Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #24471 Sitting 523 2001-03-28 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

CT 28/2001

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm kumpaniji / persuni li tefgħu offerta għall-kuntratt CT 28/2001? F'hiex jikkonsisti x-xogħol mitlub? Min intagħżel biex jagħmel dan ix-xogħol? B'liema kriterji ġie magħżul?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kien hemm ħames kumpanniji li tefgħu offerta għat-tender CT 28/2001. Fir-rigward ta' l-aħħar tlett mistoqsijiet nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt fil-mistoqsija parlamentari nru. 24470.
Leg 9 PQ #24350 Sitting 522 2001-03-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Raħal Ġdid

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu biex jiġi żgurat li x-xogħol fuq il-bini taż l-iskejjel primarji ta' Raħal Ġdid sar skond il-ftehim mal-kuntrattur? X'nuqqasijiet kien hemm min-naħa tal-kuntrattur f'dan ix-xogħol? X'se jsir dwarhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-uffiċjal inkarigat mill-manutenzjoni ta' l-iskejjel tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u l-Works Manager imqabbad mill-Kunsill Lokali tar-Raħal il-Ġdid segwew ix-xogħlijiet li saru fil-kumpless ta' l-iskejjel primarji tal-lokal minn żewġ kuntratturi matul is-sajf li għadda. Fejn ix-xogħol ma sarx skond l-ispeċifikazzjonijiet tat-tender inġibdet l-attenzjoni tal-kuntrattur konċernat u x-xogħol ġie rranġat. Il-kuntrattur li waqqa' u bena l-faċilitajiet sanitarji, ġie mitlub jerġa' jdur xogħlijiet fit-twaħħil tal-madum u ta' l-aluminium.
Leg 9 PQ #24351 Sitting 522 2001-03-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Trobbija tat-Tiġieġ — Spezzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 23761 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru tas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilek u cioe: jista' jgħid xi spezzjonijiet saru tul l-1999 u t-2000 biex jiġi żgurat li l-irziezet li qed irabbu t-tiġieġ qed jimxu skond avviż legali 156 ta' l-1989? Liema rziezet ġew spezzjonati? X'riżultati kien hemm wara dawn l-ispezzjonijiet, x'passi ttieħdu?

Response (ZAMMIT, NINU)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #24352 Sitting 522 2001-03-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

PA

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi konkreti ħa s'issa ċ-chairman ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar l-ilmenti mqajma f'ittra ta' Mario Deguara (26 ta' Frar 2001) dwar il-Palazzo Pescatore (Puschka Palace)

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fl-ittra li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant tqajmu dawn il-punti prinċipali, ċioe`: a. Xogħol li sal-lum qiegħed isir mingħajr permess b. Xogħol fuq il-faċċata tal-post c. Imbarrar tat-twieqi fuq il-faċċata d. L-Awtorita` qatt ma ħarġet permess biex il-post ikun konvertit minn Bar & Restaurant għall-diskoteka B`referenza għall-ewwel punt, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 23685. Dwar it-tieni punt, ix-xogħol li qiegħed isir preżentament fuq il-faċċata jikkonsisti f`tikħil u tibjid. Dan ix-xogħol ta` manutenzjoni ma jinħtieġ l-ebda permess ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar. Rigward it-tielet punt, l-imbarrar tat-twieqi fuq il-faċċata ilu li sar minn 1995, tant li kien inħareġ Avviż ta` Twettieq fis-7 ta` Settembru 1995 fuq referenza ECF 688/95 (dan l-Avviż kien jinkorpora illegalitajiet oħra). Dan il-każ qiegħed fuq il-lista ta` każi għall-azzjoni diretta. Rigward l-aħħar punt, l-użu tal-post ilu regolat b`permess u kundizzjonijet relattivi tal-pulizija.
Leg 9 PQ #24353 Sitting 522 2001-03-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Matsec

Question

Jista' l-Ministru jara li l-bord tal-matsec jilqa' rakkomandazzjoni (datata 1 ta' Marzu 2001) biex l-istudenta li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament min din il-mistoqsija ikollha l-arranġamenti meħtieġa biex f'Ġunju 2001 tingħata l-opportunita' ta' aċċess reali għall-eżamijiet tal-matsec?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li azzjoni dwar il-każ imqajjem mill-Onor. Membru ġiet meħuda. Il-kandidata indikata ġiet avżata fis-sitta ta' Marzu. Il-każijiet kollha li talbu konċessjonijiet speċjali fl-eżamijiet tal-Matsec ġew diskussi mill-Board ta' Każijiet Speċjali u l-azzjonijiet neċessarji ġew rakkomandati u meħuda.
Leg 9 PQ #24368 Sitting 522 2001-03-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

