Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' struttura qed taħseb biex twaqqaf id-diviżjoni ta' l-edukazzjoni biex tivverifika l-assenteiżmu kawża ta' mard ta' l-għalliema? Min se jħaddem din l-istruttura? X'riżorsi se jkollha? Meta se tibda titħaddem?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bħal issa d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tinsab għaddejja minn l-aħħar preparazzjonijiet sabiex tippubblika sejħa għall-offerti bil-ħsieb li jkunu ingaġġati tobba li joffru servizz ta' viżti fid-djar ta' impjegati li jkunu rraportaw morda, skond ma jkun mitlub minnhom mill-istess Diviżjoni. Min eventwalment jispiċċa jieħu l-offerta, jkun mistenni li jwettaq il-viżti fid-djar ta' l-impjegati indikati u jirrapporta fuq il-kundizzjoni medika ta' l-impjegat.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont ta' kif il-Fondazzjoni Gaia nefqet il-fondi allokati lilha fis-snin 1999-2000? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim mal-Fondazzjoni Gaia datat 29 ta' Lulju, 1998?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim mal-Fondazzjoni GAIA datat 29 ta' Lulju 1998 u kopja tar-rendikont finanzjarju għas-sena 1999 flimkien ma' kopja taċ-ċertifikat maħruġ mill-awdituri Ernst & Young.
Kif jiġi ffinalizzat ir-rendikont finanzjarju għas-sena 2000, jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Skond il-ftehim hawn anness ir-rendikont finanzjarju jrid jiġi mibgħut sa l-aħħar t'April.
Jista' l-Ministru jgħid x'sar jew se jsir mid-dipartiment tat-toroq biex jinvestiga t-talba li għamilt f'mistoqsija parlamentari nru 23522 dwar dħul/ħruġ adegwat fis-Swieqi? Meta huwa ppjanat li jitlesta dan ix-xogħol?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li dwar it-talba ta` l-Onor. Interpellant, id-Dipartiment irid jivvaluta l-aspetti tekniċi, l-bżonnijiiet tat-traffiku u regoli ta` urbanistika biex ikun jista` jifforma opinjoni jekk il-proposta għandiex tiġi addotata jew le. Tajjeb wieħed iżid li jidher li l-area ndikata hi waħda li skond il-pjan ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar hi ntenzjonata għall-bini.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir konkretament mill-ministeru u mid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni biex il-faċilitajiet ta' l-iskejjel jibdew jintużaw mill-komunita' wara l-ħin ta' l-iskola, peress li bid-diskors kulħadd jaqbel iżda fil-fatt għad hemm kapijiet ta' skejjel li mhux qed iħallu dan isir?
Response (GALEA, LOUIS)
L-użu tal-faċilitajiet ta' l-iskejjel mill-komunita` wara l-ħin għad issir realta`. Importanti li din il-viżjoni meta sseħħ ma jkollhiex riperkussjonijiet negattivi li jiskreditaw l-istess ideja meta tkun għadha fil-bidu.
Wieħed mill-gruppi ta' ħidma fi ħdan l-iSteering Committee Nazzjonali dwar l-Implimentazzjoni tal-Kurrikulu Nazzjonali kien ħejja pjan dwar it-twettiq tat-taqsima tal-Kurrikulu Nazzjonali li tirrigwarda l-iżvilupp ta' l-iskejjel f'Ċentri Komunitarji ta' Tagħlim. L-iSteering Committee fela dan il-pjan u ppropona, fil-pjan strateġiku għat-twettiq tal-Kurrikulu Nazzjonali, li wieħed mill-Focus Groups li huma meħtieġa biex jiżguraw it-twettiq effettiv tal-Kurrikulu Nazzjonali għandu jkun eżattament dwar dan.
Malli l-istrutturi proposti mill-iSteering Committee jkunu twaqqfu u bdew jiffunzjonaw, dan il-qasam ikun wieħed minn fost numru ta' oqsma marbuta mal-Kurrikulu li se jieħu priorita`.
Marbut ma' dan kollu, hemm ukoll it-twaqqif tal-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi li ħabbart fil-parlament il-ġimgħa li għaddiet. Din il-Fondazzjoni se tinkorpora fi ħdanha l-Istitut għal Appoġġ Edukattiv għal Tfal u Ġenituri li se jorganizza programmi wara l-ħin ta' l-iskola immirati lejn tfal li qed jaqgħu lura fl-iskola u lejn il-ġenituri tagħhom. Din il-Fondazzjoni se tkun responsabbli, fil-ġejjieni, għat-twettiq ta' l-inizjattiva li titrasforma l-iskejjel f'Ċentri Komunitarji ta' Tagħlim fejn il-proċess ta' tagħlim matul il-ħajja (lifelong) u espansiv (lifewide) isir verament qrib dawk li jeħtieġuh.
