Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex jiġi żgurat li l-iskart li joħroġ ir-ristorant It-Terrazza ta' Spinola Road, f'San Ġiljan ma jkunx ta' inkonvenjent għall ġirien tiegħu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-ġbir ta' skart minn San Ġiljan huwa responsabbilta' tal-Kunsill Lokali.
Jekk jeżisti xi nuqqas jew inkonvenjent f'dan ir-rigward, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jgħaddi din il-mistoqsija lill-Kunsill Lokali konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x' oġġezzjonijiet hemm biex jagħmel progress l-applikazzjoni 2501/94 biex il- Costa del Sol jiżviluppa stabbiliment turistiku fl-inħawi kif żviluppaw għadd ta' lukandi oħrajn fil-bajja ta' l-Għadira?
X'qed iwassal biex Costa del Sol tiġi trattata b'mod diskriminatorju meta ħaddieħor fl-istess inħawi tħalla jiżviluppa lukandi u stabbilimenti oħra?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-applikazzjoni PA 2551/94 (mhux PA 2501/94) ġiet rifjutata mill-Kummissjoni għall-Kontroll ta` l-Iżvilupp fl-4 ta` Diċembru 1997. Wara din id-deċiżjoni, saret talba għar-rikonsiderazzjoni li ġiet rifjutata mill-Kummissjoni għall-Kontroll ta` l-Iżvilupp fis-26 ta` Awissu 1998. Sar appell quddiem il-Bord ta` l-Appell dwar l-Ippjanar li fit-23 ta` Frar, 2000, iddeċieda li din l-applikazzjoni terġa` tinbagħat quddiem l-Awtorita` ta` l-Ippjanar biex terġa` tiġi pproċessata. Ir-raġuni li ta l-Bord ta` l-Appell kienet li "l-file relattiv ma ġiex proċessat sewwa, mhux li ma ġiex proċessat mill-lat proċedurali, iżda li hemm xi elementi li (ċertament bi żvista) ma ġewx indirizzati, per eżempju EIA`s etc." Wara diskussjonijiet riċenti, id-Direttorat ta` l-Ippjanar ta parir lill-applikant biex jiddiskuti l-proposta ma` l-Awtorita` tat-Turiżmu, sabiex il-proposta tkun tista` titressaq quddiem il-Kumitat konġunt bejn id-Direttorat ta` l-Ippjanar u d-Direttorat ta` l-Awtorita` tat-Turiżmu.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma is-suġġetti ġodda li skond il-Kurrikulu Nazzjonali jridu jidħlu bħala suġġetti obligatorji u/jew optional fis-sena skolastika 2001/2?
X'taħriġ qed jingħata lill-għalliema?
Response (GALEA, LOUIS)
Ninsab informat li fis-sena 2001/2002 mhux se jidħlu suġġetti ġodda għajr Physical Education u Computer Studies, bħala Optional Subjects, fl-iskejjel ta' l-istat.
Se jkompli t-taħriġ ta' g[alliema f'suġġetti varji u jibdew korsijiet ġodda għall-għalliema, partikolarment fit-Teknoloġija u fl-ICT.
Sadanittant qed jittieħdu deċiżjonijiet dwar twaqqif ta' struttura konnessi mat-twettiq tal-Kurrikulu Nazzjonali li 'l quddiem jistgħu jinfluwenzaw kwestjoni bħal dik imqanqla mill-Onor. Membru.
Jista' l-Ministru jgħid x'diskussjonijiet qed isiru ma' l-awtoritajiet ta' l-iskejjel tal-knisja dwar suġġetti ġodda li jridu jidħlu fil-kurrikulu fis-sena skolastika li jmiss?
Response (GALEA, LOUIS)
L-istrutturi li ser jieħdu ħsieb implimentazzjoni tal-Kurrikulu Nazzjonali jipprovdi għal konsultazzjoni fil-faċijiet kollha mas-setturi kollha ta' l-edukazzjoni, nklużi l-iskejjel tal-Knisja.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, ġiex maħtur konsulent tiegħu? Fil-każ li iva, f'liema parametri? X'xogħol għamel s'issa?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-persuna msemmija ma ġietx maħtura konsulent tiegħi.
B'riferenza għat-tweġiba li ngħatajt għal mistoqsija parlamentari nru. 23276, tista' tgħidli kemm hemm ħsieb li jinżammu mal-Malta University Sports Complex Ltd. mill-impjegati li bħalissa huma mal-pixxina nazzjonali?
Response (GALEA, LOUIS)
Kif diġa' weġibt fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 23276, il-ħsieb hu li l-Malta University Sports Complex Ltd tassimila kemm jista' jkun mill-ħaddiema li bħalissa huma impjegati mal-Pixxina Nazzjonali.
Fil-preżent mhux possibli li jingħata numru eżatt għaliex għadhom għaddejjin it-taħditiet.