Tax Compliance Unit

Question

B'referenza għall-mistoqsija/tweġiba parlamentari nru. 23634, x'inhi d-definizzjoni ta' professional offices? Xi gradi mis-servizz pubbliku jidħlu f'din id-definizzjoni? X'xogħol se jkunu qed jagħmlu? X'xogħol se jkun qed jagħmlu li ma jistax isir minn impjegati tas-servizz pubbliku?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li: 1. Għal biċċa l-kbira tal-postijet vakanti li għad fadal fit-Tax Compliance Unit min japplika irid ikun gradwat fis-suġġetti relatati mal-pożizzjoni li jkun applika għaliha. Irid ikollu ukoll esperjenza ta’ numru ta’ snin u l-inklinazzjoni għat-tip ta’ xogħol li ser jidħol għaliħ. Fil-każ ta’ postijiet ta’ accountants, barra li jkunu gradwati fl-accountancy min japplika irid ikollu warrant ta’ C.P.A. jew C.P.A.A., u track record ta’ verifika/xogħol ta’ accounts ta’ ditti kummerċjali. Min japplika għall-postijiet fl-informatika irid ikollu track-record f’dan it-tip ta’ xogħol, barra kwalifiki akkademiċi. 2. Fil-każ ta’ accountants/awdituri ma jidhierx li hemm gradi fis-servizz pubbliku li jaqgħu taħt din id-definizzjoni. Dan it-tip ta’ xogħol isir minn ftit uffiċjali fis-servizz ġenerali l-aktar fid-Dipartimenti tat-Taxxi Interni. Għall-pożizzjonijiet fl-informatika, il-gradi fis-servizz pubbliku li jidhru f’din id-definizzjoni huma Profesisonal Officers III A (I.T.)., Project Manager (I.T.), Systems Analyst (I.T.) Għall-maġġoranza ta’ l-uffiċjali mpjegati mat-Tax Compliance Unit ix-xogħol ser jikkonsisti f’verifka ta’ Accounts u investigazzjonijiet ta’ kumpaniji u/jew individwi fin-negozju fejn ikun hemm suspett ta’ evażżjoni jew frodi ta’ taxxa. Uffiċjali mal-Gvern li jistgħu jagħmlu dan it-tip ta’ xogħol li jirrikjedi esperjenza fl-industrija u l-kummerċ, barra preparazzjoni akkademika, huma ftit.
Leg 9 PQ #24369 Sitting 522 2001-03-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema uffiċjali għolja taċ-ċivil ġew avviċinati nformalment mis-sur Richard Cachia Caruana biex jibdew jiktbu taħt psewdonimu favur sħubija fl-Unjoni Ewropea fil-ġurnali lokali bl-ingliż? Kemm minnhom aċċettaw li jagħmlu dan?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jien infurmat li m’huwiex minnu dak li qed jallega l-Onorevoli Interpellant.
Leg 9 PQ #24344 Sitting 521 2001-03-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Promozzjoni

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex il-promozzjoni tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija fil-kariga ta' assistant prinċipal ma tiġix backdated għal Jannar 1998 bħal ta' impjegati simili?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jiena nfurmat li d-data effettiva tal-ħatra ta’ uffiċjal f’kariga pubblika hi dik id-data ta’ meta l-ħatra tkun ġiet approvata. Fil-każ tal-persuna li għaliha qiegħed jagħmel riferenza l-Onorevoli Interpellant, il-ħatra ġiet approvata f’Novembru 1998.

Naxxar

Question

Jista' l-Ministri jgħid meta se jsir ix-xogħol meħtieġ biex Triq in-Nissieġ fin-Naxxar tingħaqad ma' Vjal 21 ta' Settembru? X'qed iżommu milli jsir dan ix-xogħol?

Response (GALEA, ĊENSU)

Tlabt lid-Dipartiment tat-toroq jara f`hiex wasal l-iżvilupp ta` din it-triq.

