Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #24702 Sitting 529 2001-04-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

Direttur tal-Kuntratti — Tender Documents

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx ix-xogħol meħtieġ biex issir is-sejħa pubblika msemmija f'mistoqsija parlamentari nru. 23482 li oriġinarjament saret lilll-Ministru għall-Politika Soċjali u li kienet tgħid hekk: Jista' jgħid fiex waslet l-applikazzjoni HAV78/99 quddiem l-awtorita' tad-djar, tal-persuna li isimha qed jitnbagħat separatament?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li s-sejħa għall-offerti għada ma ġietx ippublikata mid-Dipartiment tal-Kuntratti għar-raġuni li d-dokument kif ippreżentat mill-Awtorita tad-Djar kien jinħtieġ numru ta' modifikazzjonijiet.
Leg 9 PQ #24703 Sitting 529 2001-04-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Ħabsin Maltin

Question

Jista' l-Ministru issa jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 24158?

Response (BORG, JOE)

Qieghed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' Maltin li huma mixlija b'reati kriminali u oħrajn li jinsabu jservu sentenza ta' ħabs f'pajjiżi barranin. Nixtieq ngħid lill-Onorevoli Interpellant li mhux possibbli li tinġieb l-informazzjoni mitluba fir-rigward ta' pajjiżi fejn Malta m'għandhiex rappreżentanza.
Leg 9 PQ #24704 Sitting 529 2001-04-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Madliena — Triq il-Majjistral - Ħajt

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet s'issa u b'liema riżultati t-taqsima proprjeta dwar il-każ imqajjem f'mistoqsija parlamentari nru. 23056 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni u li kienet tgħid hekk: Jista' jgħid xi żgħviluppi kien hemm fl-aħħar ħames xhur dwar il-każ li beda jinvestiga d-dipartiment tat-toroq wara li ttella' ħajt fi Triq il-Majjistral, Madliena? X'passi ttieħdu jew hemm il-ħsieb li jittieħdu? Meta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-twaqqiegħ ta’ dan il-ħajt għalissa ġie sospiż minħabba li hemm żewġ kawżi quddiem il-Qorti li jikkonċernaw il-ftuħ ta’ Triq il-Majjistral, Madliena fejn ittella` l-ħajt.
Leg 9 PQ #24705 Sitting 529 2001-04-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Sliema — Xatt

Question

B'riferenza għal dak li deher f'"The Times" tal-Ġimgħa 23 ta' Frar 2001, fil-paġna ta' l-ittri bit-titolu "Sliema Hotels Cooperation", xi ħsieb għandu l-gvern dwar ix-xatt indikat peress li jingħad il-kliem: "we have only very recently been given the green light to the management contract in question"? Liema parti tax-xatt Slimiż se taqa' taħt dan il-management contract? B'liema kundizzjonijiet? Tqis l-impatt li se jħalli fuq in-nies li jużaw dan ix-xatt?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #24706 Sitting 529 2001-04-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

San Ġiljan — Waterpolo Club - Pixxina

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn Settembru 1998 sal-lum xi sforzi saru mill-ministeru biex isir magħruf x'sar mis-Lm60,000 li kienu ngħataw biex issir il-pixxina tal-waterpolo club ta' San Ġiljan? X'passi se jittieħdu dwar dawn il-fondi pubbliċi matul is-sena 2001?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub qed jiġi verifikat u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #24695 Sitting 528 2001-04-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Kotba

Question

Jista' l-Ministru jgħid hemmx xi kumitat li jirrikmanda x'kotba jintużaw fl-iskejjel primarji u sekondarji? Fil-każ li iva, minn min hu ffurmat dan il-kumitat? Fil-każ li le, min qed jiddeċiedi bħalissa liema kotba jintużaw fl-iskejjel imsemmija?

