Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom tul is-sena skolastika 1998/99 36,484 biss (41.05% tal-popolazzjoni studenteska) kienu l-istudenti li żaru l-mużewijiet u siti storiċi, l-inqas numru fl-aħħar ħames snin?
X'passi qed jittieħdu biex jiżdiedu żjarat edukattivi preparati tajjeb fil-mużewijiet u siti storiċi?
X'kordinazzjoni saret bejn id-diviżjoni ta' l-edukazzjoni u d-dipartiment tal-mużewijiet fis-snin 1999-2000 dwar dawn iż-żjajjar? B'liema riżultati?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tħeġġeġ lill-għalliema biex matul is-sena jagħmlu żjarat edukattivi lejn siti storiċi u l-mużewijiet. Għal dan il-għan id-Diviżjoni għenet bit-tqassim ta' 'work sheets' dwar dawn is-siti u mużewijiet u bit-tibdil li sar fis-sillabu ta' l-Istorja.
Billi inizjattivi bħal dawn għandhom jinbtu fl-iskejjel stess mill-għalliema nfushom, l-arranġament hu li l-iskejjel infushom jorganizzaw dawn iż-żjarat.
Għalhekk matul il-perjodu 1999-2000, il-koordinazzjoni bejn id-Dipartiment tal-Mużewijiet u d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni saret fuq livell ta' skejjel.
Jista' l-Ministru jgħid liema klassijiet huma mingħajr għalliema tal-fiżika fl-iskola sekondarja Antonio Bosio tal-Gżira? X'passi ttieħdu biex jinstabu dawn l-għalliema? X'se jsir biex l-istudenti jirbħu l-ħin li tilfu f'lezzjonijiet bla għalliema?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li klassijiet li huma mingħajr għalliem tal-fiżika huma tnejn tal-Form 3, tlieta tal-Form 4 u tnejn tal-Form 5.
Bħalissa d-Diviżjoni ma għandha ebda għalliema tal-fiżika x'tassenja f'din l-iskola. Minkejja li d-Diviżjoni qed tħalli sejħa miftuħa għal għalliema każwali biex jimlew dawn il-postijiet, ma hemm ebda applikanti biex jiġu kkonsidrati. Fil-frattemp id-Diviżjoni qed tagħmel kull sforz biex jinstabu għalliema internament.
Sadattant il-klassijiet tal-Form 4 u Form 5 qed jingħataw il-lezzjonijiet kollha b'mod volontarju minn għalliem li jinsab fl-iskola. Tal-Form 3 ukoll qed jingħataw xi lezzjonijiet, iżda mhux dejjem ikun possibbli li jingħataw kollha. Fi ftit ġimgħat oħra, meta l-istudenti tal-Form 5 jispiċċaw mill-iskola, il-lezzjonijiet kollha tal-Form 3 jibdew ikunu koperti mill-istess għalliem.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex ż-żewġ studenti li isimhom qed jintbagħtu separatament l-ewwel ġew infurmati li ġew aċċettati biex jagħmlu l-qualifying year għall-kors tal-liġi għas-sena akkademika 2000 - 2001 u mbagħad ġew infurmati li ma ġewx aċċettati?
X'wassal għad-deċiżjoni li l-ewwel ġew aċċettati biex ikomplu?
Imbagħad x'wassal biex din id-deċiżjoni tiġi maqluba ta' taħt fuq?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istudenti indikati applikaw biex jidħlu fil-kors ta' sena li jekk jispiċċawh b'suċċess jikkwalifikaw biex jidħlu fil-kors ta' LL.D. Dan il-kors ta' sena hu maħsub għal dawk li jkunu spiċċaw il-B.A. Legal and Humanistic Studies imma ma jkunux laħqu il-livell meħtieġ biex ikomplu għall-kors ta' LL.D. Dawn iż-żewġ studenti kienu aċċettati għal dan il-kors a bażi ta' l-informazzjoni provduta mill-istudenti fl-applikazzjonijiet tagħhom. Sussegwentament irriżulta li huma ma ndikawx, kif kienu obbligati li jagħmlu f'sezzjoni 19 ta' l-applikazzjoni, li din kienet it-tieni darba li kienu qed japplikaw għal dan l-istess kors wara li huma kienu segwew il-kors u weħlu fih. Meta dan sar mgħarraf huma kienu nfurmati b'ittra datata 20 ta' Ottubru, 2000 li l-aċċetazzjoni tagħhom fil-kors kienet irtirata u ingħataw ir-raġuni.
