Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #23714 Sitting 506 2001-03-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Dipartiment tal-Farmaċija — Kamra ta' l-Ispiżjara

Question

B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari nru. 22805, jikkonferma l-kap tad-dipartiment tal-farmaċija li ma saret l-ebda taħdida formali mal-Kamra ta' l-Ispiżjara tul is-sena akkademika 1999-2000? Jikkonferma l-kap tal-dipartiment tal-farmaċija li m'għandu l-ebda dokumentazzjoni li jevidenza l-laqgħat informali u kordjali li saru mal-Kamra ta' l-Ispizjara fis-sena akkademika 1999-2000? Fl-opinjoni tal-kap tad-dipartiment tal-farmaċija x'inhu r-rwol tal-Kamra ta' l-Ispiżjara? Jikkonferma l-kap tad-dipartiment tal-farmaċija jekk din is-sena akkademika 1999-2000 ġewx diskussi jew deċiżi l-estenzjoni tal-kors tal-farmaċija għall-ħames snin u l-bidla tat-titlu tal-kors tal-farmaċija minn B.Pharm għall-M.Pharm? Fl-opinjoni tal-kap tad-dipartiment tal-farmaċija dawn it-tibdiliet jagħmlu impatt fuq min diġa' jippratika jew jirripreżenta l-professjoni? Għaliex l-Kamra ta' l-Ispiżjara ma ġietx ikkonsulata formalment fuq dawn il-bidliet? Jista' jispjega l-kap tad-dipartiment tal-farmaċija kif l-Kamra ta' l-Ispiżjara tista' toħroġ b'rakkomandazzjonijiet pożittivi u tanġibbli jekk ma ġietx ikkonsultata formalment?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 23713.
Leg 9 PQ #23717 Sitting 506 2001-03-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita — Dipartiment tal-Farmaċija

Question

B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari nru. 22794, x'mekkaniżmi interni u esterni qed juża d-dipartiment tal-farmaċija biex jara li l-istudenti li jattendu l-kors tal-farmaċija qed jilħqu l-istess livell akkademiku u prattiku milħuq f'pajjiżi Ewropej u l-Istati Uniti? Jikkonferma li dan il-livell huwa l-istess livell milħuq f'pajjiżi Ewropej u fl-Istati Uniti? Il-kap tad-dipartiment tal-farmaċija jiżgura li kors tal-farmaċija lokali jilħaq id-direttivi u rakkomandazzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea fuq il-korsijiet tal-farmaċija? X'jgħidu dawn l-istess direttivi?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 23713.
Leg 9 PQ #23718 Sitting 506 2001-03-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Dipartiment tal-Farmaċija

Question

B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari nru. 22802, jista' l-kap tad-dipartiment tal-farmaċija jiddeskrivi dawn l-affarijiet fuq il-korsijiet tal-farmaċija fir-Renju Unit: id-dewmien ta' dan il-kors tal-farmaċija, x'iridu jagħmlu l-istudenti biex jingħataw warrant u għaliex inbidel t-titlu tal-kors tal-farmaċija? Il-kap tad-dipartiment tal-farmaċija qatt ressaq rakkomandazjonijiet ta' natura akkademika jew prattika fil-farmaċija quddiem l-organi jew l-persuni kompetenti universitarji u kien respint? Ir-rakkomandazzjonijiet li tressqu mill-fakulta' quddiem is-senat dwar it-tibdil tat-titlu fil-kors tal-farmaċija jaqgħu taħt dan? Fuq liema bażi qatt seħħ respint? Fl-opinjoni tiegħu, il-kap tad-dipartiment tal-farmaċija x'jirripreżenta f'għajnejn l-Universita'

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 23713.
Leg 9 PQ #23756 Sitting 506 2001-03-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Trobbija tat-Tiġieġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-irziezet li għandhom il-permessi meħtieġa mill-Awtorita' tas-Saħħa biex irabbu t-tiġieġ? Ta' min huma dawn l-irziezet u fejn jinsabu?