Response (GALEA, LOUIS)

Kif jaf kulħadd uħud mill-kotba ilhom jintużaw, u ser isir eżerċizzju biex jiġu aġġornati fid-dawl tal-kurrikulu l-ġdid. Qed nikkonsidra li jitwaqqaf kumitat li jkun f'qagħda aħjar biex jirrakomand x'kotba jintużaw fl-iskejjel. Normalment kotba ġodda jkunu magħżula minn bord immexxi mill-Uffiċjal Edukattiv tas-suġġett u magħmul mill-ko-ordinaturi tas-suġġett u minn numru ta' għalliema. Dawn flimkien jagħmlu 'review' ta', jekk jista' jkun, iżjed minn ktieb wieħed qabel ma jaslu għal deċiżjoni. Dawn il-bordijiet qegħdin jagħmlu wkoll proġetti pilota li jinvolvu l-iskejjel fl-istħarriġ ta' kemm hu tajjeb ktieb. Qed tiżdied ukoll l-opportunita` li l-iskejjel jagħżlu l-kotba tagħhom f'ċerti oqsma bħal dawk tal-letteratura Ingliża u Taljana. Dan dejjem isir taħt gwida miċ-Ċentru.
Leg 9 PQ #24696 Sitting 528 2001-04-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Għalliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm għalliema matul din is-sena skolastika li applikaw għal postijiet ta' subject co-ordinators u assistant heads? Kemm kien hemm postijiet li jridu jimtlew?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li 16-il għalliem/a applikaw għall-post ta' 'Subject Co-ordinator' fil-primarja fejn hemm 25 post vakant u 104 għalliem/a applikaw għall-post ta' 'Subject Co-ordinator' fis-sekondarja fejn bħalissa hemm madwar 25 post vakant. Matul din is-sena kien hemm sejħa għal postijeit ta' Assistant Heads fis-settur sekondarju. Applikaw 127. Postijiet li jridu jintlew sal-lum hemm 3.
Leg 9 PQ #24697 Sitting 528 2001-04-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm postijiet vakanti għal kapijiet ta' skejjel? Fejn jinsabu? Kien hemm sejħiet biex jimtlew? Kemm applikaw? Kemm intgħażlu? X'fadal postijiet battala?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fis-settur Edukattiv Post-Sekondarju jeżistu tliet postijiet vakanti għal kapijiet ta' skola. Dawn jinstabu fl-Iskola Nawtika, fl-Istitut Tekniku Sir Mikielanġ Sapiano ta' Raħal Ġdid u fil-kumpless Post-Sekondarju Sir Mikielang Refalo ta' Victoria, Għawdex. Kien hemm sejħa biex jimtela' l-post ta' l-Istitut Tekniku iżda ħadd ma applika. Kien hemm sejħa oħra biex jimtela' l-post ta' Għawdex, iżda għal hemmhekk ukoll ħadd ma applika. L-iskola Nawtika istennija li tifforma parti mill-Kulleġġ ta' l-Arti Xjenza u Teknoloġija f'Ottubru 2001. Galdaqstant il-Bord ta' Gvernatur ta' dan il-Kulleġġ se jieħdu l-passi neċesarji biex jimpjega l-Kap ta' dan l-Istitut. Sadattant dawn it-tliet skejjel qegħdin jitmexxew minn Aġent Kap.
Leg 9 PQ #24698 Sitting 528 2001-04-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Ktieb - Master IT

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ġiex ikkunsidrat li fl-iskejjel tal-gvern jintuża l-ktieb Master IT ta' Victor Agius? X'deċiżjoni ttieħdet dwaru? Fuq liema kriterji ttieħdet din id-deċiżjoni? Liema strutturi u persuni ħadu din id-deċiżjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ktieb Master I.T. ta' Victor Agius qatt ma tqiegħed biex ikun ikkunsidrat għal użu fl-iskejjel tal-gvern u ma ttieħdet ebda deċiżjoni fuqu.
Leg 9 PQ #24699 Sitting 528 2001-04-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Studenta bi Bżonnijiet Speċjali

