Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-għasses tal-pulizija li se ssir manutenzjoni fuqhom matul din is-sena?
X'xogħol se jsir? Kemm se jiswa? Ix-xogħol isir mill-pulizija jew jingħata lill-kuntrattur? Jekk jingħata lill-kuntrattur, jista' jgħid x'kienu jiswew il-kuntratti is-sena li għaddiet? Kemm ingħata din is-sena s'issa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bħalissa qiegħed isir survey ta` l-għasses kollha tal-Pulizija sabiex ikun magħruf eżatt x`xogħol huwa meħtieġ li jsir f`kull Għassa. Meta dan ikun lest ikun jista` jiġi ppjanat ix-xogħol li għandu jsir. Infurmat ukoll illi matul is-sena li għaddiet u din is-sena ma` sar ebda xogħol f`dan ir-rigward minn kuntratturi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqata' ġebel mill-barriera tal-Gvern f'ta' Robba matul is-sena 2000 u fl-ewwel sitt (6) ġimgħat tal-2001? Kemm minn dawn kienu għall-proġetti tal-Gvern?
Matul l-istess żmien inqata' xi ġebel għall-kuntratturi? Liema? Kemm tħallas għall-ġebel? kemm inqata? Dan tħallas kollu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li fil-perjodu msemmi fil-barriera tal-Gvern f'Tar-Robba nqata' dan il-ġebel:
Vażi 40
Ċangatura 1700
Blokki kbar 3020
Kantun 78485 (minn dawn madwar 6050 ma kienx kantun sħiħ)
Il-ġebel kollu li ħareġ mill-barriera mar għall-proġetti tal-Gvern.
L-unika żewġ ġebliet kbar (rejects) li ma marrux għall-proġetti tal-Gvern ingħataw bi ħlas ta' Lm10., lis-Segretarju tal-Każin tal-Banda Santa Katerina taż-Żurrieq.
Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2000 u 2001, kemm ir-rapport sar lill-għassa tal-Pulizija tal-Qawra mill-ġirien ta' l-istabbiliment Puschka / Pescatore minħabba storbju waqt discos illegali kull nhar ta' Ħadd filgħaxija sa kmieni filgħodu t-Tnejn? X'passi ttieħdu mill-pulizija? Fl-istess għassa kemm saru rapporti minn ġirien dwar storbju, ħmieġ u vandaliżmu li jagħmlu persuni li jkunu f'dan l-istabbiliment u joħorġu fis-1.30am wara li jattendu discos illegali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mir-records disponibbli jirriżulta li matul is-sena 2000, il-Pulizija kellha 16-il rapport li jikkonċerna lill-istabbiliment imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, filwaqt li matul din is-sena kien hemm 2 rapporti. Dawn ir-rapporti kollha kienu prinċipalment dwar daqq ta` mużika b`volum għoli wara l-11.00pm u inkonvenjent lill-ġirien. Infurmat ukoll illi dawn ir-rapporti kollha ġew investigati mill-Pulizija u meta rriżulta li kien hemm ksur ta` liġi, ittieħdu passi kemm kontra s-sid kif ukoll kontra d-disc jockey. Barra minn hekk, ninsab infurmat ukoll illi l-Pulizija qegħdha tagħmel spezzjonijiet f`dan l-istabbiliment regolarment u mhux biss meta jkun hemm xi rapporti.
Jista' l-Ministru jgħid matul din is-sena skolastika f'liema skejjel ta' Malta u Għawdex saru laqgħat għat-tfal dwar l-Unjoni Ewropea?
