Matul is-sena 2000 u fl-ewwel tlett xhur tas-sena 2001 kien hemm rapporti li l-impjegat tad-dwana li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament naqas waqt dmirijietu fuq il-post tax-xogħol?
X'kienu dawn in-nuqqasijiet? X'passi ttieħdu fil-konfront tiegħu?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tad-Dwana kien wasallu rapport li dan l-impjegat kien daħal fl-Arrivals Hall ta' l-Ajruport meta hu ma kienx fuq xogħol.
Wara li saru l-investigazzjonijiet fuq il-kaz, dan l-impjegat ingħata 'warning' mid-Direttur tiegħu u kien trasferit mis-sezzjoni li kien fiha, jiġifieri dik ta' Kontra d-Drogi.
Jista' l-Ministru jgħid xi tweġiba sodisfaċenti se tingħata lill-istudenti (dokumenti mibgħuta separatament) li fl-24 ta' Ottubru 20000 u 12 ta' Frar 2001 kitbu lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni dwar ħlas lura tas-self li għamlu skond is-sistema ta' stipdenju li daħlet waqt l-istudju tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
F'korrispondenza li l-Ministeru rċieva mingħand wieħed mill-istudenti li għalihom tirreferi d-domanda jingħad li "fil-bidu tas-sena akkademika 1997 il-Ministru ta' l-Edukazzjoni kien wegħdna li dawk l-istudenti li jiksbu riżultati eċċellenti fil-korsijiet rispettivi tagħhom ikunu eżentati mill-ħlas lura tas-self".
Minn riċerka li saret fil-files tal-Ministeru u tad-Diviżjoni s-issa ma nstab ebda dokument li juri meta, minn min, u kif saret din il-wegħda u x'inhuma l-implikazzjonijiet finanzjarji u legali tagħha. Lanqas ir-Regolamenti, maħruġa f'dak iż-żmien mill-Onor. Interpellant meta kien ikopri dan id-dekasteru, ma jgħidu xejn dwar dan.
L-Onor. Membru japprezza li f'materja finanzjarja bħal din, l-awtoritajiet kompetenti jirrikjedu d-dokument rilevanti b'appoġġ għall-pretensjoni konċernata qabel isir il-ħlas.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex inħass il-bżonn li l-Assistent Direttur għal Għawdex joħroġ ċirkulari lill-ġenituri li jibgħatu lill-uliedhom fl-iskola Ninu Cremona bid-data tal-14 ta' Marzu 2001?
X'riżultat ħalliet s'issa din iċ-ċirkulari?
X'qed isir biex l-għalliema ta' l-istess skola jagħtu eżempju tajjeb lill-istudenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Assistent Direttur għal Għawdex kien qed jirċievi regolarment ilmenti dwar l-Iskola Ninu Cremona. Diversi għalliema wkoll kellmuh biex jekk hu possibbli jgħin biex is-sitwazzjoni titjieb. Barra minn dan, l-Assistent Direttur iltaqa' mat-tim amministrattiv ta' l-iskola u ddiskuta x'passi għandhom jittieħdu fiċ-ċirkustanzi.
L-Assistent Direttur iltaqa' ma' għalliema u t-tim amministrattiv ta' l-iskola meta kienu qed isiru l-eżamijiet ta' nofs is-sena. F'dawn il-laqgħat intwera l-bżonn urġenti li ċerti nuqqasijiet għandhom jitranġaw għall-ġid ta' l-iskola, ta' l-għalliema nfushom u ta' l-istudenti. Kien ġie miftiehem fl-aħħar laqgħa li tintbagħat ċirkulari lill-ġenituri kollha, iffirmata wkoll mill-kap ta' l-iskola; pero` meta din kienet lesta l-kap ta' l-iskola ma xtaqx jiffirmha u għalhekk l-Assistent Direttur bagħtha bil-firma tiegħu biss.
Mill-kummenti li waslu fl-Uffiċċju ta' l-Edukazzjoni f'Għawdex u mill-appoġġ sħiħ li qed juru l-ġenituri u l-maġġoranza kbira ta' l-għalliema jidher li ċ-ċirkulari qed tħalli riżultat pożittiv.
Qed isir dak kollu possibbli, fosthom żjajjar regolari f'din l-iskola, biex jiġi assigurat li s-sitwazzjoni tkompli titjieb.
