Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #24810 Sitting 533 2001-04-25 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Stadium Nazzjonali — Manutenzjoni

Question

Bħala Ministru responsabbli mill-isport, jista' jgħid jekk qattx saret talba mill-awtoritajiet tal-football biex jiġi irranġat il-carpark ta' l-Istadium Nazzjonali fejn m'hemmx dawl u lanqas tarmac? Jista' jgħid x'talba saret? Meta? X'kienet it-tweġiba tal-Ministeru? Saru xi laqgħat dwar dan? Meta? Minn min? X'inhi l-pożizzjoni tal-gvern dwar dan?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat illi l-imsemmi car park maġenb l-Istadium Nazzjonali f'Ta' Qali kien ġie mgħoddi lill-Malta Football Association b'Riżoluzzjoni tal-Parlament approvata fis-seduta Numru 130 tal-31 ta' Ottubru 1997. Għaldaqstant l-MFA hija responsabbli għal kwalunkwe manutenzjoni li tkun meħtieġa fil-faċilitajiet sportivi u areas oħra imsemmija fir-Riżoluzzjoni.
Leg 9 PQ #24725 Sitting 532 2001-04-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Malta Institute of Accountants

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk itteħdux passi mill-Ministeru wara l-ittra li rċieva minn 17-il student tat-tielet sena li għamlu l-eżamijiet tal-Malta Institute of Accountants, liema ittra ġġib id-data tas-7 ta' Frar, 2001? X'passi ttieħdu? Jinħass il-bżonn li l-awtoritajiet edukattivi jaraw sew x'qed jiġri u jinvestigaw l-ilmenti mqajjma fl-ittra msemmija?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-pass li ttieħed wara li rċevejt kopja ta' ittra li l-istudenti bgħatu lill-Malta Institute of Accountants, kien li l-Ministeru kiteb lill-Institute biex jara xi żviluppi kienu seħħew dwar l-ilment ta' l-istudenti. Il-Malta Institute of Accountants irrispondew billi spjegaw il-proċeduri tagħhom dwar kif janalizzaw u jirrevedu r-riżultati ta' l-eżamijiet tagħhom. Qalu wkoll li l-Education Committee tagħhom, dwar dan il-każ, mexa ma' dawn il-proċeduri, u kkonkluda li r-riżultat għandu jibqa' kif kien. Naqbel li l-awtoritajiet edukattivi għandhom jaraw sew x'qed jiġri. Għaldaqstant, issa li rċevejt il-pożizzjoni tal-Malta Institute of Accountants, ser nitlob lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni biex tinvestiga l-ilmenti mqajjma fl-ittra msemmija.
Leg 9 PQ #24726 Sitting 532 2001-04-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

Malta Institute of Accountants

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu mill-Ministeru dwar l-ilmenti mqajjma f'ittra mibgħuta lilu minn 17-il persuna bid-data 7 ta' Frar 2001, dwar kif ġew ittrattati mill-Malta Institute of Accountants dawk li għamlu l-eżamijiet tat-tielet sena?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li jiena nfurmat li wara li rċieva kopja tal-ittra msemmija mill-Onorevoli membru, l-ministeru kiteb lill-Malta Institute of Accountants u issa qiegħed jistudja r-risposta li ngħatatlu.
Leg 9 PQ #24727 Sitting 532 2001-04-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Sptarijiet — Parking

Question

Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi biex fl-isptar jibda jkun hemm spazju żgħir riżervat għal dawk li jmorru jiġbru l-qraba tagħhom li jkunu għadhom kemm ġew mibgħuta mill-isptar, peress li qed jiġri li karozzi li jidħlu biex jiġbru dawn il-persuni ġieli qed jeħlu ticket għax mhux ikollhom fejn jipparkjaw sakemm jiġbru lill-qraba, liema ħaġa żgur ma tagħmilx sens peress li dawk li jkunu għadhom kemm għamlu xi operazzjoni żgur li ma jkunux jifilħu jimxu ħafna?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li l-proċedura hi li jekk min ikun ser jiġbor il-qraba jinforma lill-Uffiċċju tas-Security fuq r-raġuni taż-żjara tiegħu minn qabel, post għall-parking jkun provdut viċin il-Main Entrance ta` l-isptar.
Leg 9 PQ #24728 Sitting 532 2001-04-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Europe (Believe in it!)