Supplementary Benefit

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jiġi kkoreġut l-iżball li sar fid-data personali tal-l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija li mhux qed jingħata s-supplementary benefit (mill-1999 'l hawn) li hu ntitolat għalih u li tilfu minħabba dħul doppju tal-mara u raġel minkejja li l-kotba tal-bank tal-persuna juru mod ieħor?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
Leg 9 PQ #24347 Sitting 521 2001-03-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Dokumenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid hemmx xi problemi biex persuna tuża bl-istess faċilita' dokumenti bħal passport, liċenzja tas-sewqan, karta ta' l-identita bl-istess ekwilvalenza u piż meta juża s-servizzi pubbliċi bħal pulizija, ETC, Dipartiment tat-Taxxa u tas-sigurta' soċjali eċċ?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-Att dwar il-Karti ta’ l-Identità Kap 258 jiddefinixxi l-karta ta’ l-identità bħala dokument maħruġ lil persuna bil-għan li jidentifika lil dik il-persuna mentri l-iskop li għalih jingħataw iż-żewġ dokumenti l-oħra, il-passaport u l-liċenzja tas-sewqan, huwa għal kollox differenti. Uħud mis-servizzi pubbliċi huma limitati għal persuni li jkunu residenti f’Malta. Peress li Maltin li jgħixu f’pajjiżi barranin jistgħu jkollhom fil-pussess tagħhom passaport jew liċenzja tas-sewqan maħruġa f’isimhom u persuni ta’ nazzjonalità barranija li mhumiex residenti Malta jista’ jkollhom liċenzja tas-sewqan Maltija, jista’ jkun hemm każijiet fejn ma jkunx possibbli li d-dipartimenti konċernati jaċċettaw passaport jew liċenzja tas-sewqan bħala prova ta’ residenza f’Malta.
Leg 9 PQ #24348 Sitting 521 2001-03-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Allowance

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jistgħux jittieħdu passi biex l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija fl-aħħar jitħallas il-Lm 150 li għandu jieħu bħala allowance u l-Ministru stess fil-parlament xhur ilu kien qal li se jitħallas?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-għalliem indikat diġa' qed jirċievi d-Diploma qualification allowance u ser jingħata l-arretrati fil-paga ta' dan ix-xahar.
Leg 9 PQ #24349 Sitting 521 2001-03-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Raħal Ġdid

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jistgħux jittieħdu passi biex l-art tal-btieħi interni tal-bini tal' -iskejjel primarji ta' Raħal Ġdid issir b'materjal artab biex it-tfal ma jweġġgħux?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li mhux prattikabbli li l-btieħi ta' l-Iskejjel Primarji tar-Raħal il-Ġdid jinksew kollha bis-soft flooring. Is-soft flooring jintuża taħt apparat tal-logħob biex iħares it-tfal milli jweġġgħu jekk jaqgħu minn ċertu għoli. Fil-fatt, id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni se toħroġ sejħa għal tender li fost xogħlijiet oħra, hemm dak ta' kisi b'materjal artab parti mill-bitħa ta' Skola 'A' biex b'hekk it-tfal ikunu jistgħu jużaw apparat tal-logħob mixtri mill-awtoritajiet ta' l-istess skola.

Djar — Akkomodazzjoni Alternattiva

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jiġi rranġat appuntament bejn il-koppja vittma ta' l-użura li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija mad-Direttur tal-Housing biex jiddiskutu miegħu l-problema ta' akkomodazzjoni alternattiva?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-persuni indikati m'għandhom l-ebda applikazzjoni mad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali. Il-persuni għandhom imorru d-Dipartiment u jaraw waħda miż-żewġ Social Workers li għandu u jitkellmu magħha.
Leg 9 PQ #24339 Sitting 520 2001-03-26 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Santa Luċija Junior Lyceum

Question

Jista' l-Ministru jivverifika rapporti li fil-Junior Lyceum Margaret Mortimer ta' Santa Luċija, tfal li jinstabu li għandhom xi nuqqasijiet fil-ħwejjeġ qed jiġu mmultati 75c? Jekk jirriżulta li veru, hemm permess biex jingħataw dawn il-multi, b'liema awtorita' u f'liema awtorita' u f'liema qafas legali qed isiru dawn il-multi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-Iskola indikata, ma jirriżultax li ngħatat xi multa ta' 75c lit-tfal li nstabu li għandhom xi nuqqasijiet fil-ħwejjeġ.
Leg 9 PQ #24340 Sitting 520 2001-03-26 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Raħal Ġdid