Jista' l-Ministru jgħid xi struttura se jkollu l-istitut ta' l-istudji marittimi li mistenni jiftaħ f'Ottubru li ġej fil-qafas tal-kulleġġ Malti għax-Xjenza u Teknoloġija? Fejn se jkun ibbażat? X'oqsma ta' studji se jipprovdi? X'relazzjoni se jkollu dan l-istitut ma' l-awtorita' marittima Maltija?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istruttura ta' l-Istitut Marittimu hi mistennija li tkun tixbaħ l-istruttura ta' l-Istituti l-oħra tal-kulleġġ kif irregolata mill-Art. 15 ta' l-Istatut ta' l-istess Kulleġġ, jiġifieri dik li tipprovdi għall-Bord ta' l-Istudji. Hu mistenni li l-istatuti ta' bosta istituti inkluż dak Marittimu jiġu pubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern matul il-ġimgħat u xhur li ġejjin.
Hu maħsub li, għall-ewwel, l-Istitut Marittimu jopera minn Haywharf fejn illum tinstab l-iskola Nawtika.
Il-programm ta' studji li sejjer jipprovdi l-Istitut qiegħed jiġi mfassal in kollaborazzjoni ma' l-Awtorita` Marittima Maltija u jiġi mħabbar aktar tard. Ninsab informat ukoll li bħal issa diskussjonijiet fuq ftehim bejn il-Kulleġġ u l-Awtorita` fuq bosta ħwejjeġ jinsabu fi stadju avvanzat u mistenni li l-esitu jiġi mħabbar pubblikament qabel l-aħħar ta' Ġunju ta' din is-sena.
Jista' l-Ministru jgħid x'korsijiet torganizza l-awtorita' marittima Maltija u kemm tiċċarġġja f'kull każ għal dawn il-korsijiet?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita' Marittima f'Ġunju li ġej ser torganiżża l-kors Port Policy & Management f'isem il-Commonwealth. Il-ħlas għal dan il-kors jinġabar mill-Commonwealth. Il-Commonwealth minn naħa tagħha tħallas lill-Awtorita' Marittima għall-ispejjeż li tkun nefqet biex torganiżża l-kors.
Minn żmien għall-ieħor id-Direttorat tal-Bastimenti Merkantili ta' l-Awtorita' Marittima wkoll jissieħeb ma' xi organiżazzjoni, normalment waħda internazzjonali, biex jorganiżża seminars jew workshops dwar suġġetti li għandhom x'jaqsmu ma' l-industrija marittima. Fil-preżent dan id-Direttorat qed jikkollabora ma' tliet organiżżazzjonijiet barranin biex aktar tard din is-sena jiġu organiżżati tliet workshops dwar tliet aspetti differenti tas-sigurta' fuq il-baħar. Attivitajiet bħal dawn normalment ikunu miftuħa wkoll għall-parteċipazzjoni tas-settur privat. Il-prezz dovut għall-parteċipazzjoni jvarja minn attivita' għall-oħra. Normalment dan ikun wieħed baxx kemm ikopri l-ispejjeż ta' xi ikel u refreshments li jiġu offruti lill-parteċipitanti.
Barra minn hekk l-istess Direttorat jikkollabora ferm mill-qrib ma' l-Iskola Nawtika tad-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni fit-tnedija ta' korsijiet ta' taħriġ li jwasslu għall-eżamijiet għall-ħruġ ta' ċertifikati ta' kompetenza pprovduti taħt l-Att dwar il-Bastimenti Merkantili jew xi liġi oħra. L-unika ntrojtu li għandha l-Awtorita' huwa ħlas għall-ħruġ taċ-ċertifikat relattiv. Dan ivarja minn ċertifikat għall-ieħor. Minn naħa l-oħra l-ispejjeż ta' l-eżamijiet tagħmel tajjeb għalihom l-Awtorita' Marittima.
Id-Direttorat tal-Yachting mhux qed jorganiżża korsijiet, iżda qed jisponsorja parti minn kors għal sidien ta' dgħajjes bil-mutur organiżżat mill-Iskola Nawtika. Dan is-sussidju jingħata lil dawk kollha li jtemmu l-kors b'suċċess.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħa l-Ministeru biex għallinqas 1% tal-vapuri kollha reġistrati Malta joffru opportunita' ta' sea time lill-kadetti żgħażagħ Maltin?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li minn dejjem kienet il-policy ta' l-Awtoritajiet Maltin li jħeġġu l-istudenti ta' l-Iskola Nawtika li jfittxu huma stess opportunitajiet biex ikunu jistgħu jagħmlu servizz fuq il-baħar bħala kadetti. Madankollu kemm l-Iskola Nawtika kif ukoll id-Direttorat tal-Bastimenti Merkantili ta' l-Awtorita' Marittima ta' Malta bil-kollaborazzjoni siewja ta' aġenti lokali tal-vapuri dejjem taw l-għajnuna tagħhom biex dan iseħħ u biex jippromwovu ma' sidien ta' bastimenti, speċjalment dawk Maltin, l-ingaġġ ta' kadetti Maltin. Studenti li jridu verament iservu fuq il-baħar normalment dejjem sabu opportunitajiet biex jagħmlu dan kemm fuq basimenti Maltin kif ukoll fuq dawk ta' bnadar oħra.