Peress li t-tifel li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament ibati serjament bl-asthma, jistgħu jittieħdu passi biex vetturi ma jitħallewx jipparkjaw taħt it-tieqa ta' l-appartament li jinsab kważi taħt il-livell tat-triq u għalhekk faċli jimtela duħħan tal-vetturi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li sa llum reserved parking space jiġu approvati biss f'każi ta' diżabilita' fiżika.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 23394, peress li fis-seduta tat-Tlieta, 20 ta' Frar 2001, filgħodu s-segretarju parlamentari ta x'jifhem li diġa' ttieħdu passi meħtieġa kontra l-mastrudaxxa msemmi, jista' jgħid fil-fatt x'passi ttieħdu u jagħti garanzija li dan il-mastrudaxxa m'għandux jopera llegalment?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-passi li ttieħdu dwar il-każ li rrefera għalih l-Onor. Interpellant jikkonsistu fil-ħruġ tal-Avviż biex Tieqaf u ta` Twettieq ECF 886/99, (li huwa ordni biex jieqaf l-iżvilupp mingħajr permess), kif ukoll spezzjonijiet oħra fejn is-sid ġie mwaqqaf milli jkompli bix-xogħol. Fil-fatt l-aħħar spezzjoni saret fis-27 ta` Frar 2001, u s-sid ġie ordnat jieqaf mix-xogħol. Intant il-każ qed jibqa` jiġi segwit sabiex dan il-mastrudaxxa ma jibqax jopera llegalment.
Peress li l-anzjana msemmija fil-mistoqsija parlamentari nru. 23396 ilha minn qabel il-Milied bla helper, u peress li tassew għandha bżonn helper, jista' jittieħdu passi biex ikollha helper sagħtejn kuljum għax m'għandhiex bżonn iżjed minn hekk għad-dar ċkejkna tagħha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm is-servizz ta' Home Care Help jingħata skond il-bżonnijiet tal-persuna u mhux skond id-daqs tad-dar, ser jittieħdu l-passi meħtieġa ħalli l-persuna tkun moqdija.
Jista' l-Prim Ministru jgħid fejn waslet l-applikazzjoni tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħatu separatament għaċ-ċittadinanza doppja li saret fit-22 ta' Awissu, 2000 u li ngħatat l-irċevuta P339350?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel id-domanda lill-Ministru ta’ l-Intern.
Jista' l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti x-xogħol ta' museum officer? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kama kopja tad-dmirijiet li għandhom dawn il-museum officers? Kif tfasslu dawn id-dmirijiet? Bis-sehem ta' min? Kif jidħlu dawn id-dmirijiet fil-qafas ta' l-istrateġija tad-dipartiment tal-mużewijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-dmirijiet tal-Museum Officers huma dawk indikati fid-dokument li qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dawn id-dmirijiet tfasslu wara laqgħat li saru għal dan il-għan fid-Dipartiment. F'dawn il-laqgħat ħadu sehem id-Direttur tal-Mużewijiet, Kuraturi kif ukoll rappreżentanti tal-Museum Officers. Fost dawn ta' l-aħħar kien hemm ukoll ix-'shop stewards' tal-UHM u tal-GWU li ħadu ħsieb jikkonsultaw ma' l-awtoritajiet tal-unions indikati.
Dawn id-dmirijiet ġew fis-seħħ wara li kien hemm qbil unanimu fuqhom. Dawn id-dmirijiet għadhom fis-seħħ.
Jista' jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 23530, b'referenza għas-sajf ta' l-1999 u tas-sena 2000?
