Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-monumenti storiċi li din is-sena se jsir manutenzjoni \ restawr fuqhom? Fejn?
Kemm ġie ivvutat din is-sena għal dan il-għan?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li se jsir manutenzjoni jew restawr fuq dawn il-monumenti storiċi:
Palazz ta' l-Inkwiżitur u Mużew Marittimu (il-Birgu): Mużew ta' l-Arti (il-Belt): Mużew ta' l-Istorja Naturali (Mdina): il-Mużew ta' l-Arkeoloġija (il-Belt): il-Mużew tal-Gwerra (il-Belt).
Għal dan il-għan ġew allokati Lm335,300.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie ivvutat din is-sena għar-restawr / manutenzjoni ta' tempji storiċi?
Liema huma dawk it-tempji li matul din is-sena finanzjarja se jsir restawr / manutenzjoni? Liema xogħol se jsir? Fejn?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li għal din is-sena, huwa maħsub illi n-nefqa fuq ir-restawr tat-tempji preistoriċi ikun ta' Lm45,000. Din il-figura mhix assoluta u tista' tkun riveduta. Lm19,700 ġew allokati għal dik li hija manutenzjoni ta' dawn l-istess tempji.
It-tempji konċernati huma: Ħaġar Qim, Ġgantija, Mnajdra, Tarxien, Skorba.
Xogħol li ser isir huwa kif ġej:
Ħaġar Qim: Ilqigħ ta' "Scaffolding": Rikostruzzjoni ta' parti ikkolasata: Riċerka permezz ta' "weather station": Tqegħid ta' "Information Penals": Proċessar ta' "design briefs" għal ċentru ta' viżitaturi.
Mnajdra: Bini ta' ħajt protettiv: Tender documents għal survey ta' fotogrammatirija.
Ġgantija: Ilqigħ ta' scaffolding: Tender documents għal survey ta' fotogrammatrija.
Tarxien: Rikostruzzjoni ta' ħajt: Proċessar ta' Tender Documents għal survey ta' fotogrammatrija.
Skorba: Xogħol ta' manutenzjoni fil-ħajt protettiv.
Jista' l-Ministru jgħid matul din is-sena skolastika, kemm saru visti minn tobba / dentisti fl-iskejjel ta' l-Istat? Kemm saru fl-iskejjel privati u tal-knisja?
X'kienet l-għan ta' kull żjara?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
(Appendix 1 - It-tobba tas-Servizz Mediku fl-iskejjel tad-Diviżjoni tas-Saħħa:
Appendix 2 - It-tabib tas-Servizz Mediku ta' l-Edukazzjoni fi ħdan id-Diviżjoni
ta' l-Edukazzjoni:
Appendix 3 - Id-Dentisti tas-Servizz tad-Dentisti fl-Iskejjel fi ħdan id-Diviżjoni
tas-Saħħa.)
Jista' l-Ministru jgħid jeżistix program biex jingħataw pariri/għajnuna biex studenti li huma overweight jnaqqsu mill-piż tagħhom?
Meta tobba jżuru l-iskejjel biex jeżaminaw lill-istudenti jagħmlu rakkomandazzjoni f'dan is-sens?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tweġiba tinqasam fi tnejn:
1. It-tobba tas-Servizz Mediku fl-iskejjel fi ħdan id-Diviżjoni tas-Saħħa:
"Ix-xogħol tat-tobba u l-infermiera jinkludu wkoll programm ta' promozzjoni tas-saħħa fejn jingħataw pariri fuq bażi personali lill-ġenituri kif ukoll jiġu organizzati "talks" fl-iskejjel, kemm għall-ġenituri u għat-tfal.