Response (DEGUARA, LOUIS)

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 23756, nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Saħħa ma toħroġ l-ebda permessi dwar trobbija tat-tiġieġ. Tali permessi joħorġu mill-Pulizija u d-Dipartiment ta' l-Agrikoltura u Sajd. Għaldaqstant nissuġġerixxi li tali mistoqsija għandha tiġi referuta lill-Ministri kkonċernati.
Leg 9 PQ #23757 Sitting 506 2001-03-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Trobbija tat-tiġieġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn irziezet li għandhom il-permessi meħtieġa tal-pulizija biex irabbu t-tiġieġ? Liema huma dawn l-irziezet, x'jisimhom, fejn huma u ta' min huma?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #23687 Sitting 505 2001-02-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Katakombi Paleo-Kristjan

Question

Jista' l-Ministru jgħid jistgħux jittieħdu passi biex jiġi mħares il-katakombi paleo-kristjan fl-inħawi tar-Ragħad fl-Imġarr ta' Malta għax qed jiġi vandalizzat u meqrud?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Dipartiment tal-Mużewijiet qed jinvestiga l-każ, biex jieħu miżuri adekwati għall-ħarsien tas-sit.
Leg 9 PQ #23688 Sitting 505 2001-02-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Wirt Storiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk is-siti pre-istoriċi u storiċi li huma meqjusa ta' valur fil-wirt storiku tagħna u li jinsabu fil-Imġarr ta' Malta u fl-inħawi tiegħu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li hemm bosta siti ta' importanza arkejoloġika fl-inħawi ta' l-Imġarr. Ħafna minn dawn jaqgħu fl-Arja ta' Importanza Arkejoloġika kif definita mill-Awtorita` ta' l-Ippjanar, u huma wkoll protetti skond il-liġi (Antiquities Protection Act). Dawn jinkludu: - it-tempji preistorċi ta' skorba u Ta' Ħaġrat - oqbra u barrieri antiki fl-inħawi ta' Skorba - barrieri u oqbra antiki kif ukoll xi raddi fl-inħawi taż-Żebbieħ - oqbra paleo-Kristjani f'Tar-Ragħad - għerien, ġiebja u barrieri antiki f'Tar-Ragħad - pjazzament tar-radar u searchlights tat-Tieni Gwerra ħdejn l-Iskorba. Hemm ukoll il-fdalijiet tal-banjijiet Rumani, fl-inħawi ta' Għajn Tuffieħa.
Leg 9 PQ #23689 Sitting 505 2001-02-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Malta Union of Teachers

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li se tagħlaq l-iskola Santa Marija ta' l-Imsida? X'inhuma r-raġunijiet li se tingħalaq? X'se jiġri mill-istudenti li jmorru f'din l-iskola? Saru konsultazzjonijiet mal-Malta Union of Teachers dwar dan il-pass? Saru konsultazzjonijiet mal-ġenituri dwar dan il-pass?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-Imsida maħsub jitwaqqaf Ċentru Nazzjonali dwar l-Inklużjoni u Edukazzjoni Speċjali. Kien ilu jinħass il-bżonn li jitwaqqaf Ċentru ta' dan it-tip. Hu maħsub li f'dan il-post ikun hemm faċilitajiet għal taħriġ għal persuni li jaħdmu f'dan is-settur, ċentru ta' riżorsi, u uffiċini għall-uffiċjali kollha impjegati f'dan il-qasam. Qed tiġi investigata l-possibbilta` li l-ftit studenti li baqa' fl-Iskola Santa Marija, jibdew jattendu l-Iskola Guardian Angel il-Ħamrun jew l-Iskola Dun Manuel Attard il-Wardija jew l-iskejjel mainstream skond il-potenzjal li għandhom. Informat ukoll li qegħdin jittieħdu l-passi kollha neċessarji u qed isiru diskussjonijiet ma' dawk kollha involuti, inkluż l-M.U.T. u l-ġenituri dwar dan l-iżvilupp.
Leg 9 PQ #23690 Sitting 505 2001-02-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Pixxina Nazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-persuna li d-dettalji qed jintbagħtu separatament ġie impjegat bħala messaġġier/driver mal-pixxina nazzjonali? Kif ġie reklutat? Kif ġie reklamat dan il-post? Fejn ġie reklamat? Meta ġie impjegat? Kemm kien hemm persuni oħrajn li applikaw u ġew ikkunsidrati għall-istess post?