Response (GALEA, LOUIS)
Lista bit-tagħrif mitlub fl-ewwel parti tal-Mistoqsija qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Informat li l-flus li jinġabru mill-iskejjel jintużaw biex jinxtara materjal u dak kollu li jintuża mit-tfal matul is-sajf u xi spejjeż oħra għall-koordinament tal-programm.
Fuq l-aħħar parti tal-Mistoqsija mhux magħruf li waslu rapporti fuq dan ir-rigward. Jekk l-Onor. Membru jista' jispeċifika b'mod konfidenzjali, id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tkun lesta li tinvestiga u tieħu l-passi neċessarji.
Jista' l-Ministru jgħid meta ġew imxandra għall-ewwel darba r-riżultati ta' l-eżamijiet tal-kors B A Legal and Humanistic Studies sena akkademika 1997-1998 biex l-istudenti jitilgħu fir-raba sena? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-riżultati kif imxandra l-ewwel darba?
X'kienu l-istess riżultati mxandra t-tieni darba? X'wassal biex ir-riżultati ġew mibdula? Jista' jqiegħed kopja tar-riżultati mxandra mill-ġdid?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li r-riżultati ta' l-eżamijiet tal-kors B.A. Legal and Humanistic Studies ġie mxandar għall-ewwel darba fis-27 ta' Lulju, 1998 li kopja tagħhom qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra (Appendiċi I).
Wara ilmenti ta' l-istudenti dwar il-gradi li ġabu, il-fakulta` sabet li kien hemm regolament tas-Senat li kienet baxxiet l-average għal Grad C. Meta ġew ippublikati r-riżultati għall-ewwel darba, il-grad C kien ikkalkulat fuq 57 fil-mija. Ir-regolament tas-Senat kienet tgħid li l-grad C għandu jiġi kkalkulat fuq 53 fil-mija. Minħabba dan ir-regolament il-fakulta` kellha tikkoreġi r-riżultati.
Ir-riżultat ta' l-eżamijiet tal-kors B.A. Legal and Humanistic Studies imbagħad ġie mxandar għal darba oħra fil-21 ta' Awissu, 1998 u kopja tiegħu qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra (Appendiċi II).
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuwa d-djun li għandha l-Freeport u l-kumpaniji sussidarji jew assoċjati magħha? Jista' jagħti l-figuri kumpanija b'kumpanija?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba hija kif ġej:
Malta Freeport Corporation Limited
Bullet Bond fl-ammont ta' 250,000,000 Dollari Amerikani għall-iżvilupp tat-Terminal numru tnejn, li nħarġu f'Mejju 1998 u li jimmaturaw f'Mejju tas-sena 2028.
Amortising Bonds fl-ammont ta' 3,950,000 Dollari Amerikani intiżi għall-iżvilupp tat-Terminal numru tnejn, li nħarġu f'Mejju 1994 u li jimmaturaw f'Marzu tas-sena 2009.
Self ta' Lm17,487,287 intiż għall-iżvilupp tat-Terminal numru wieħed.
Freeport Terminal (Malta) plc Lm650,000
Coastal Management Co. Ltd. Xejn
Peress li l-kumpaniji assoċjati tal-Korporazzjoni tal-Port Ħieles huma entitajiet privati li fuqhom l-istess Korporazzjoni ma' teżerċitax kontroll, ma jkunx opportun li tingħata l-informazzjni mitluba fil-konfront tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nies jaħdmu mal-Freeport u mal-kumpaniji differenti sussidarji jew assoċjati magħha?
Jista' jagħti l-figuri b'mod settorjali u kumpanija b'kumpanija?
Response (BONNICI, JOSEF)
Fil-preżent in-numru ta' ħaddiema impjegati mal-Korporazzjoni tal-Port Ħieles u ma' kumpaniji sussudjarji jammonta għal 638. Dawn il-ħaddiema huma mqassmin kif ġej:
Freeport Terminal (Malta) plc 499
Malta Freeport Corporation Limited 122
Coastal Management Company Limited 17
Jista' l-Ministrż jgħid min hżma l-għalliema kollha regolari jew temporarji li jgħallmż l-Ingliż fl-iskola Jżnior Lyceżm Margaret Mortimer?