Question

Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi serji biex l-istudenta li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li tattendi l-iskola Sir Luigi Preziosi jkollha l-opportunita' tieħu edukazzjoni b'computer adattat għal bżonnijiet tagħha?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-iskola qed tagħmel il-kuntatti meħtieġa biex tistħarreġ din il-possibilita`.
Leg 9 PQ #24700 Sitting 528 2001-04-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Dinja tax-Xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema skejjel sekondarji ġew imdaħħla fl-iskema ta' sħubija ma' kumpanniji privati biex jissaħħu r-rabtiet bejn l-edukazzjoni u d-dinja tax-xogħol? Liema huma dawn il-kumpanniji privati? X'ħidma twettqet s'issa f'din l-iskema ta' sħubija?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-iskejjel Sekondarji li ġew imdaħħla fl-iskema ta' sħubija ma' kumpaniji privati biex isaħħu r-rabtiet bejn l-edukazzjoni u d-dinja tax-xogħol kienu: Lorenzo Gafa' mal-Malta Drydocks Vincenzo Buġeja ma' numru ta' lukandi Tereża Nuzzo mas-Segretarjat għall-kura ta' l-anzjani Fra Diego Bonanno ma' numru t'a stabilimenti - lukandi. L-istudenti ġew inrodotti għall-ħajja tax-xogħol billi pparteċipaw fix-xogħol ta' l-azjenda. F'xi każi fejn l-istudenti kienu fl-aħħar sena ta' l-iskola ġew offruti mpieg fiss. Il-kuntatti bejn l-iskejjel u d-dinja tax-xogħol joktru fil-futur qrib billi ser jiżdiedu wkoll dawn il-kuntatti oħra: Sir Temi Żammit - Mtarfa ma' Attard Bros, Ta' Qali F.X. Attard - Marsa mal-MultiGas Vincenzo Borg Brared - B'Kara mal-Vodafone Ġuże' D'Amato - Paola mal-Water Services Corporation Dun Karm Psaila - Żebbuġ mat-Toyota Antonio Bosio - Gżira mal-Golden Harvest Sar il-Business Link Agreement mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u mill-F.O.I. Saru l-kuntatti mal-kapijiet ta' l-iskejjel u l-Business Partners. Se tiġi inawgurata din il-Business Link li fiha se jiġu ffirmati l-kuntratti.
Leg 9 PQ #24689 Sitting 527 2001-04-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Korporazzjoni Maltija għall-Iżvilupp — Eviction Orders

Question

Jjikkonferma l-Ministru li l-Korporazzjoni Maltija għall-Iżvilupp minn Settembru 1998 sal-lum ħarġet eviction orders lil mill-inqas 14-il fabbrika f'Kordin, il-Marsa, il-Mosta, Ħal Far, Attard, Luqa u Rikasoli? Kemm minn dawn l-ordnijiet ġew infurzati? Liema fabbriki ġew milquta? Għaliex ħarġu l-eviction orders? X'xogħol kienu jagħmlu u kemm kellhom ħaddiema magħhom?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li bejn Settembru 1998 u Marzu 2001 ħarġu sebgħa u għoxrin "eviction orders" li minnhom ġew finalizzati tnax. Tajjeb jingħad li "eviction order" tinħareġ minħabba li jirriżulta li kien hemm nuqqas serju ta' ħarsien tar-regolamenti essenzjali li jorbtu l-allokament ta' fabbrika skond kif provdut fl-Att dwar l-Iżvilupp Industrijali. Minħabba d-dispożizzjoni dwar kunfidenzjalita' kontemplata fl-imsemmi Att, l-informazzjoni mitluba dwar il-fabbriki involuti ma tistax tingħata.
Leg 9 PQ #24690 Sitting 527 2001-04-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Computers

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul din is-sena skolastika, x'xogħol sar minn uffiċjali tad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni biex jiġi verifikat x'użu qed isir mill-computers li hemm installati fl-iskejjel primarji tal-gvern? Jirriżulta li hemm klassijiet li ftit li xejn qed jużaw dawn il-computers bħala parti mill-edukazzjoni tat-tfal?

Response (GALEA, LOUIS)

Biex titrawwem kultura fl-użu effettiv tal-computer fil-klassi, id-Dipartiment tal-Kurrikulu qed jibgħat fl-iskejjel grupp ta' tlettax-il għalliem li huma kkwalifikati u mħarrġa f'dan il-qasam. Dawn iduru l-iskejjel regolarment, jgħinu u jħarrġu lill-għalliema fil-klassijiet. Infatti bejn Jannar u April ta' din is-sena dawn l-għalliema ser ikunu żaru kull klassi għal madwar tliet darbiet. Din is-sistema qed tkun effettiva u ġa jidhru riżultati pożittivi. Informat ukoll li qed jiġu organizzati korsijiet għall-għalliema biex inkomplu nsaħħuhom f'dan il-qasam. Infatti għall-korsijiet ta' filgħaxija li ser jibdew fl-aħħar ta' April, kien hemm rispons qawwi mill-għalliema.
Leg 9 PQ #24691 Sitting 527 2001-04-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Stati Uniti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid fejn waslu l-isforzi tal-gvern biex il-President u l-Prim Ministru jżuru l-Istati Uniti bħala mistednin tal-President Amerikan George W Bush? Meta hemm il-ħsieb li ssir din iż-żjara?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ir-relazzjonijiet ma’ l-Istati Uniti huma fost l-aktar b’saħħithom li jgawdi pajjiżna. Jidher li l-Onorevoli Interpellant għandu nformazzjoni li l-Gvern m’għandux.
Leg 9 PQ #24692 Sitting 527 2001-04-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