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa l-attivita' mtella' mal-Ministeru ta' ta' l-Edukazzjoni fil-Corinthia Palace Hotel f'Attard nhar id-9 ta' Marzu, 2001 bl-isem ta' "Europe? (believe ini it!")? Kemm ħarġu flus dawn l-entitajiet li ġejjien biex tkun tista' ssir l-attivita'? (1) Il-Ministeru stess; (2) il-Kummissjoni Ewropea; (3) il-Junior College; (4) Centro di Coordinamento Info Eurogente?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-laqgħat preliminiari għal dan il-proġett kull istituzzjoni li ħadet sehem daħlet fi ftehim maċ-Centro di Co-ordinamento Infoeurogente ta' Benevento, li kien ħa f'idejh l-organizzazzjoni ta' dan il-proġett mingħand il-Kummissjoni Ewropeja Għall-Kultura, fuq bażi tan-natura tal-post u ċ-ċirkostanzi li fihom kellhom isiru dawn il-laqgħat. Dawn id-diskussjonijiet kienu jiġbru fihom mhux biss l-aspett finanzjarju iżda anki dak edukattiv u organizzattiv. Għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-aspett finanzjarju ġie miftiehem li ċ-Centro Infoeurogente jgħaddi somma flus lil kull parteċipant skond iċ-ċirkostanzi li jvarjaw minn pajjiż għall-ieħor. Ma Malta intlaħaq dan il-ftehim: 1. Iċ-Centro jgħaddi lis-sieħba Maltin ħames miljuni liri taljani u jkopri l-ispejjeż ta' vjaġġar ta' l-istudent u l-għalliem għall-pajjiż li fih tkun ser issir il-laqgħa, jiġifieri għall-Italja (Duino u Marcone), l-Ungerija (Ngykanizsa) u l-Ingilterra (Halifax). Il-partners Maltin għandhom jissottomettu liċ-Centro b'għaxar miljuni liri taljani f'irċevuti li ċ-Centro jrid jgħaddi lill-Kummissjoni Ewropeja. B'hekk iċ-Centro jkun jista' jagħti refund ta' nofs din is-somma ta' għaxar miljuni liri taljani. 2. Il-partners Maltin jidħlu responsabbli għall-organizzazzjoni tal-Konferenza li ssir Malta u jkopru l-ispejjeż ta' vjaġġar tal-mistiedna barranin. Meta wieħed jagħmel kalkolu jsib li l-ispejjeż minn naħa Maltija jitilgħu għal madwar elfejn u ħames mitt lira Maltin (Lm2,500) li minnhom ser jidħlu lura madwar nofshom. Tajjeb li wieħed jiżen dawn l-ispejjeż mal-ġid li ħareġ minn din l-inizjattiva. L-istudenti tal-Junior College kellhom l-opportunita` jiddiskutu ma' żgħażagħ barranin topics ta' importanza bħal dawk ta' Solidarjeta`, Demokrazija, Tolleranza, Difiża tat-tradizzjonijiet u Kultura bħala mezzi ta' integrazzjoni tal-popli.
Leg 9 PQ #24729 Sitting 532 2001-04-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Konsulenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħa l-Ministeru biex jinvestiga konflitti ta' interess meta persuni fl-Awtorita' ta' l-Ippjaanar, inkluż iċ-chairman, ikollhom xogħol ta' konsulenza fuq proġett li għandhom bżonn il-permessi ta' l-Awtorita' biex jimxu 'l quddiem? Fejn waslu dawn il-passi?

Response (BORG, TONIO)

S`issa mill-informazzjoni li jirriżulta lili, ma hemmx każi li fihom xi uffiċjali li kellhom jiddikjaraw xi nteress ma ddikjarawhx. Jekk l-Onor. Membru jaf b`xi każijiet fejn uffiċjali kellhom jiddikjaraw xi konflitt ta` interess u ma ddikjarawhx, nitolbu jinfurmani bihom.
Leg 9 PQ #24730 Sitting 532 2001-04-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Sec — Sillabu - Physics