Response (GALEA, LOUIS)

Ġejt informat li l-persuna konċernata ġiet impjegata bħala part time messenger/driver mal-Pixxina Nazzjonali b'effett mit-12 ta' Frar 2001 wara li nkiseb il-permess meħtieġ tal-Korporazzjoni għall-Impjiegi u Taħriġ.
Leg 9 PQ #23691 Sitting 505 2001-02-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'hiex se tkun tikkonsisti l-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi? X'se jkun ix-xogħol tagħha? Kif se tkun iffinanzjata? X'konsultazzjoni saret mal-Malta Union of Teachers dwar it-twaqqif ta' din il-fondazzjoni? Minn min hi ffurmata din il-fondazzjoni? Xi ħlasijiet se jieħdu dawk li jiffurmawha?

Response (GALEA, LOUIS)

Kif diġa' kelli l-okkażjoni nitkellem f'xi Seduti reċenti tal-Parlament, il-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi qed titwaqqaf bil-għan li tmexxi, b'komplimentarjeta` mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, programmi li jappoġġjaw tfal li għal diversi fatturi qegħdin f'riskju li jaqgħu lura fl-iskola, kif ukoll lill-ġenituri tagħhom. Il-Fondazzjoni qed titwaqqaf permezz ta' att pubbliku notarili u ser ikollha l-Istatut tagħha. Fi żmien qasir inpoġġi kopji tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra. L-MUT tinżamm informata u tiġi konsultata fuq bażi regolari. Il-membri ta' l-ewwel Bord tal-Fondazzjoni jinħatru hekk kif il-Fondazzjoni titwaqqaf. S'issa m'hix deċiża ir-remunerazzjoni għal dawk jiffurmaw il-Bord
Leg 9 PQ #23712 Sitting 505 2001-02-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita ta' Malta — Postijiet Akkademiċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jistax r-rettur ta' l-Universita' jispjega l-proċedura kif toħroġ talba għall-postijiet akkademiċi ġodda fl-Universita' ta' Malta? Fuq liema bażi tiġi aċċetta l-bżonn għal post akkademiku ġdid? X'records obbligat li żżomm kap tad-dipartiment? X'kumitati u bordijiet huwa obbligat li jwaqqaf u mmexxi kap ta' dipartiment? Xi dmirijiet u responsabiltajiet għandu kap ta' dipartiment? Jekk jeżisti xi deskrizzjoni ta' dawn, kif jiġu żgurati li dawn qed isseħħu? Jista' r-rettur jagħti medja ta' staff mhux akkademiku għal kull dipartiment? X'medja hemm ta' staff klerikali u ta' staff tekniku f'kull dipartiment? Jista' r-rettur jispjega jekk l-Universita' tippreferiex staff akkademiku full-time jew part-time?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li qabel ma toħroġ sejħa ġdida għall-applikazzjonijiet għal post akkademiku, il-Kap tad-Dipartiment (wara konsultazzjoni mad-Dekan), jew id-direttur ta' Istitut/Ċentru (wara konsultazzjoni maċ-Chairman) jikteb lir-Rettur fejn jagħti r-raġunijiet tal-ħtieġa biex jimtela' l-post ġdid jew li ġie vakat. Qabel iżda, jiġi żgurat li dak il-post mitlub hemm vakanza għalih u li hemm provista finanzjarja fl-Estimi approvati għal dik is-sena partikolari. Il-ħtieġa tal-post tiġi stabbilita kemm fuq ir-relevanza tas-suġġett innifsu, in-numru ta' studenti li qed jattendu f'dak is-suġġett partikolari, kif ukoll in-numru ta' staff eżistenti f'dak is-suġġett. Wara li r-Rettur jagħti l-approvazzjoni tiegħu, tiġi ppublikata s-sejħa għall-applikazzjoni fil-gazzetti lokali. Kull Kap ta' Dipartiment huwa mistenni li jżomm record tax-xogħol li jagħmel kull membru akkademiku fid-dipartiment tiegħu kif ukoll records tal-korsijeit li jkunu qed isiru għall-istudenti f'dak id-dipartiment. Kull Kap ta' Dipartiment hu mistenni li jlaqqa' l-membri ta' l-istaff tiegħu biex jiddiskuti programmi akkademiċi, sillabi, l-organizzazzjoni u d-distribuzzjoni tax-xogħol akkademiku u r-riċerka fid-dipartiment. Id-dmirijiet u r-responsabilitajiet ta' Kap ta' Dipartiment huma mniżżla fil-Collective Agreement bejn l-Universita` u l-MUT. Il-medja ta' l-istaff fil-fakultajiet u l-istituti huwa dan li ġej: Staff Mhux Akkademiku 11.42 Staff Klerikali 5.85 Staff Tekniku 2.76 L-Universita` tippreferi f'linja ġenerali, li l-istaff ikun full-time. Iżda hemm dixxiplini, per eżempju mediċina, fejn jagħmel iżjed sens li tappunta part-timers li jkunu fl-istess ħin konsulenti fl-ispeċjalita` tagħhom fl-isptar.
Leg 9 PQ #23681 Sitting 504 2001-02-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Ambaxxaturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-ambaxxaturi li nħatru fl-1999, fis-sena 2000 - 2001, kemm ġew ivvettjati biex isiru magħrufa jekk humiex membri f'loġoġ massoniċi? Kemm kien hemm persuni li ma ġewx maħtura ambaxxaturi għax instab li huma massoniċi fil-linja ta' dak li kien iddeċieda l-PN fil-bidu tas-snin 90 li persuni massoniċi ma għandhomx jinħatru f'pożizzjonijiet pubbliċi ta' responsabbilita'?