2. It-tabib tas-Servizz Mediku ta' l-Edukazzjoni fi ħdan id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni:
Is-Servizz Mediku ta' l-Edukazzjoni ma għandux programm separat fir-rigward ta' studenti li għandhom piż żejjed. Madanakollu, pariri u informazzjoni fuq dan is-suġġett tingħata kull meta tkun mitluba, u partikolarment waqt is-seminars li jsiru barra mill-iskejjel għall-istudenti l-kbar ta' l-iskejjel sekondarji.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jkollhom għalliema regolari l-istudenti tas-sitt klassi B tal-Primarja ta' Tas Sliema? X'sar mill-istudenti ta' din il-klassi li sfaw bla għalliema fil-ġimgħat li għaddew? Kif se jirbħu dak li tilfu bla għalliem regolari?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Għalliem regolari ta' din il-klassi ħareġ bis-'sick leave' fil-bidu ta' Jannar, 2001, u ma kien hemm ebda indikazzjoni li se jtawwal.
Kien għalhekk li fis-26 ta' Jannar, meta baqa' fuq is-'sick leave' intbagħtet għalliema oħra għal din il-klassi. L-Għalliema hi waħda kwalifikata u għalhekk it-tfal għandhom kull għajnuna biex jirkupraw dak li tilfu.
Jista' l-Ministru jgħid minn nefqa li se jkun qed jagħmel il-Gvern din is-sena biex iżid lill-impjegati tal-Gvern u lill-pensjonanti skond il-ftehim kollettiv 1998, kemm huwa stmat li se jiġbor il-gvern lura f'taxxa tad-dħul u f'bolla tas-sigurta' soċjali?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li din is-sena l-Gvern jistma li ser jiġbor Lm6 miljuni mit-taxxa tad-dħul u Lm2 miljuni f'kontribuzzjonijiet tas-sigurta' soċjali mingħand l-impjegati tal-Gvern in konnessjoni ma' l-istruttura l-ġdida ta' pagi skond il-ftehim kollettiv 1998.
Jista' l-Ministru jgħid tistax tiġi ikkunsidrata bis-serjeta' l-proposta ġusta li saret mill-Kunsill Lokali ta' Bormla biex tinbena skola primarja ġdida tal-lokal għax tirranġa kemm tirranġa fil-bini tal-iskola eżistenti, xorta mhux se tiġi fi stat li jixraq lit-tfal Bormliżi fis-seklu 21?
Response (GALEA, LOUIS)
Kif diġa' kelli l-opportunita` ngħid fil-pubbliku issa ilna ċertu żmien li bdejna nikkonsidraw il-bini ta' skola ġdida f'din il-belt.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 23054, jista' l-Ministru jgħid x'qed tistenna l-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex tieħu 'azzjoni diretta' peress li qed jgħaddu x-xhur u s-snin u l-mastrudaxxa msemmi jibqa' jopera bla permess?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-azzjoni diretta fil-każ ECF 886/99 tittieħed meta dan il-każ ikun imissu skond l-ordni fil-lista ta` każijiet simili f`Għawdex.
B'riferenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari nru. 22973 u fid-dawl tal-mistoqsija, jistgħu jsiru spezzjonijiet spissi mill-pulizija fl-imsemmi ħanut?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija ser tkompli tagħmel spezzjonijiet fil-post imsemmi.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jieħu passi biex l-anzjana ta' kważi 80 sena li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija li għandha problemi serji bil-vista u biex timxi, jkollha s-servizz tal-helper ta' l-anzjani sagħtejn kuljum bejn it-8.00am u l-10.00am flok fil-ħinijiet li qed ikollha bħalissa
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizz tal-Home Help jingħata dejjem biex l-anzjani jkunu moqdija skond il-bżonnijiet tagħhom. Biss jibqa' l-fatt li l-persuna għandha tkun raġonevoli biżżejjed u tikkopera mad-Dipartiment.
L-anzjana msemmija ilha moqdija mis-servizz minn April 1991 u sallum, diġa' marru 18-il ASK li għal xi raġuni jew oħra ħadd ma baqa' magħha.