Jista' l-Ministru jgħid x'permessi ħarġu fis-snin 1973 u 1974 għall-beach establishments? B'liema kundizzjonijiet ħarġu dawn il-permessi? Hemm min għalqilhom iż-żmien ta' dan il-permess? X'ġara fil-każ ta' dawk li għalqilhom il-permess? Tbiddlulhom il-kundizzjonijiet? Kif?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn l-1973 u l-1974 kien hemm tlett każijiet fejn id-Dipartiment ta` l-Artijiet kien ta permessi ta` beach establishment, kif muri hawn taħt:
Armier Bay Lido fil-bajja tal-Armier, l-Mellieħa mogħti b`ċens temporanju ta` 25 sena b`effett mit-8 ta` Marzu, 1974, b`ċens ta` Lm250.00 fis-sena. Dan iċ-ċens skada fis-7 ta` Marzu, 1999, u bħalissa mhux qed jiġi aċċettat ċens.
Ray`s Lido bil-bajja ta` Little Armier, l-Mellieħa mogħti b`ċens temporanju ta` 25 sena b`effett mis-17 ta` Mejju, 1974, b`ċens ta` Lm501.00 fis-sena. Dan iċ-ċens skada fis-16 ta` Mejju, 1999, u bħalissa mhux qed jiġi aċċettat ċens.
Costa del Sol Lido bil-bajja tal-Għadira, l-Mellieħa mogħti b`ċens temporanju ta` 25 sena b`effett mill-10 ta` April, 1974, b`ċens ta` Lm250.00 fis-sena. Dan iċ-ċens skada fid-9 ta` April, 1999, u bħalissa mhux qed jiġi aċċettat ċens.
It-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern bħalissa qed tfassal policy ġdida li, fost affarijiet oħra tkun tirregola każijiet ta` ċens li jkun skada, bħal fil-każ tal-beach establishments hawn fuq imsemmija. Hekk kif titlesta din il-policy u tingħata l-approvazzjoni meħtieġa, din tingħata l-pubbliċita` xierqa.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir mill-Ministeru biex jitjiebu r-relazzjonijiet bejn il-Junior College u l-Universita' u ma tibqax is-sitwazzjoni ta' upstairs u downstairs fejn tal-Junior College qed iħossu li huma stmati inqas mill-kollegi tagħhom fl-Universita' u jħossu ħafna anzjeta' u inċertezza dwar il-futur tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tagħrif li skambjajt ma' l-Onor. Membru fil-Parlament nhar il-Ġimgħa, 2 ta' Frar, 2001.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema skejjel primarji ta' Malta u Għawdex, it-tfal tal-ħames sena għadhom mhumiex jużaw il-kompjuters fil-klassi għax għal xi raġuni jew oħra l-apparat ma wasalx jew l-installazzjoni meħtieġa ma saritx?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li wara li d-Dipartiment tal-Kuntratti kellu diffikultajiet b'wieħed mill-kuntratturi mogħti l-appalt, l-istess Dipartiment, wara rakkomandazzjoni tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, assenja x-xogħlijiet relattivi lil kuntrattur ieħor li lesta x-xogħlijiet meħtieġa għajr id-'data network' fl-iskola tal-Fgura li sejrin jiġu segwiti fil-ġranet tal-Karnival biex ma joħolqux disturbi lill-iskola stess.
Issa il-MITTS Ltd qegħdin fil-proċess li jinstallaw il-Kompjuters f'dawn il-klassijiet u ġejna assigurati li sa tmiem il-ġimgħa li ġejja kollox ikun f'postu biex l-istudenti kollha tal-ħames sena jkunu jistgħu jagħmlu użu minnhom.
Ta' min jingħad li fl-istess proċess l-istallazzjoni tas-sitt sena se tkun kompluta biex b'hekk l-istudenti tas-sitt sena jkunu jistgħu jużaw il-Kompjuters fil-bidu tas-sena skolastika 2001-2002.
Jista' l-Ministru jgħid f'kull skola ta' Malta u Għawdex kemm kien hemm tfal li attendew skolasajf? F'kull skola kemm inġabru flus mit-tfal biex ikunu jistgħu jattendu?
X'sar mill-flus li nġabru minn kull skola għal skolasajf? Kien hemm xi każi fejn inġabru l-flus mit-tfal u nżamm minn min ġabarhom? X'passi ttieħdu jekk kien hemm każi bħal dawn?
Response (GALEA, LOUIS)
Jista' l-Onor. Membru jispeċifika liema sena qiegħed jirreferi?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li s-servizz telecare jiġi provdut lil persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament li kif spjegajt f'mistoqsija preċedenti għandha bżonn urġenti għax tgħix waħedha u hi marida? Meta se jiġi pprovdut dan is-servizz?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li t-Telecare Centre ma rċieva ebda applikazzjoni mingħand il-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant, għalhekk din il-persuna ser tiġi pprovduta b'formola ta' applikazzjoni biex tkun tista' tagħmel talba għas-servizz.