Min indirizza lit-tfal f'dawn il-laqgħat? X'materjal ingħatalhom? X'attivitajiet oħra dwar l-Unjoni Ewropea ġew organizzati fl-iskejjel matul is-sena skolastika s'issa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul is-sena skolastika preżenti saru laqgħat dwar l-Unjoni Ewropea f'dawn l-iskejjel:
St Theresa Junior Lyceum (Mrieħel)
Lily of the Valley Girls Secondary School (Mosta)
Vincenzo Bugeja Boys Secondary School (B'Kara)
Sir Michael Refalo Post Secondary School (Victoria - Gozo)
Gan Frangisk Agius De Soldanis Girls Junior Lyceum (Victoria - Gozo)
Ninu Cremona Boys Secondary School (Victoria - Gozo)
Convent of the Sacred Heart (St Julians)
Guze Galea Boys Secondary School (Qormi)
St Martin's College (Swatar)
De La Salle College And Sixth Form (Cospicua)
St Aloysius Sixth Form (B'Kara)
Carlo Diacono Girls Junior Lyceum (Zejtun)
Maria Regina Girls Junior Lyceum (B'Bajda)
Sir Adrian Dingli Girls Junior Lyceum (St Patricks)
Paolino Vassallo Upper Lyceum (Paola)
Sant Klara Primary School (Zabbar)
Tumas Dingli Primary School (Attard)
San Anton School (Żebbiegħ)
Stella Maris School (Balzan)
St Michael's School (San Ġwann)
Spiżjar Ġużeppi Agius Primary School (Paola)
Anthony Valletta Primary School (B'Kara)
San Andrea School (Żebbiegħ)
Dawn il-laqgħat saru f'dawn l-iskejjel wara li l-Malta-EU Information Centre offra lill-iskejjel kollha (a) li jieħdu roving exhibition u (b) jsiru laqgħat speċifiċi jakkumpanjaw ir-roving exhibition.
Il-laqgħat kollha ġew indirizzati minn uffiċjali tal-Malta-EU Information Centre.
Waqt dawn il-laqgħat tqassmu pubblikazzjonijiet tal-Kummisssjoni Ewropea skond is-suġġett: ambjent u edukazzjoni u materjal ġenerali dwar l-UE, kif ukoll il-publikazzjonijiet taċ-Ċentru dwar il-programmi ta' Socrates u Leonardo. (Ingħata wkoll is-Small Business Charter fil-każ ta' studenti tal-Business Studies f'Paolino Vassallo).
Barra dawn il-laqgħat, numru sostanzjali ta' skejjel Maltin qed jieħdu sehem fil-programm Comenius. Nieħu pjaċir ninnota li r-rispons ta' l-iskejjel għal dan il-programm kien tajjeb. L-iskejjel Maltin qed jieħdu sehem fi proġetti li jkunu mistednin fihom minn skejjel Ewropej.
Jista' l-Ministru jgħid xi pjani hemm biex dawk l-inħawi fin-Naxxar li għadhom jużaw il-fosos fl-aħħar jiġu wkoll imqabbda mas-sistema tad-drenaġġ?
Kemm għad fadal djar fin-Naxxar li għadhom bis-sistema tal-fosos?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li fil-futur qarib, ser isir it-taħfir għad-drenaġġ f'dawn l-inħawi fin-Naxxar:
Gravity and rising main at Birguma
Sewer extension works at Triq il-Lanġas
Sewer repair works at Skippon Street
Sewer works at Triq Daħlet il-Ġibjun
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'attivitajiet organizza s'issa fil-ħidma diplomatika tiegħu mindu nħatar l-ambaxxatur residenti fi New York fl-1999 u fis-sena 2000?
Response (BORG, JOE)
Ix-xogħol relatat man-Nazzjonijiet Uniti huwa wieħed vast ħafna u allura mhux faċli li jissemmew l-attivitajiet kollha li seħħew mindu nħatar l-ambaxxatur residenti fi New York fl-1999 u fis-sena 2000.
L-attivitajiet l-aktar importanti jinkludu fost oħrajn parteċipazzjoni attiva kemm fil-Kumitati Prinċipali ta' l-Organiżżazzjoni kif ukoll f'dawk il-gruppi jew kumitati politiċi u ekonomiċi li Malta tagħmel parti minnhom.
Naturalment il-parteċipazzjoni fis-sessjonijiet ta' l-Assemblea Ġenerali kull sena jkunu l-qofol tax-xogħol peress li barra x-xogħol tal-kumitati jkunu jridu jsiru l-arranġamenti neċessarji għall-viżita tal-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin li fost oħrajn tkun tinkludi numru ta' laqgħat bilaterali ma' diversi Ministri ta' l-Affarijiet Barranin minn pajjiżi differenti.