Question

Jista' l-Ministru jgħid min ħa sehem fit-tfassil tas-sillabu Sec tal-physics (Sec24) għas-snin 2002-2003? X'konsultazzjoni saret ma' l-għalliema tal-physics fl-iskejjel ta' l-Istat, Knisja u privati? X'taħriġ sar s'issa, u x'taħriġ se jsir fis-sena 2001 biex iħejji lill-għalliema għal bidliet proposti? X'passi ttieħdu biex l-istudenti jkollhom il-materjal edukattiv rilevanti għas-sillabu l-ġdid, meta tqis li l-kotba li għandhom l-istudenti bħalissa ma jkoprux l-oqsma kollha tas-sillabu l-ġdid? X'bidliet fih is-sillabu l-ġdid meta mqabbbel ma' dak ta' qablu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-sillabu tas-SEC tal-Physics għas-sena 2000-2003 tfassal mill-Bord tal-Physics tal-MATSEC. Dan jirrappreżenta lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, l-Universita` ta' Malta u l-iskejjel kollha Maltin kemm tal-Gvern kif ukoll dawk li mhumiex. Dan il-Kumitat iltaqa' madwar għaxar darbiet u kellu għad-dispożizzjoni tiegħu riċerka empirika msejsa fuq kwestjonarju li sar fost l-għalliema tal-Fiżika. Barra minn hekk, kien hemm konsultazzjoni sħiħa ma' l-għalliema tal-Physics permezz ta' żjarat formali u informali fl-iskejjel fejn jitgħallem dan is-suġġett, permezz ta' korsijiet ta' aġġornament li jsiru ta' kull sena, kif ukoll laqgħat ta' kull ġimgħa mal-koordinaturi tas-suġġett. Ġejt ukoll informat li dan it-tibdil sar fid-dawl ta' l-iżviluppi li qed isiru f'dan il-qasam u li nsibuhom riflessi f'materjal edukattiv prodott internazzjonalment kif ukoll sillabi internazzjonali oħra. F'din l-inizjattiva ttieħdu inkonsiderazzjoni l-ħtiġijiet ta' l-istudenti ta' Malta. Dwar il-materjal edukattiv relevanti għas-sillabu l-ġdid hija l-prattika li l-għalliema joħolqu huma dan il-materjal permezz ta' riċerka għal rashom, kif ukoll flimkien mat-taqsima tal-Fiżika fid-Dipartiment tal-Kurrikulu. Assigurawni li fir-realta` ma hawn ebda text-book wieħed li jiġbor fih sillabu b'mod komplut u assolut. Fis-sillabu l-ġdid tneħħew fost oħrajn dawn it-taqsimiet: Vectors and Scalars, Moment of a couple, Knowledge and use of ticker-timer, Refractive Index in terms of angles, Quantitive approach to Critical Angle, Stationary Waves - Fundamental note and harmonies, Barometer, Manometer, Latent Heat, Section on Kinetic Theory, Gold Leaf Electroscope, Formula for Resistors in parallel, Section on Electronics. Żdied: Section on the Physics of the Universe, Ultra Sound, Renewable and non-renewable resources of energy. Kif jidher minn hawn fuq kien hemm tnaqqis sostanzjali fis-sillabu. Dan hu konformi mal-politika ta' sillabi li jkunu qrib l-istudenti kif inhi l-prattika tat-tagħlim fi żmienna.

Naxxar — Prison Street

Question

Jista' l-Ministru jgħid b'liema dritt sar il-kliem Keep Clear quddiem arkata li minnha lanqas tgħaddi karozza fi Prison Street in-Naxxar? Min awtorizza li jsir dan il-kliem? Min talab li jsir dan il-kliem?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-kliem keep clear inkwestjoni ma kienux awtoriżżati mill-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku. Il-Bord ġibed l-attenzjoni tal-Kunsill Lokali dwar dan u ġie nfurmat li l-marki ta` keep clear ġew imneħħija.
Leg 9 PQ #24714 Sitting 531 2001-04-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni u Kultura — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm kuntratturi li qed jistennew li jitħallsu għal xogħlijiet li għamlu f'oqsma differenti li jaqgħu taħt il-ministeru ta' l-edukazjzoni u kultura? F'kull każ min huma dawn il-kuntratturi? F'kull każ x'xogħlijiet għamlu? F'kull każ xi ħlas huma intitolati għalih? X'qed iżomm milli jitħallsu? Meta se jitħallsu?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #24715 Sitting 531 2001-04-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Ambjent

Mellieħa — Insib

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'diffikultajiet ġodda nqalgħu biex f'daqqa waħda l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament qed issirilha oġġezzjoni li tarma l-mansab fl-Għadira tal-Mellieħa meta dan jinsab fuq il-perimetru taz-zona kif indikata fil-pjanta mibgħuta separatament li fiha ma jistax isir insib minħabba r-riżerva u meta din il-persuna qatt ma qalgħet inkwiet, qatt ma kisret il-liġi u qatt ma wżat is-senter fl-inħawi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-konfini tar-riserva naturali hekk kif jinstabu fil-preżent ilhom li ġew stabbiliti mill-1993, bis-saħħa ta' Avviż Legali 144 ta' l-1993 li ġie fis-seħħ nhar l-1 ta' Jannar 1994. It-teħid ta' l-għasafar mhux permess fil-konfini ta' riserva naturali skond l-Avviż Legali ta' l-1993. Minn stħarriġ li għamel id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent jirriżulta li fit-12 ta' Marzu 2001 il-Pulizija ta' l-A.L.E. waqfet persuna waqt li dan instab jonsob fil-konfini tar-riserva naturali hekk kif stabbiliti fl-Avviż Legali 144 ta' l-1993. Għaldaqstant qed jittieħdu passi kriminali fil-konfront tiegħu hekk kif titlob il-liġi. Ma saret l-ebda oġġezzjoni għall-persuna msemmija.
Leg 9 PQ #24717 Sitting 531 2001-04-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Għajnuna lil student