President Muammar Gaddafi

Question

Jikkonferma l-Ministru li sa l-aħħar ta' din is-sena għandu jżur Malta l-President Libjan Muammar Gaddafi?

Response (BORG, JOE)

Għadhom ma ġewx stabbiliti dati għal żjara f'Malta mill-President Muammar Gaddafi.
Leg 9 PQ #24693 Sitting 527 2001-04-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Lija - Skola Primarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex it-tfal li jmorru fl-iskola primarja ta' Ħal-Lija ma jkunux fil-periklu li jintlaqtu minn mini-buses u karozzi ta' l-għalliema fl-ispazju fejn ikunu jilagħbu t-tfal qabel u wara l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fit-triq ta' l-iskola hemm sinjal li juri li karozzi ma jistgħux jidħlu f'ħinijiet waqt id-dħul u l-ħruġ ta' l-istudenti mill-iskola. Ikun hemm ukoll pulizija biex jara li dawn is-sinjali jiġu obduti.

Djar — Akkomodazzjoni Soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'kunsiderazzjoni serja ngħataw s'issa l-applikazzjonijiet 687/99 u 470/2000 tal-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li għandhom bżonn urġenti ta' akkomodazzjoni alternattiva peress li dik preżenti mhix tajba għal binthom li għandha bżonnijiet speċjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-familja li tagħha intbagħtu d-dettalji m'għandha l-ebda applikazzjoni mad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
Leg 9 PQ #24516 Sitting 526 2001-04-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Electronic Transfer of Funds

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif se taħdem l-electronic transfer of funds system for the students maintenance grants? Meta se tibda titħaddem?

Response (GALEA, LOUIS)

L-Electronic Transfer of Funds system għall-Għotjiet ta' Manteniment lill-Istudenti se tapplika għal dik il-parti mill-għotja li titħallas f'Ottubru ta' kull sena akkademika, maħsuba biex tkopri parti mill-ispejjeż għall-kotba kif ukoll Lm400 li jingħataw darba biss lill-istudenti ta' l-Universita`. Għal dan l-iskop ħarġet sejħa għall-offerti li l-Kumitat tal-Kuntratti aġġudika u s-sistema mistennija tidħol fis-seħħ fil-bidu tas-sena akkademika li jmiss. Permezz ta' din is-sistema, l-istudenti Universitarji u dawk f'istituzzjonijiet Post Sekondarji, se jingħataw card li biha jkunu jistgħu jixtru l-kotba u apparat ieħor li jgħinhom fl-istudji tagħhom, minn ħwienet awtorizzati. L-istudent jippreżenta l-card lil tal-ħanut u jħallas biha. L-ammont dovut minnu mbagħad jitnaqqas mill-kont tiegħu sakemm jagħmel użu mill-flus li hu intitolat għalihom. Il-Bord għall-Għotjiet ta' Manteniment lill-istudenti ħareġ sejħa għal dawk il-ħwienet li jbiegħu l-kotba u l-materjal imsemmi biex jidħlu f'din l-iskema u jsiru bejjiegħa awtorizzati.
Leg 9 PQ #24517 Sitting 526 2001-04-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

Electronic Transfer of Funds — Authorised Dealers

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-authorised dealers li se jiddaħlu fis-sistema ta' l-electronic transfer of funds for the students maintenance grants? Kif intagħżlu ? F'liema oqsma tal-bżonnijiet ta' studenti se joffru servizzi?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob l-Onorevoli Interpellant jgħaddi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Djar — Akkomodazzjoni Soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'kunsiderazzjoni qed jagħti d-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali lill-applikazzjoni H001698 - dokument mibgħut separatament - peress li l-familja għaddejja minn problema serja u għandha bżonn li tiġi mgħejjuna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-każ qiegħed ikun ikkunsidrat flimkien ma każijiet oħra b'ċirkustanzi simili jew aktar urġenti.