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jittieħdu l-passi meħtieġa biex l-iskejjel primarji ta' Raħal Ġdid ikollhom il-provvista tad-dawl 3-phase biex ikunu jistgħu jużaw prodotti elettro -domestiċi bħal fannijiet meħtieġa anke għal tfal b'diżabilita' li jattendu dawn l-iskejjel?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li t-Taqsima tal-Bini ta' l-Iskejjel tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni għamlet talba, u qed tistenna risposta, lill-Korporazzjoni Enemalta biex tagħtiha stima għall-upgraging tal-provvista ta' l-elettriku fil-kumpless ta' skejjel primarji fir-Raħal il-Ġdid.
Leg 9 PQ #24341 Sitting 520 2001-03-26 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Raħal Ġdid

Question

Jista' l-Ministru jara li jsir pjan ta' azzjoni biex jiġu mibdula t-twieqi fl-iskejjel primarji ta' Raħal Ġdid li ilhom snin twal ma jistgħux jinfetħu, b'inkonvenjent u periklu għall-għalliema u studenti ta' l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni flimkien ma' l-awtoritajiet ta' l-iskejjel primarji u l-Kunsill Lokali tar-Raħal il-Ġdid se jibdew taħditiet biex jaraw liema xogħol hu bżonnjuż li jsir fil-futur qrib. Minbarra l-aperturi ta' kullimkien ('il fuq sew minn mitt tieqa u bieb), jinħtieġ ukoll tibdil tal-madum kollu fis-sular t'isfel u żebgħa tal-klassijiet u kuriduri. Minħabba l-ispejjeż kbar u l-ħin qasir (vaganzi) disponibbli, dawn ix-xogħlijiet ma jistgħux isiru f'daqqa.
Leg 9 PQ #24342 Sitting 520 2001-03-26 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Ambjent

San Ġiljan — Ħsarat Strutturali

Question

Jista' l-Ministru jara jekk jistgħux jintbagħtu periti tal-gvern jeżaminaw l-ħsarat strutturali li saru fil-bini ta' 57, Triq Spinola, San Ġiljan (ritratti qed jintbagħtu separatament) mill-kuntrattur li kien qed jaħdem fuq il-bini li jmiss ma' dan il-fond?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra rapport li sar mill-Perit inkarigat mid-'Dangerous Structures' tad-Dipartiment tal-Bini u Inġinerija fit-Taqsima tax-Xogħlijiet. Dan ir-Rapport ġie mgħoddi lill-Pulizija ta' tas-Sliema fid-9 ta' Marzu 2001 biex dawn jieħdu l-passi meħtieġa.
Leg 9 PQ #24343 Sitting 520 2001-03-26 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment ta' l-Artijiet — Fidi ta' Ċens

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed iżomm milli jinfeda ċ-ċens mill-familja li tgħix fuq plot 48, Triq l-Għenieq, Naxxar li d-dettalji qed jintbagħtu separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-enfitewta tal-plot li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant għandha tagħmel talba bil-miktub lill-Uffiċċju Konġunt biex tkun tista` tifdi skond kif stipulat fil-kuntratt.
Leg 9 PQ #24332 Sitting 519 2001-03-21 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Kulleġġ tal-Biedja

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'rabtiet hemm bejn il-kulleġġ tal-Biedja u l-Istitut tal-Biedja fl-Universita'? Xi pjani hemm biex aktar studenti mill-kulleġġ ikollhom iżjed aċċess għall-kors fl-Universita'

Response (GALEA, LOUIS)

Ma hemm ebda rabta formali bejn il-Kulleġġ tal-Biedja u l-Istitut ta' l-Agrikultura ta' l-Universita`. Għal ħafna żmien il-Kap tal-Kulleġġ kien membru (co-opted) tal-Bord ta' l-Istitut, imma l-Kap ta' l-Istitut qatt ma kien membru tal-Bord tal-Kulleġġ. Informat li l-aċċess għall-kors fl-Universita` diġa` jeżisti b'mod adekwat. Minn naħa l-oħra qed insegwi mill-qrib l-iżvilupp tal-Kulleġġ Vokazzjonali fejn ser ikollna l-Istitut ta' l-Agri-kummerċ biex nassiguraw li dan il-qasam ta' sudju u taħriġ jiżvluppa b'mod tajjeb u bil-koordinament meħtieġ.