Response (BORG, JOE)

Nixtieq ninforma l-Onorevoli Interpellant illi l-ħatra ta' kull Ambaxxatur tkun kkunsidrata fil-kuntest tal-kompetenza akkademika jew professjonali u fuq il-karattru w ir-reputazzjoni ta' kull individwu. Jekk l-Onorevoli membru għandu xi nformazzjoni li xi ħadd jew xi wħud mill-Ambaxxaturi li nħatru bejn 1999 u 2001 huma membri ta' xi loġġa masonika nitolbu jagħtini l-informazzjoni konfidenzjalment ħalli jien ninvestiga.
Leg 9 PQ #23682 Sitting 504 2001-02-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Maltacom

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi promozzjonijiet ngħataw fil-Maltacom fis-sena 2000 u 2001? Kemm hemm li ngħataw ħatra fi skala 6? F'liema skala kien qabel f'kull każ? Kemm inħatru fi skala 4? F'liema skala kien qabel f'kull każ? Min huma?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li matul is-snin 2000 u 2001 ingħataw 57 promozzjoni fil-Maltacom. Matul il-perjodu msemmi, ingħataw żewġ promozzjonijiet għal gradi fi Skala ta' Salarju 6 u promozzjoni waħda għal Skala ta' Salarju 6A. It-tlitt impjegati kienu fi Skala ta' Salarju 10, 7 u 7A qabel ingħataw il-promozzjoni. Matul is-sentejn imsemmija ma ingħatawx promozzjonijiet għal Skala ta' Salarju 4.
Leg 9 PQ #23683 Sitting 504 2001-02-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skola Primarja Pembroke

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir minn dawk l-istundenti ta' year 4 fl-iskola primarja ta' Pembroke li qed jitħallew regolarment bla għalliema? Kif se jġibu lura ż-żmien prezzjuż li qed jitilfu dawn l-istudenti fi stadju tant delikat għall-edukazzjoni tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-għalliema tal-Year 4 li għaliha qed issir referenza falliet għax kienet ma tiflaħx. Kull meta kien possibli t-tfal tqegħdu fil-klassi l-oħra tal-Year 4. Kien hemm drabi wkoll meta t-tfal baqgħu fil-klassi tagħhom u l-lezzjonijiet ġew mogħtija mill-Kap u mill-Assistent Kap ta' l-Iskola.
Leg 9 PQ #23684 Sitting 504 2001-02-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Puschka / Pescatore

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se ttieħed azzjoni diretta mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex jitneħħew l-istrutturi llegali ma' l-istabbiliment Puschka / Pescatore? X'qed iżomm lill-Awtorita' milli tieħu l-passi meħtieġa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi jirriżulta li fil-fatt l-Awtorita` ta` l-Ippjanar kienet ħadet il-passi u tneħħew stutturi ta` l-'aluminium' u ħġieġ fil-'front garden' mill-applikant innifsu. Rigward strutturi oħra llegali li għadhom fil-post, l-Awtorita` qiegħda tistenna l-eżitu ta` applikazzjoni sanatorja b`referenza PA 3948/00.
Leg 9 PQ #23685 Sitting 504 2001-02-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Puschka / Pescatore