Is-sena 2000 kienet is-sena li fiha nżamm is-Summit li għalih attendew aktar minn 160 Kap ta' Stat u Gvern fosthom delegazzjoni Maltija mmexxija mill-Prim Ministru Malti li ħa sehem attiv fl-attivitajiet li ġew organiżżati. Ukoll fis-sena 2000 delegazzjoni Maltija mmexxija mill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati u li kienet tinkludi membri miż-żewġ naħat tal-Kamra attendiet għal-Konferenza organiżżata mill-IPU u li għaliha attendew numru kbir ta' Parlamentari mmexxija mill-Ispeakers rispettivi tagħhom. Wieħed jifhem l-organiżżazzjoni li tali laqgħat u konferenzi jirrikjedu u li d-delegazzjoni Maltija fi New York ipparteċipat attivament fl-organiżżazzjoni tagħhom.
L-Ambaxxatur Malti bħala Rapporteur u allura membru tal-Bureau tal-Kumitat dwar l-eżerċitar tad-drittijiet inaljenabbli tal-Poplu Palestinjan ipparteċipa attivament fl-organiżżazzjoni ta' seminars u laqgħat li nżammu f'diversi pajjiżi barranin.
Fil-kamp tal-kandidaturi r-riżultat ottenut fl-aħħar sena u nofs kien wieħed pożittiv ħafna. Fl-1999 Malta ġiet eletta membru fil-Kunsill ta' l-IMO għal sentejn li jagħlqu fl-aħħar ta' din is-sena. Malta ġiet eletta membru għal erba' snin oħra fuq il-Kunsill tal-Awtorita ta' Qiegħ il-Baħar. Fl-aħħar sessjoni ta' l-Assemblea Ġenerali, Malta ġiet eletta Viċi President tar-Raba Kumitat. Wara elezzjoni kompetittiva ħafna, Malta fl-2000 ġiet eletta fuq il-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem bil-kandidatura ta' l-Imħallef Patrick Vella. Matul is-sena 2000 Malta otteniet numru sostanzjali ta' voti li kkonfermaw l-elezzjoni tagħna għal sentejn fuq l-ECOSOC. Barra dawn ir-riżultati miksuba bejn l-1999 u l-2000 irid jingħad li bħalissa d-delegazzjoni Maltija għaddejja b'kampannji elettorali oħra biex tiġi assikurata iżjed parteċipazzjoni fl-organi prinċipali ta' l-Organiżżazzjoni.
Irid jingħad ukoll li proprju dan ix-xahar inżamm f'Malta eżami għal kandidati gradwati Maltin biex jimlew vakanzi fis-Segretarjat tan-Nazzjonijiet Uniti. Eżami li jagħti opportunita oħra lill-gradwati Maltin fl-isfera nternazzjonali u fl-istess ħin iżjed rappreżentanza lill-Malta fis-Segretarjat tan-Nazzjonijiet Uniti. Dan kien proġett koordinat bejn id-delegazzjoni Maltija fi New York u l-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin.
Id-delegazzjoni Maltija mmexxija mill-Ambaxxatur barra li perjodikament torganiżża attivitajiet li fihom tinkludi rappreżentanza tal-Komunita Maltija fi New York, regolarment iżżomm kuntatt ma' l-istess komunita biex tassigura li tingħata l-aħjar assistenza u servizz lill-istess komunita.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li ma jkomplix ix-xogħol li hemm bżonn fuq ir-rijabilitazzjoni tal-bini ta' l-iskola primarja ta' Tas-Sliema?
Hemm xi ħsieb li l-Gvern se jibni skola ġdida f'Pembroke, li barra li sservi għat-tfal tal-post isservi għat-tfal Slimiżi?
Sakemm tinbena din l-iskola l-ġdida, x'se jsir mill-iskola primarja ta' Tas-Sliema biex tkun bini diċenti għal min imur fiha?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni qatt ma kellha l-ħsieb li ma jkomplix ix-xogħol li hemm bżonn fuq ir-riabilitazzjoni tal-bini ta' l-iskola primarja ta' tas-Sliema. Tant li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni għadha kif ippubblikat sejħa għall-offerti biex jinħatt u jinbena mill-ġdid it-taraġ ta' ġewwa ta' l-iskola, liema offerta għalqet il-Ġimgħa 16 ta' Frar 2001. Sadanittant qiegħda titħejja offerta għar-restawr tal-faċċata, liema offerta mistennija tiġi ppublikata aktar tard din is-sena sabiex jingħata bidu għax-xogħolijiet tagħha la darba t-tfal mill-iskola primarja jkunu tasferiti fl-iskola sekondarja li fuqha wkoll għaddejjin xogħolijiet fuq il-faċċata. Offerti oħra għal xogħolijiet f'din l-iskola li qegħdin jitħejjew huma għal xogħolijiet ta' servizzi u ta' finitura, liema offerti sejrin jiġu ppublikati aktar tard din is-sena u x-xogħolijiet tagħhom jingħataw bidu fiż-żmien meta l-iskola tkun battala.
Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni nhar is-27 ta' Ġunju 2000 issottomettiet applikazzjoni għat-tkabbir u modifikazzjonijiet ta' l-iskola primarja ta' Pembroke liema applikazzjoni ġġib in-numru ta' PA 3453/00. L-Awtorita' ta' l-Ippjanar bagħtet diversi osservazzjonijiet lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni f'rapport partikulari biex tissottolineja rimarki dwar l-iżvilupp propost li jsir. Dawn ir-rimarki qed jiġu konsidrati mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u l-konsulenti tagħha sabiex ikunu jistgħu jingħataw ir-reazzjonijiet meħtieġa. Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ħejjiet ukoll offerta għal xogħolijiet ta' ġebel u konkos f'din l-iskola f'konformita' ma' l-applikazzjoni sottomessa, iżda din l-oferta ma tistax titmexxa għall-pubblikazzjoni qabel ma jkunu riżolti d-diffikultajiet imqajjma mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar.
Qatt ma kien il-ħsieb tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni li tuża l-iskola primarja f'Pembroke għat tfal ta' tas-Sliema.
Jista' l-Ministru jgħid x'faċilita' hemm bżonn biex il-kulleġġ tal-biedja jista' jkun f'pożizzjoni biex jilqa' l-offerta li saritlu ta' ħames majjali biex l-istudenti jkollhom esperjenza hands on fit-trobbija tal-majjali?
Xi sforzi saru biex tinkiseb din il-faċilita'? Xi sforzi saru biex ikun hemm bniedem li jista' jieħu ħsieb dawn il-majjali?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li f'dan l-istadju ta' tibdil mistenni f'dan il-qasam l-ispiża biex jinbena post biex jitrabbew il-majjali u biex jiġi mpjegat bniedem li jieħu ħsiebhom, hi kbira wisq jekk tikkunsidra l-għadd ta' studenti li hemm fl-iskola.
Minbarra dan, l-istudenti fil-Kulleġġ ta' l-Agrikoltura jiffurmaw parti mill-iskema ta' l-Apprendistat Tekniku.
Skond din l-iskema, l-istudenti jitħarrġu fl-intrapriża li tkun laqgħathom bħala apprendisti.
Jista' l-Ministru jgħid x'faċilitajiet jeżistu fil-Kulleġġ tal-Biedja fid-diversi oqsma ta' studju u taħriġ li joffri biex ikun f'pożizzjoni jħejji l-istudenti għall-biedja f'pajjiżna fis-seklu 21?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-Kulleġġ qiegħed fl-Għammieri, għaldaqstant għandu l-faċilita' li jagħmel użu mill-farm sperimentali tal-Gvern. Id-Dipartiment ta' l-Agrikoltura għandu faċilitajiet moderni f'ħafna oqsma (għall-baqar, mogħoz, nagħaġ, fniek, tjur, serer, raba, ġonna tal-frott, unit tal-micropropagation, mixtla u ġonna oħra eċċ,) li kollha huma miftuħa għall-istudenti biex jitħarrġu. Barra l-Gvern, ħafna intrapriżi privati joffru l-post tagħhom għall-istudenti tal-Kulleġġ biex jistħarrġu. Sadanittant qed nieħdu ħsieb biex dan it-tagħlim u taħriġ jitjieb bit-twaqqif ta' l-Istitut ta' l-Agri Kummerċ fi ħdan il-K.M.A.X.T.
Jista' l-Prim Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li l-MPO jagħti r-ruling li ntalab jagħti mid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni dwar il-każ ta' persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament biex jiġi stabbilit ir-ranking tagħha fis-seniority?