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'għajnuna ngħata tul din is-sena skolastika l-istudent li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament li jbati minn disturbi psikoloġiċi serji li jżommuh milli jattendi l-iskola regolament?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-sezzjoni ta' l-Edukazzjoni ma jirriżultalix li għandha xi talba dwar dan l-istudent biex tingħatalu għajnuna d-dar.
Leg 9 PQ #24723 Sitting 531 2001-04-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Delima

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 24161 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent u li ġiet riferuta lilu u cioe': jgħid jekk fl-aħħar xhur sarx xi xogħol biex jitneħħa r-radam li qed jidfen inħawi sħaħ f' Delimara? (Ara mappa mibgħuta separatament). Jista' jgħid jekk sarx xi xogħol biex jissewwew ħitan tas-sejjieħ fl-inħawi u jitħawlu siġar ġodda flok dawk imqaċċtin u vandalizzati? Hemm xi ħsieb li jsir dan ix-xogħol? Jekk iva, meta?

Response (BORG, TONIO)

Rigward ir-radam, ninsab infurmat illi nħarġu diversi "Avviżi tat-Twettieq" kontra s-sidien u l-okkupanti meta dawn kienu magħrufa. Irid jingħad ukoll li qed isir ko-ordinament mal-Ministeru ta` l-Ambjent biex l-imsemmi radam jibda jitneħħa.

Qorti — Sliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid għal liema raġunijiet l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament ġiet liberata minn kull akkuża mressaq kontrih mill-pulizija (Sliema Occ,247) wara li tajjar anzjan u weġġgħu gravament nhar il-21 ta' Lulju 1999 f'High Street, Sliema.

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kif indubbjament jaf l-Ezekuttiv u l-Gudikatura huwa kostituzzjonalment indipendenti - konsegwentament ma jispettax lil dan il-Ministru li jispjega l-gustifikazzjoni ta` sentenza tal-Qorti. Il-gustifikazzjoni ghal kull sentenza jinghataw fis-sentenza stess liema sentenzi huma pubblici.
Leg 9 PQ #24707 Sitting 530 2001-04-23 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Orkestra Nazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjani hemm għall-orkestra nazzjonali? X'se jiġri meta l-membri ta' l-orkestra jintemmilhom il-kuntratt tax-xogħol preżenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-preżent qegħdin isiru l-aħħar trattativi sabiex isir kuntratt definit tax-xogħol ġdid. Dan il-kuntratt jissostitwixxi l-kuntratt preżenti li kellu jiskadi f'Ottubru 2001. Il-ħsieb hu li l-membri regolari u attwali ta' l-Orkestra jiġġeddilhom il-kuntratt b'termini u kondizzjonijiet aġġornati.
Leg 9 PQ #24708 Sitting 530 2001-04-23 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

AAMS — Kollezzjonisti ta' l-Armi

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn waslet il-ħidma li kienet qed issir ma' l-AAMS biex jinbidlu r-regolamenti u l-liġijiet rilevanti biex il-kollezzjonisti ta' l-armi jkunu jistgħu jgawdu d-delizzju tagħhom? X'qed iżomm milli jsiru l-bidliet meħtieġa? Xi problemi hemm? Xi sforzi qed isiru biex jinstab tarf tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Qiegħda tiġi finalizzata White Paper dwar is-suġġett. Din ser tingħata lill-għaqdiet konċernati qabel il-pubblikazzjoni għal konsultazzjoni.
Leg 9 PQ #24709 Sitting 530 2001-04-23 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Ambjent