Jista' l-Ministru jgħid fejn wasal ix-xogħol fuq ir-riabilitazzjoni tal-bini ta' l-iskola primarja ta' Tas Sliema? X'xogħol mistenni jsir fis-snin 2001, 2002 u 2003, sena b'sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li skond il-pjan preżenti t-Taqsima tax-Xogħlijiet qiegħdha tħejji offerta għal xogħlijiet fl-iskola msemmija.
Fl-2001 hu mistenni li jsir xogħol ta' żarmar tat-taraġ ta' ġewwa u l-armar tiegħu mill-ġdid.
Fl-2002 jingħata bidu għar-ristrutturar tal-faċċata filwaqt li jinbdew ix-xogħlijiet ta' riabilitazzjoni fuq ġewwa li huma previsti li jintemmu sa' l-aħħar ta' l-2003.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti bla għalliema regolari tal-Franċiż fil-junior lyceum tal-Ħamrun (subien)? Meta se jkollhom l-għalliema meħtieġa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-Junior Lyceum tal-Ħamrun (subien) ma hemm ebda student li m'għandux għalliem regolari. Kien hemm perjodu fejn waħda mill-għalliema kienet fuq sick leave u l-lezzjonijiet tagħha ingħataw minn għalliema oħra. M'hemm ebda ħtieġa ta' aktar għalliema f'din l-iskola.
Jista' l-Ministru jara min fil-familja minn San Ġiljan - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - għadu sal-lum ma ħax l-Lm10 tal-ħobż li suppopst ħa?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant minn stħarriġ li għamel id-Dipartiment tat-Teżor, jirriżulta illi waħda minn dawn it-tliet min-nies tħalset flimkien ma persuna oħra permezz ta' ċekk li kien jammonta għal Lm20 u li ssarraf fit-8 ta' Frar 2000.
Fil-każ tal-kopja l-oħra d-Dipartiment hu nfurmat illi dawn il-persuni ma' rċevewx il-kumpens ta' Lm10 minħabba li l-Korporazzjoni tas-Servizzi ta' l-Ilma ma kelliehx informazzjoni korretta fuq liema persuni kienu qed jgħixu fl-indirizz indikat mill-Onorevoli Interepllant. Għaldaqstant ser jittieħdu l-passi neċessarji ħalli l-ħlas dovut lil dawn il-persuni jinħareġ fil-ġranet li ġejjin.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jkollhom għalliem regolari l-istudenti tal-klassi 6c ta' l-iskola primarja Dun Gorg Preca, Ħamrun? X'qed isir biex l-istudenti ma jkomplux jitilfu ħin prezzjuż biex jiġu edukati?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istudenti tal-klassi 6C ta' l-iskola primarja Dun Ġorġ Preca, Ħamrun, għandhom għalliema regolari li ilha magħhom mill-bidu tas-sena skolastika.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati f'kull qasam fl-Isptar Monte Carmeli? Matul is-sena 2000 kemm hemm minnhom li għamlu sahra? Kemm għamlu sahra f'ħin u fi ħlasijiet, wieħed wieħed? Min huma dawk li għamlu s-sahra?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni HAV78/99 quddiem l-awtorita' tad-djar, tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Awtorita' tad-Djar għaddiet lid-Direttur tal-Kuntratti t-tender documents ħalli ssir sejħa pubblika għall-offerti għall-installar tas-sistema tal-liftsfil-blokk indikat u fi blokki oħra.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-kunsilli lokali li għadhom ma bdewx jużaw lill-gwardjani lokali?
Kien hemm xi kunsilli li wara li għażlu li jużaw lill-gwardjani:
a) Ma komplewx bil-gwardjani?
b) Naqqsu il-ħinijiet tax-xogħol milli kienu qabel?
F'kull każ, jista' jgħid liema kienu dawn il-kunsilli?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-Kunsilli Lokali li ghadhom ma bdewx juzaw il-gwardjani lokali ghall-infurzar ta' certu ligijiet huma hamsa-
Birzebbuga, Floriana, Marsa, Mtarfa u Xghajra.
Kien il-Kunsill Lokali Dingli li fl-1 ta' Frar 2001 abdika mid-delega li nghatat fit-8 ta' Marzu 2000.
Rigward it-tnaqqis u anke z-zieda tal-hinijiet tal-gwardjani lokali, din is-sitwazzjoni tinbidel regolarment skond il-htigiet ta' kull Kunsill Lokali kif ukoll skond l-istagun. Peress li din id-decizjoni hija prerogattiva tal-Kunsill biss, dawn il-bidliet m'ghandhomx bzonn l-approvazzjoni tal-Ministeru jew tad-Dipartiment. Ghaldaqstant din l-istatistika ma tinzammx.