Inizjattiva oħra hija dik ta' ingaġġar ta' Activity Teachers li se jaħdmu bejn l-10.30 ta' filgħodu u l-4.30 ta' wara nofs in-nhar. Parti minn xogħolhom se jkun li jaħdmu id f'id ma' l-Istitut għal Appoġġ Edukattiv għal Tfal u Ġenituri biex jitwettaq il-programm ta' wara l-ħin ta' l-iskola għat-tfal u ġenituri. Din hija miżura li dwarha l-MUT qablet u ddaħħlet bħala parti mill-qbil bejn il-Gvern u l-MUT.
Jista' l-Ministru jgħid matul l-aħħar tliet snin skolastiċi x'kienet ir-rata ta' assenteiżmu ta' l-għalliema, li isimha qed jintbagħat separatament, li tgħallem ir-reliġjon fil-junior lyceum ta' San Ġużepp, Kordin? Xi kwalifiki għandha? Meta ġiet ikkonfermata mill-education officer? Min qed ikollu jieħu l-lezzjonijiet tagħha meta tkun nieqsa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għalliema msemmija għandha B.Ed (Hons).
Hija għadha ma ġietx ikkonfermata għaliex l-Education Officer qatt ma kien sodisfatt bix-xogħol tagħha.
Il-lezzjonijeit tagħha ħadithom għalliema ġdida li ġiet mibgħuta mid-Dipartiment.
B'riferenza għat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari nru. 22782, jikkonferma l-kap tad-dipartiment tal-farmaċija li l-kors tal-farmaċija minn 1994 beda jiftaħ kull sena? Jista' l-kap tad-dipartiment tal-farmaċija jgħid f'liema sena d-dipartiment tal-farmaċija mexa għall-bini ġdid? Jista' l-kap tad-dipartiment tal-farmaċija jgħid jekk kienx involut ma' l-awtoritajiet kompetenti fid-diskussjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' pjanti, tagħmir u affarijiet oħra ta' dan il-bini? Jikkonferma li n-numru oriġinali ta' dħul ta' studenti għas-snin 1990-1994 huwa ta' 240 u għas-snin 1996-2000 huwa 261?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 23713.
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari nru. 22797, jikkonferma l-kap tad-dipartiment tal-farmaċija li l-istaff mhux akkademiku li qed jintalab jagħmel xogħol akkademiku huma lab officers II? Jikkonferma l-kap tad-dipartiment tal-farmaċija li dan l-istaff mhux akkademiku qed jagħmel xogħol akkademiku ta' fejda, ġid u ta' għajnuna lid-dipartiment tal-farmaċija, l-istaff akkademiku ta' l-istess dipartiment u lill-istudenti li jattendu l-kors fil-farmaċija? Apparti dan ix-xogħol akkademiku, dan l-istaff mhux akkademiku qed jintalab xogħol mill-kap tad-dipartiment tal-farmaċija li għandu x'jaqsam mal-lista ta' dmirijiet li jingħataw l-lab officers II meta jibdew l-impjieg tagħhom ma' l-Universita' ta' Malta?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 23713.
B'riferenza għalt-tweġiba għal mistoqsija parlamentari nru. 22772, jista' l-Ministru jgħid meta l-kap tad-dipartiment tal-farmaċija beħsiebu jressaq l-istudju dwar il-pjan biex tinħoloq fakulta' fil-farmaċija? Jikkonferma li qatt ma ddiskuta formalment pjan biex tinħoloq fakulta' fil-farmaċija ma' l-awtoratijiet ta' l-Universita' jew il-Kamra ta' l-Ispiżjara?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 23713.
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari nru. 22765, jista' l-kap tad-dipartiment tal-farmaċija jispjega għaliex ma nżammx rekord ta' kemm departmental meeting saru? Jista' l-kap tad-dipartiment tal-farmaċija jgħid jekk nżammx rekord tal-minuti? Jekk iva, jista' jitpoġġa kopji ta' dawn il-minuti fuq il-Mejda tal-Kamra? Jikkonferma li ġew diskussi l-kurrikulum, l-eżamijiet, it-testijiet, tqassim ta' credits u l-mod kif dawn jingħataw u m'hemmx rendikont dettaljat ta' dan kollu? Jista' l-kap tad-dipartiment jgħid x'ippreżenta lill-fakulta' matul s-sena ta' ħidma akkademika 1999-2000? X'korrispondenza ntbagħtet lilu mill-uffiċju tal-fakulta' tul is-sena ta' ħidma akkademika 1999-2000?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 23713.