Ta' Ġiorni — Drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi sforzi u x'jista' jsir biex il-ġibjun li hemm fil-qasam tad-djar f'Ta' Ġiorni ma jibqax jitħallat mad-drenaġġ kull darba li jfur u jnitten lil kull min jgħix fl-inħawi u jimlihom bin-nemus u jikkaġuna problema għal saħħithom? Hemm xi ħsieb li jsiru xogħlijiet biex isolvu din il-problema? Meta?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li peress li d-drenaġġ li qiegħed imur ġol-ġibjun li hemm fil-qasam tad-djar f'Ta' Ġiorni, ġej minn block flats, id-Dipartiment tas-Saħħa informa lid-Dipartiment tad-Djar biex din il-ħsara tiġi rranġata. Għaldaqstant, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Djar — Xiri ta' Djar

Question

Peress li l-inkwilini ta' 3 Eric Brockman Street, Ta' Ġiorni, San Ġiljan jixtiequ jixtru d-dar fejn joqogħdu, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'qed iżomm min-naħa tal-gvern li jkunu jistgħu jagħmlu dan? B'liema prezz se jkunu jistgħu jixtruha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li wara li ntalbet u nġiebet l-awtorita' meħtieġa mid-Dipartiment ta' l-Artijiet u l-inkwilin indikat ippreżenta d-dokumenti meħtieġa, f'qasir żmien l-Awtorita' tad-Djar ser tibgħat il-perit tagħha biex jevalwa l-fond. Hekk kif issir din l-evalwazzjoni, l-Awtorita' tkun tista' tistabbilixxi l-prezz tal-post skond id-dħul ta' l-applikant u tibgħat għall-inkwilin biex jiġi ffirmat il-konvenju.

San Ġiljan — Triq Brockman

Question

Jista' l-Ministru jara li jsiru s-sinjali tat-traffiku u t-tabelli neċessarji biex Triq Brockman f'Ta' Ġiorni, San Ġiljan, tkun aċċessibbli regolarment għar-residenti u jkun hemm tabelli li juru fejn hi għax bħalissa qed ikun hemm problemi serji għal min irid isib dar f'din it-triq u biex trakk tal-gass jidħol u jforni lir-residenti?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku għamel survey fuq il-post u sab li Triq Brockman hija triq dejqa u qasira f`Housing Estate. Għalkemm mhux soltu li toroq jiġu ndikati b`sinjali tat-traffiku, il-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku talab lil Kunsill Lokali ta` San Ġiljan biex jagħmel sinjali fuq bażi temporanji biex it-triq tinstab b`anqas diffikulta`. La darba din it-triq tiġi ddentifikata aħjar, m`għandux ikun hemm problema għat-trakk tal-gas biex iforni lir-residenti.
Leg 9 PQ #24712 Sitting 530 2001-04-23 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Naxxar - Permess

Question

Jista' l-Ministru jgħid b'liema kriterji l-post nru. 22 Triq Żenqa, Naxxar ingħata l-permess li jibdlu f'garaxx meta suppost li l-bini f'dik in-naħa huwa riżervat għal ħwienet? Min talab il-permess? Min ħareġ il-permess?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi s-sit in kwestjoni jinsab fi blokka bini koperta b`permess PA 4108/96 maħruġ fit-13 ta` Frar 1997. Skond il-pjanti approvati, fil-pjan terran inbnew numru ta` ħwienet. Wara spezzjoni li saret minn uffiċjal mis-sezzjoni ta` l-infurzar ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ġie nnutat li l-fond in kwistjoni għadu mhux komplut (l-art għada torba) u qatt ma nfetaħ bħala ħanut. Peress li fuq ix-'shutter' hemm il-kliem 'Garage No Parking', is-sid ġie avviċinat mill-uffiċjal imsemmi dwar l-allegat bdil fl-użu. Is-sid qal li l-fond qatt ma ntuża bħala garaxx. Għaldaqstant qegħdin isiru verifiki biex wieħed jikkonferma jewle dak li qal is-sid u eventwalment jiġi deċiż jekk hemmx lok ta` aktar passi skond il-Liġi ta` l-Ippjanar.
Leg 9 PQ #24701 Sitting 529 2001-04-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Assenteiżmu

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'xogħol sar biex jiġu segwiti l-istruzzjonijiet tal-Ministru mindu wieġeb mistoqsija parlamentari nru. 23184?

Response (GALEA, LOUIS)

Qed tinħadem formola aktar kompleta biex tinġabar l-istatistika. Il-proċedura trid taħseb biex l-informazzjoni tinġabar: a) fuq bażi regolari, b) mill-iskejjel kollha, c) b'mod aktar uniformi, u d) żieda fit-tabella biex l-informazzjoni tkun aktar ċara u aktar faċli biex tinterpretaha. Meta jinġabar l-ewwel tagħrif issir evalwazzjoni biex tiġi deċiża l-policy fuq bażi permanenti.