Fuq liema kriterji se jkun stabbilit l-anzjanita' tagħha?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi għadha għaddejja korrispondenza bejn il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku u l-“Management & Personnel Office” dwar il-ħatra tal-persuna msemmija u kif għandha tidher fis-“seniority list”. Huwa ittamat li tintlaħaq deċiżjoni fi żmien qasir.
Jistgħu l-eżamijiet fil-metrology maths u physics fl-iskola marittima jsiru fi Frar għax jekk se jsiru f'Marzu/April se jintlaqtu ħażin l-istudenti, jikkaġunalhom tbatija u ttellifhom anki fil-karrieri tagħhom?
X'qed iżomm lill-iskola biex tagħmel l-eżamijiet fi Frar?
Response (GALEA, LOUIS)
S' issa lhaqt gejt informat li l-ezamijiet fil-Metrology, Maths u Physics isiru mill-Awtorita Marittima u li l- awtorita ser taghmel mill-ahjar sabiex taghmel l-ezamijiet fl-iqsar zmien possibbli.
Jista' l-Ministru jgħid s'issa kemm ġew reklutati persuni għat-Tax Compliance Unit:
1) minn fost l-impjegati tas-servizz pubbliku
2) minn barra s-servizz pubbliku
Kemm jonqos li jiġu reklutati? Kif se jiġu reklutati? Meta se jibda jaħdem? Dawk li ġew reklutati s'issa, x'xogħol qed jagħmlu?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta' staff reklutati mat-Tax Compliance Unit s'issa huwa kif jidher hawn taħt:
Pożizzjoni Numru Rep. ta' Impjieg
Kap tat-TCU 1 Mis-Servizz Pubbliku
Accountants 10 Kuntratt ta' 3 snin renovabbli
Trainee Accountants 4 Kuntratt ta' 3 snin renovabbli
Segretarja 1 Kuntratt ta' 3 snin renovabbli
Skrivan 1 Mis-Servizz Pubbliku
Driver/General hand 1 Mis-Servizz Pubbliku
Jonqos li jiġu reklutati xi tmintax il-impjegat ieħor, fil-maggoranza professinal officers. Ir-reklutaġġ ser isir minn sejħa għal applikazzjonijiet taħt ir-regolamenti tal-PSC.
Bħalissa t-Tax Compliance Unit qed tagħmel xogħol ta' benchmarking fuq setturi ekonomiċi.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jsir arranġament biex il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament li tinsab fis-siġġu tar-roti u tgħix biss bil-benefiċċji soċjali tħallas il-kera lid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali f'pagamenti ta' mhux iżjed minn Lm5 fix-xahar għax hi żgur ma tiflaħx tħallas iżjed minn hekk?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali diġa' għamel l-arranġamenti meħtieġa biex l-ammont li għandha tagħti l-persuna minnu ndikata jitħallas bin-nifs.
Jista' l-Ministru jgħid instabx min jgħallem il-matematika lill-klassijiet fl-iskola Aguis de Soldanis ta' Għawdex li sfaw bla għalliema għax ħarġet bil-maternity leave kif intqal fi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari nru. 23281?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-vakanza ta' għalliema tal-Matematika fil-klassijiet ta' l-iskola Agius De Soldanis, ta' Victoria Għawdex, imtliet minn għalliema oħra minn nhar it-Tnejn 5 ta' Frar 2001.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk humiex intitolati jaħdmu għas-sussidju l-anzjani li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament biex isewwu s-saqaf perikoluż tad-dar ċkejkna tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-familja ndikat mill-Onor. Interpellant tista' tibbenefika mill-Iskema li tipprovdi għal għajnuna biex isir xogħol ta' tiswijiet fid-dar, kemm jekk din hi proprjeta' tagħha kemm jekk hi mikrija mill-privat jew il-Gvern, kemm il-darba tissodisfa dawn il-kriterji prinċipali:
1. Id-dħul annwali skond in-numru tal-membri tal-familja ma jeċċedix Lm5,000 u/jew;
2. ma għandiex assi li jeċċedu s-somma ta' Lm12,000 u/jew;
3. ma għandiex fil-pussess tagħha fond ieħor ta' residenza adekwata għaliha.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 22921, jista' l-Ministru jgħid liema kienu l-iskejjel tal-knisja u dawk indipendenti li attendew il-laqgħat dwar il-guidance / PSS teachers ?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-iskejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti li attendew għal laqgħa dwar is-sena Ewropea tal-Lingwi kienu dawn:
Skejjel tal-Knisja
De La Salle College Cottonera.