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari nru. 22813, jista' l-Ministru jgħid jekk jikkonfermax il-kap tad-dipartiment tal-farmaċija li l-work resources fund tkopri żewġ konferenzi fis-sena? Fuq liema bażi ntalbet it-tielet konferenza? Fuq liema bażi ntalbu u ngħataw flus mill-international office?
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari nru. 21533, jikkonferma l-kap tad-dipartiment tal-farmaċija li d-dewmien normali ta' konferenza internazzjonali huwa ta' 3-4 ġranet? Għaliex f'ħafna miż-żjarat tiegħu barra, l-kap tad-dipartiment dam medja ta' seba t'ijiem? Jista' l-kap tad-dipartiment jagħti rendikont iddetaljat dwar id-dewmien ta' kull konferenza u t-talbiet li ġew ifformulati lill-organi universitarji li minnhom intalbu l-flus?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 23713.
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari nru. 22773, jikkonferma l-kap tad-dipartiment tal-farmaċija li l-aħħar studju li sar fuq in-numru ta' l-ispiżjara huwa datat 1997? Jista' l-kap tad-dipartiment tal-farmaċija jispjega l-fil li jgħaqqad dawn il-persentaġġi ma' l-kumment tiegħu lill-istudenti ta' l-ewwel sena? Dawn il-persentaġġi ppreżentati huma differenti minn ta' pajjiżi oħra li fuqhom jorbot il-kap tad-dipartiment tal-farmaċija? Minn min saru l-istudji li jirreferi għalihom il-kap tad-dipartiment tal-farmaċija?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 23713.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu biex it-tfal li jattendu klassi 4/7 ta' l-iskola primarja (b) ta' Ħaż-Żabbar, ikollhom għalliem regolari fix-xhur li ġejjin peress li qed jingħad li l-għalliem preżenti ħareġ leave fit-tul b'open certificate?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ntbagħat għalliem għal klassi 4/7 ta' l-iskola Primarja B ta' Ħaż-Żabbar.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jittieħdu passi biex il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament jingħatalu helper għax ilu ħmistax bla helper waqt li anzjani oħra għad għandhom sigħat ta' helpers?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata ser ikollha l-helper f'qasir żmien għax il-Board diġa' approva sagħtejn fil-ġimgħa u l-appuntament mas-supervisor ser isir dalwaqt.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-irziezet li għandhom il-permessi meħtieġa biex irabbu t-tiġieġ? Ta min huma u fejn jinsabu?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Servizzi Veterinarji jżomm reġistru ta' dawk li jrabbu t-tiġieġ għall-qatla u għall-bajd. Fil-preżent dan id-dipartiment qiegħed jagħmel spezzjonijiet fuq kull razzett biex fil-futur immedjat dawn jiġu liċenzjati skond ir-regolamenti eżistenti. Meta dan l-eżerċizzju jkun sar, il-Ministru jkun f'pożizzjoni aħjar biex tingħata risposta.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu tul l-1999 u s-sena 2000 biex jiġi żgurat li rziezet li jrabbu t-tiġieġ qed jimxu skond iċ-ċirkolari tat-12 ta' Lulju 1993 dwar 'Proċeduri għall-qtil ta' Broilers' iffirmata minn F. Farrugia?
Xi rriżulta minn dawn il-passi jekk ittieħdu?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat li bħala miżuri u passi li ttieħdu wara din iċ-ċirkulari kien hemm li l-moviment ta' dawn it-tjur huwa kkontrollat permezz ta' Karta Roża li toħroġ mid-Dipartiment tas-Servizzi Veterinarji fuq isem il-Produttur. Din l-istess Karta Roża tibqa timxi mal-flieles sakemm dawn jinqatlu u terġa tispiċċa fid-Dipartiment. Din tasal fid-dipartiment meta tintbagħat mill-Proċessur li jkun qatel it-tjur.
Inbeda wkoll proċess ta' spezzjonijiet fuq l-irziezet sabiex id-Dipartiment tas-Servizzi Veterinarji ikun f'pożizzjoni li joħroġ liċenzji.
Testijiet fuq laħam tat-tjur isiru regolarment kemm mill-proċessuri privati kif ukoll mid-Dipartiment tas-Servizzi Veterinarji.
Jista' l-Ministru jgħid xi spezzjonijiet saru tul l-1999 u t-2000 biex jiġi żgurat li l-irziezet li qed irabbu t-tiġieġ qed jimxu skond avviż legali 156 ta' l-1989?