Ma naħsibx li dawn it-18-il ASK huma kollha nkompatibbli ma' din il-persuna.
Tajjeb li jingħad, li saru xi arranġamenti dan l-aħħar biex is-servizz ikun jista' jingħata, dejjem b'sens ta' rieda tajba wkoll minn naha ta' l-anzjana msemmija.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm għandna anzjani li għandhom is-servizz ta' helpers f'Malta u f'Għawdex lokalita' b'lokalita'?
Kemm hemm helpers magħhom?
Min hu ntitolat għal dawn il-helpers?
X'minimu ta' siegħat u x'massimu ta' siegħat iqattgħu l-helpers ma' l-anzjani?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' l-anzjani li għandhom servizz ta' Home Help f'Malta hu ta' 2,589 filwaqt li dak f'Għawdex hu ta' 681.
F'Malta hemm 344 helper jaħdmu ma' l-anzjani waqt li f'Għawdex hemm 136.
Dan is-servizz jingħata lill-persuni li għandhom fuq is-sittin sena u lil min għandu bżonn tas-servizz wara deċiżjoni tal-Bord ta' l-Allokazzjoni.
Il-ħin minimu li jingħata dan ise-servizz hu ta' sagħtejn fil-ġimgħa u dak massimu hu ta' tlitt siegħat kuljum, skond il-każ.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm għalliema neqsin fl-iskola sekondarja ogħla Giovanni Mangion tan-Naxxar? F'liema suġġetti? Kemm hemm studenti milquta minn dawn in-nuqqasijiet? X'qed isir biex jinstabu għalliema biex jgħallmu s-suġġetti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-Iskola Sekondarja Ogħla Giovanni Curmi tan-Naxxar hemm nieqes għalliem wieħed tal-Fiżika. L-għadd ta' studenti milquta huma 36 li qed jagħmlu l-Kors tar-Reviżjoni tal-Livell Ordinarju. Ser tintbagħat studenta / għalliema mill-Universita` biex tagħmel dawn il-lezzjonijiet.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-rata ta' assentejiżmu ta' l-għalliema fl-iskola sekondarja Sir Temi Żammit ta' l-Imtarfa? F'liema suġġetti l-iżjed li jassentu ruħhom regolarment? X'inhuma r-raġunijiet ta' l-assentejiżmu ta' dawn l-għalliema? X'passi qed jittieħdu biex l-assentejiżmu jonqos?
Response (GALEA, LOUIS)
Tabella li turi r-rata ta' assentejiżmu ta' l-għalliema fl-Iskola Sir Temi Żammit minn Settembru sa l-aħħar ta' Jannar, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tabella li turi l-assentejiżmu skond is-suġġetti qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra wkoll. Ta' min jinnota li fil-każ ta' għalliem li falla 56 ġurnata, dan kellu intervent kirurġiku kardiaku.
Informat li l-għalliema ppreżentaw ċertifikat mediku kull darba li kienu assenti.
Fit-futur qrib, id-Diviżjoni se jkollha struttura biex jiġi vverifikat l-assentejiżmu kawża ta' mard.
Jista' l-Ministru jara jekk tistax l-pulizija tieħu l-passi meħtieġa biex il-bini abbandunat li jinsab fi triq it-Tiben f'kantuniera ma' Triq id-Dris fis-Swieqi jingħalaq kull aċċess għal ġo fih peress li qed jintuża regolarment għat-tehid tad-drogi.
Response (BORG, TONIO)
B`żieda mat-tagħrif li jien tajt fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 22193, ninsab infurmat illi s-sid kien tella` ċint madwar dan il-bini u għaldaqstant l-aċċess huwa magħluq. Infurmat ukoll illi l-proċeduri kriminali kontra s-sid jinsabu differiti għat-28 ta` Frar 2001.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjan biex is-Swieqi jkollu aċċess differenti milli għandu bħalissa u mnejn tidħol il-karozza tal-linja għax bħalissa żgur mhux adekwat minħabba l-volum tat-traffiku u d-djuqija tat-toroq involuti?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li bħalissa m'hemmx ħsieb li jsiru tibdiliet fir-rotta preżenti. Pero', jien ninsab infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku ser tara hemmx bżonn isir xi ħaġa f'dan ir-rigward.