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet l-Awtorita' ta' l-Ippjanar f'Jannar u Frar 2001 dwar żvilupp illegali fin-naħa ta' quddiem ta' l-istabbiliment Puschka / Pescatore f'San Pawl il-Baħar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fid-19 ta` Jannar 2001, l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ħarġet Avviż biex Tieqaf u ta` Twettieq b`referenza ECF 76/01, dwar tinda li qegħda ssir mingħajr permess u li tikkonsisti f`pilastri tal-'bricks' u travi ta` l-injam. Wara l-ħruġ ta` l-imsemmi Avviż, is-sid kompla jsaqqaf parti minn din it-tinda billi poġġa 'frames' tal-ħadid u ħġieġ. Għaldaqstant l-Awtorita` għamlet diversi spezzjonijiet permezz ta` Spetturi tas-sezzjoni ta` l-Infurzar (u anke bil-preżenza tal-Pulizija) u wissiet lis-sid biex fi żmien 15-il ġurnata jneħħi dak ix-xogħol li sar wara l-ħruġ ta` l-imsemmi Avviż. Fin-nuqqas ta` dan, jittieħdu aktar passi skond in-neċessita`. Jirriżulta wkoll li saret applikazzjoni sanatorja b`referenza PA 598/01.
Leg 9 PQ #23686 Sitting 504 2001-02-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skorba

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jistgħux jittieħdu passi biex jiġu mħarsa l-fdalijiet ta' skorba li jinsabu fil-periklu li jiġu mkissra?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ser isiru xogħlijiet biex jissaħħaħ ir-reċint ta' madwar is-sit, biex hekk ma jkunux jistgħu jidħlu persuni mhux awtorizzati.
Leg 9 PQ #23646 Sitting 503 2001-02-26 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

MPFA

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta saret il-laqgħa mal-MPFA li saret referenza għaliha fit-tweġiba għall-mistoqsija nru. 22965? Xi rriżulta mil-laqgħa, jekk saret? Sar progress biex tintlaqa' t-talba tal-MPFA?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Bord Eżekuttiv tal-kunsill Malti għall-iSport li għadu kemm ġie maħtur iffissa laqgħa ma' uffiċċjali tal-Malta Playing Fields Association għall-Erbgħa 7 ta' Marzu 2001. Informat ukoll li s-Segretarju Parlamentari iltaqa` aktar minn darba ma' uffiċjali tal-MPFA. Sadanittant intbagħtet kopja tal-korrispondenza lill-Awtorita` ta' l-Ippjanar u lid-Dipartiment ta' l-Artijiet għall-kummenti tagħhom.
Leg 9 PQ #23657 Sitting 503 2001-02-26 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

Ftehim Kolletiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu s-sehem tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament fl-innegozjar ta' ftehim kollettiv li entitajiet governattivi u pubbliċi qed jinnegozjaw?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li bi qbil li sar fil-kabinett, l-assistent personali tiegħi hu responsabbli min negozjati tal-ftehim kollettiv kollha li jsir f'kumpaniji u enti parastatali.
Leg 9 PQ #23674 Sitting 503 2001-02-26 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skola San Franġisk ta' Assisi — Sorveljanza

Question

Jista' l-Ministru jara li issir xi forma ta' sorveljanza fejn il-bieb prinċipali tal-iskola San Franġisk ta' Assisi f' Santa Venera peress li fil-għodu, meta l-istudenti jkunu deħlin l-iskola jkun hemm volum ta' traffiku kbir inkluż trakkijiet tal-luminata u vetturi ipparkjati li huma ta' periklu għat-tfal li jattendu din l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Amministrazzjoni ta' l-iskola ħadet il-passi biex quddiem il-gate ta' l-iskola ma' jsir ebda parking. Din iż-żona, bi ftehim mal-Kunsill Lokali, issa hi "no parking zone". Ma jirriżultax li filgħodu jkun hemm problemi bi trakkijiet ta' luminata.