St. Joseph School Blata l-Bajda
Immaculate Conception Sch. 51, Tarxien Rd, Tarxien.
St. Albert the Great College, Old Bakery Str, Valletta.
St. Paul's Missionary, St. Agatha Hse. Bajada Str, Rabat.
St. Dorothy's School, Żebbuġ Rd, Żebbu;ġ.
St. Elia's College, St. Venera Sqr, Sta. Venera.
St. Michael School, Cannon Rd, Qormi.
Stella Maris College, Gżira.
St. Joseph School, Sliema.
Our Lady Immaculate School, Ħamrun.
Sacred Heart, Convent School, St. Julians.
St. Elizabeth (St. Francis) Sliema.
St. Augustine College, Pieta'.
Skola Indipendenti
St. Michael Foundation, Alamein Rd. Pembroke.
Ingibditli l-attenzjoni illi f'risposta parlamentari numru 22921, bi żvista in-numru ta' skejjel tal-Knisja kien ġie ittajpjat bħala 16 minflok 14 kif fil-fatt jidher mill-lista.
Seduta Numru 500
20.02.2001
Matul is-sena skolastika s'issa, jista' l-Ministru jgħid x'kien l-ammont ta' flus li l-Gvern għadda lill-knisja għall-iskejjel tagħha?
Kemm se timporta lill-gvern iż-żieda fil-pagi ta' l-għalliema fl-iskejjel tal-knisja matul din is-sena finanzjarja?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul is-sena skolastika s'issa, l-ammont ta' flus li l-Gvern għadda lill-Knisja għall-iskejjel tagħha jammonta għal Lm6,360,000.
Matul din is-sena finanzjarja, iż-żieda fil-pagi ta' l-għalliema fl-iskejjel tal-Knisja se timporta lill-Gvern bejn wieħed u ieħor l-ammont ta' Lm1,108,212.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqija parlamenti nru. 22916 dwar vapuri taħt il-bandiera meħtieġa miżmuma f'portijiet barranin?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li huwa ferm diffiċli għal kull Amministrazzjoni li tkun taf kemm mill-bastimenti reġistrati magħha li jbaħħru ma kull parti tad-dinja huma suġġetti għal xi detenzjoni li din tista' tkun għal diversi raġunijiet ukoll kummerċjali. Irrid ngħid madanakollu, illi matul ix-xahar ta' Jannar, skond l-informazzjoni li għandha l-Awtorita' Marittima ta' Malta, ġew detenuti 22 bastiment Malti f'portijiet madwar id-dinja taħt is-sistema tal-Port State Control.
Dan in-numru hu differenti minn dak li ngħata fil-PQ: 23258 għaliex l-informazzjoni tkompli dieħla minn diversi portijiet sa żmien wara li jseħħu d-detenzjonijiet.
Peress li skond it-tweġiba li tani l-Ministru ta' l-Intern (ara mistoqsija parlamentari nru. 23181)kien id-dipartiment tas-saħħa li talab li jkun hemm żewġ drinking water fountains aċċessibli għall-pubbliku fid-diskoteki, jista' l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet minn uffiċjali tas-saħħa biex ikun żgurat li dawn ikunu qed jiffunzjonaw u dan għall-2000 u s'issa matul din is-sena?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Peress li liċenzji jinħarġu mill-pulizija mingħajr l-involviment tad-Dipartiment tas-Saħħa, id-Dipartiment tas-Saħħa ma jagħmel l-ebda spezzjonijiet f'dan ir-rigward.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu mill-pulizija dwar id-disturb regolari li qed isofru il-ġirien tar-ristorant it-Terrazza fi Spinola Road f'San Ġiljan li jibqa' bil-ħsejjes ta' xogħol sas-sigħat bikrin ta' filgħodu bl-iskariġġ ta' kaxxi u ħruġ ta' basktijiet ta' skart?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija qatt ma rċeviet ilmenti dwar dan l-allegat inkonvenjent. Għaddejt l-ilment sollevat mill-Onor. Interpellant lill-Awtoritajiet tal-Pulizija.