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx xi progress fuq it-twaħħil ta' traffic lights f'salib it-toroq fejn is-Swieqi jmiss ma' Paceville minħabba l-kumplikazzjonijiet u l-periklu li qed jinħalaq bi traffiku ġej u sejjer f'direzzjonijiet differenti minn arterji ewlenin?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għad-dħul ta' Paceville, matul it-triq Reġjonali, qed isiru l-preparazzjonijiet neċessarji biex id-daħla tinbidel minn kif inhi.
Jista' l-Ministru jgħid f'din is-sena skolastika, s'issa, kemm kien hemm kapijiet, assistenti kapijiet, għalliema, instructors, kinder assistants, lab technicians u staff mhux akkademiku li ma komplewx jaħdmu fl-iskejjel tal-knisja fid-dawl taċ-ċirkulari DPD 63/2000 bid-data 26 ta' Ġunju 2000?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li staff li ma komplewx jaħdmu fl-iskjjel tal-Knisja fid-dawl taċ-ċirkulari DPD 63/2000 kien hemm dawn li ġejjin:
Kapijiet 1
Assistenti Kapijiet 1
Għalliema/Instructors 28
Lab Technicians Nil
Kindergarten Asst. 1
Staff mhux Akkademiku 20
Jista' l-Prim Ministru jgħid hemmx xi pjan biex il-Forzi Armati Maltin jibdew jużaw shooting range f'Għawdex għall-eżerċizzji tagħhom? Fejn? Is-suldati Maltin li se jibdew jittellgħu f'Għawdex għal dawn l-eżerċizzji kemm se jdumu kull darba f'Għawdex? Fejn se jgħixu u jorqdu s-suldati Maltin kemm idumu f'Għawdex?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li s-“shooting range” li hemm fil-bażi tal-Qortin f’Għawdex huwa limitat u ma jistax jintuża’ għall-ħtiġijiet kollha li tirrikjedi l-Armata. F’okkażjonijiet rari, suldati minn Malta jitilgħu Għawdex għal taħriġ u eżerċizzji militari. Mhux normali li dawn is-suldati jorqdu Għawdex. Iżda, jekk ikun meħtieġ li dawn iqattgħu lejl jew iżjed ġo Għawdex, hemm biżżejjed faċilitajiet għal numru ta’ persuni biex jorqdu u jieklu hemmhekk mingħajr problemi.
Jista' l-Ministru jara jekk jistgħux jitlestew il-proċeduri meħtieġa biex l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija joħroġlu l-permess li jista' jaħdem peress li għalaq 16-il sena u min se jħaddmu qed jistenna dan il-permess malajr għax inkella joffri l-impjieg lil xi ħaddieħor?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li dan il-permess diġa' ingħata lill-omm il-persuna msemmija.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi fondi li jingħataw lill-Fondazzjoni Gaia biex tieħu ħsieb il-bajja t'Għajn Tuffieħa (n-naħa tar-Riviera Martinique)?
Fil-każ, kemm tieħu flus kull sena?
Kemm ilha tieħu dawn il-flus? Kif hi obbligata tonfoqhom? Nefqithom fl-1999 u fis-sena 2000?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Fondazzjoni GAIA tieħu s-somma ta' Lm10,000 kull sena għall-immaniġġjar ta' Għajn Tuffieħa skond Ftehim datat 29 ta' Lulju 1998.
Il-Fondazzjoni GAIA fis-snin 1999 u 2000 nefqet il fondi kollha skond kif jitlob l-istess Ftehim.