Kollha għandhom il-kwalifiki meħtiega biex jgħallmż l-Inġliż
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-iskola Margaret Mortimer Junior Lyceum hemm 8 għalliema ta' l-Ingliż u li kollha għandhom il-kwalifiki meħtieġa.
B'riferenza għat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari nru. 22775, jista' l-kap tad-dipartiment tal-farmaċija jressaq kopja tal-minuti tal-bord tal-fakulta' li fiha hemm l-imsemmija rakkmandazzjonijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 23713.
B'riferenza għat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari nru. 22780, jista' l-kap tad-dipartiment tal-farmaċija jgħid xi ħsibijiet ipprova jaqsam mal-pubbliku f'dawn l-intervisti li saru fuq il-media fis-snin 1999-2000? Kif għoġbu jiddiskrivi l-funzjoni ta' l-ispiżjar fis-soċjeta' tal-lum il-kap tad-dipartiment tal-farmaċija?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 23713.
B'riferenza għat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari nru 21742, jikkonfemra l-kap tad-dipartiment tal-farmaċija li l-entry requirements sas-sena akkademika 1999-2000 u mindu laħaq huwa kap tad-dipartiment tal-farmaċija, inbidlu darbtejn? Jikkonferma l-kap tad-dipartiment tal-farmaċija li qabel ma' kull rakkmandazzjoni li saret mill-bord tal-fakulta' tal-mediċina u kirurġija? Għaliex l-istess kap tad-dipartiment tal-farmaċija qed jaħseb bil-kontra fis-sena akkademika 2000-2001? Jista' l-kap tad-dipartiment tal-farmaċija jressaq kopji tal-minuti tal-bord tal-fakulta' li fiha hemm l-imsemmija bidliet?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 23713.
B'riferenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet 22765, 22780 u 22781 b'mod partikolari u oħrajn b'mod indirett, jista' l-kap tad-dipartiment tal-farmaċija jispjega liema huma dawk ir-rekords li hu jżomm rendikont tagħhom? Fl-opinjoni tiegħu, x'rendikont ta' ħidma huwa obbligat li jżomm skond l-education act, 1988 u għall-fini ta' l-amministrazzjoni ta' l-Universita'
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 23713.
B'riferenza għat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari nru. 22790, fuq liema bażi l-kap tad-dipartiment tal-farmaċija qed jagħmel talba għat-12-il post mhux akkademiku għas-sena 2000/1? Dawn il-postijiet huma full-time jew part-time? Jikkonferma l-kap tad-dipartiment tal-farmaċija li ż-żewġ postijiet akkademiċi huma ekwivalenza ta' full-time u li wieħed allura jiddeduċi li s-sejħa ħa tkun għal part-timers? Jista' jgħid l-kap tad-dipartiment tal-farmaċija kemm għandu staff mhux akkademiku preżentament fid-dipartiment tiegħu? Min-nefqa li tkopri l-pagi ta' l-istaff jidher li l-istaff mhux akkademiku huwa d-doppju ta' dak akkademiku, jikkonferma dan l-kap tad-dipartiment tal-farmaċija? Hekk dan hu minnu, jista' jagħti r-raġunijiet għal dan il-bżonn il-kap tad-dipartiment tal-farmaċija? Jista' l-Ministru ta' l-Edukazzjoni jpoġġi kopja sħiħa u dettaljata tat-talba ta' Lm576,543 għas-sena 2000/1 li ressaq il-kap tad-dipartiment tal-farmaċija? X'voti sena b'sena ingħataw għal dawn it-talbiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 23713.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm stabbilimenti kummerċjali fil-Bajja ta' l-Għadira tal-Mellieħa li għandhom il-permessi meħtieġa biex joperaw bħala beach concessions u kiosks fuq ir-ramel?
Meta ħarġu l-permessi meħtieġa? Hemm min il-permessi ġġeddulu? Meta? Liema minnhom? Kien hemm tibdil fil-kundizzjonijiet oriġinali? X'tip ta' tibdil?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.