Liema rziezet ġew spezzjonati? X'riżultati kien hemm wara dawn l-ispezzjonijiet, x'passi ttieħdu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 23761, nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm l-avviż legali 156 ta' l-1989, joħroġ mill-Ordinanza dwar it-Tħaris mill-Mard (Kap. 36), id-Direttur ta' l-Agrikoltura u Sajd huwa awtorizzat biex jinforza tali regolament, għaldaqstant nissuġġerixxi li tali mistoqsija għandha tiġi referuta lill-Ministru kkonċernat.
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija 22800, jista' l-kap tad-dipartiment tal-farmaċija jgħid kemm hemm lab officers II fid-dipartiment tiegħu? X'kienu l-kwalifiċi li bihom ingħataw impjieg dawn l-lab officers II? Jikkonferma li l-grad ta' lab officers li jagħmlu jew li qed jagħmlu studju post-graduate huma dawk ta' lab officers II? Jikkonferma l-kap tad-dipartiment tal-farmaċija li l-istudji akkademiku post-graduate li għamlu l-lab officers II jaqa taħt l-lista tad-dmirijiet li jingħataw l-lab officers II meta jibdew l-impjieg tagħhom ma' l-Universita' ta' Malta? X'kwalifiċi post-graduate ġew inkorraġuti jistudjaw dawn il-ħames lab officers? Dawn l-istudji huma ta' natura akkademika u speċjalizzata f'aspetti ta' farmaċija?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 23713.
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari nru. 22767, jista' l-kap tad-dipartiment tal-farmaċija jgħid jekk m'humiex full-time jew part-time dawn is-sitt postijiet akkademiċi li nħolqu tul it-tmexxija tiegħu? Jista' l-kap tad-dipartiment tal-farmaċija jagħti s-snin li fihom inħolqu dawn il-postijiet akkademiċi? Qabel saret it-talba għas-sena 2001, meta inħoloq l-aħħar post akkademiku fid-dipartiment tal-farmaċija? Jista' l-kap tad-dipartiment tal-farmaċija jgħid jekk humiex full-time jew part-time dawn it-tlett postijiet akkademiċi ġodda għas-sena 2001? B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija nru. 21549, għaliex in-numru ta' staff permanenti fid-dipartiment tal-farmaċija huwa inqas minn dak ta' l-istaff temporanju? Jikkonferma l-kap tad-dipartiment tal-farmaċija li meta laħaq f'din il-pożizzjoni ma kien hemm l-ebda post akkademiku ieħor f'dan id-dipartiment?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 23713.
B'riferenza għall-mistoqsijiet 21523 u 22809, jista' l-kap tad-dipartiment tal-farmaċija jirrispondi d-domanda u jikkonferma jekk il-prattiċi tal-laboratorji fil-kimika farmaċewtika twaqqfux kompletament? Kemm ilu għaddej u meta sa jispiċċa dan l-eżerċizzju ta' reviżjoni u mmodernizzar fil-prattiċi fil-kimika farmaċewtika? B'riferenza għat-tweġiba li ma ngħatatx għall-mistoqsija 22809, jista' l-kap tad-dipartiment tal-farmaċija jirrispondi jekk kienx hemm xi prattiċi tal-laboratorji oħra li twaqqfu? Jassigura l-kap tad-dipartiment tal-farmaċija li l-materjal ta' kimika u għal-preparazzjoni ta' formulazzjonijiet farmaċewtiċi li jintuża preżentament għall-prattiċi huwa materjal mhux skadut? Għaliex fit-tweġiba tiegħu l-kap tad-dipartiment tal-farmaċija l-ewwel jgħid li ried jagħmel ekonomija fis-sena akkademika 1999-2000 u mbagħad jitlob Lm 300,000 għan-nefqa fil-laboratorji fis-sena akkademika 2000-2001? X'inbidel minn sena għall-oħra? Fl-opinjoni tal-kap tad-dipartiment tal-farmaċija, practitioners jew pharmacy practitioners li qed joffru taħriġ lil-istudenti tal-farmaċija qed jiżguraw livell akkademiku ta' universita' b'reputazzjoni? Kif qed jiġi assigurat dan?
Response (GALEA, LOUIS)
Wara l-kwantita` kbira ta' Mistoqsijiet imwieġba fuq id-Dipartiment tal-Farmaċija ta' l-Universita` ta' Malta, joħroġ ċar li hemm membri ta' l-istaff ta' dan id-Dipartiment li jixtiequ jinqdew bil-Parlament għal skopijiet ulterjuri. Minħabba li l-interess tal-Mistoqsija huwa f'dan l-istadju suġġett dirett għall-iskrutinju ta' l-Universita`, jidhirli li hu aktar opportun nirreferi l-materja lir-Rettur ta' l-Universita`. Ma jkolli ebda diffikulta` li l-Onor. Membru jikkomunika mar-Rettur għar-rejazzjonijiet tiegħu.