' tixhed il-Caritas hija l-mara ta' vittma ta' l-użura u saret taf li waqgħet lura b'erba snin fil-pagamenti tal-kera, biex tagħmel arranġament sostenibbli biex tħallas fuq medda ta' snin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-post indikat hu tal-privat u rekwiżizzjonat. Il-persuna ndikata ġiet infurmata b'ittra sabiex tħallas l-arretrati tal-kera direttament lil sid il-post. Għalhekk il-mod ta' kif jitħallsu dawn l-arretrati għandu jsir b'arranġament bejniethom.
Madankollu ser nibgħat għal persuna konċernata biex naraw jekk tistax tiġi identifikata xi forma ta' għajnuna.
Jista' l-Ministru jieħdu passi biex il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament tingħata b'mod urġenti s-servizz tat-telecare peress li għadu kemm kellha bidu ta' attakk ta' anġina u tgħix waħedha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ebda applikazzjoni bl-isem indikat ma waslet fit-Telecare Section.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 22813?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-tweġiba għall-ewwel domanda hi fl-affermattiv. Intalbu l-flus mill-Work Resources Fund biex wieħed jista' jkopri l-ispejjeż li ma jkunux koperti minn min jagħmel l-istedina. Fuq il-bażi li l-visti kienu qed isaħħu r-relazzjonijiet Ewropej jew Internazzjonali. Ir-rendikont tal-flus li ingħataw mill-Universita` huma dawn li ġejjin:
Infieq Dħul
Viżti Passaġġi Subsistence Registration International Socrates Work
Office Resource
Fund
1.ESCP -- 312.00 50 -- -- 360
Iceland
2.UK -- 350.00 -- 350 -- --
3.FIP 157.00 320.00 180 -- -- 651
Vienna
4.ESCP -- 240.00 40 -- -- 280
Basel
5.Council 122.40 127.60 -- -- 250 --
or Europe
Brussel