Jista' l-Ministru jagħti t-tagħrif mitlub f'mistoqsija parlamentari nru. 24320 għas-snin 1972-1992?
Response (BORG, TONIO)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-kuntratti u d-dokumenti (immarkati Dokument 'A' sa 'K') mitluba mill-Onor. Interpellant għal perijodu bejn l-1972 u l-1992 fejn id-Dipartiment ta` l-Artijiet ta konċessjonijiet ta` beach establishments jew beach concessions fl-Għadira fil-Mellieħa.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ġiex finalizzat it-tender tal-business process reengineering tad-Dipartiment tas-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern li għalaq f'Novembru 2000? Jekk ġie finalizzat, jista' jinfurmana min ha l-award u għal liema somma u meta se jibda l-proġett?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li t-tender tal-business process reengineering tad-Dipartiment tas-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern ġie finalizzat u r-rapport tal-Bord intbagħat lid-Direttur tal-Kuntratti.
Issa imiss lid-Direttur Ġenerali tal-Kuntratti sabiex jiffirma l-Kuntratt mal-kumpanija li rebħet dan it-tender.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hija s-somma li d-Dipartiment tas-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern għandu jagħti lill-aġenti Maltin u barranin (aġent b'aġent) fil-preżent? Jista' wkoll jgħid meta jaħseb li ser jiġu mħallsa u xi pjanijiet għandu biex tiġi kkontrollata din l-ispiża?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li l-ammont ta` ħlasijiet li għandhom jieħdu l-aġenti sas-16 ta` April 2001, aġent b'aġent huma kif jidrhu fil-paġni li qed inpoġġi fuq l-mejda tal-kamra.
Dok A juri aġenti lokali.
Dok B juri aġenti barranin.
Dwar ħlas, bħalissa d-dipartiment qed iħallas madwar LM1.2 miljun kull xahar.
Din l-ispiża qed tkun mmonitorjata regolarment kull xahar u kontrolli oħrajn isiru skond ir-regolamenti finanzjarji tal-Gvern.
Qed jiġri kemm-il darba li wara xi partita football importanti, żwiemel tal-kavallerija qed jintbagħtu fil-carpark ta' fejn l-istadium nazzjonali meta jkun id-dlam u dan b'periklu għaż-żwiemel u l-pulizija. Jista' l-Ministru jara li dan ma jkomplix isir jew jitlob li jiġi installat id-dawl fil-carpark?
Response (BORG, TONIO)
Il-preżenza tal-kavallerija u l-pulizija fil-carpark ta` fejn l-istadium nazzjonali hija bil-ħsieb li jkun hemm deterrent għal xi nkwiet li jista` jinqala bejn il-partitarji kif ukoll biex kemm jista` jkun jonqos is-serq mill-vetturi pparkjati f`dawk l-inħawi. Matul dan ix-xogħol il-pulizija tal-kavallerija dejjem ikunu akkumpanjati minn membri oħra tal-korp inklużi dawk tas-sezzjoni tal-klieb.
Huwa minnu li fil-post ma hemmx biżżejjed dawl. Fil-fatt xi żmien ilu saru arranġamenti li d-dawl tal-'floodlights' ta` l-istess stadium ma jintfgħux qabel ma jkun hemm is-sinjal mill-pulizija. Dan sar bi qbil ma` l-awtorita` tal-Malta Football Association. Is-sitwazzjoni fil-preżent hija ħafna aħjar milli kienet qabel. Għandu jingħad li matul iż-żmien saru diversi laqgħat mal-MFA biex, fost oħrajn, jiġi asfaltat il-carpark kif ukoll biex il-post ikun imdawwal sewwa. L-MFA tinsisti li l-area ta` madwar l-istadium mhix tagħha u għaldaqstant ma tistax tiġi obbligata li tagħmel dan ix-xogħol.
Jista' l-Ministru jgħid jekk qatx ġie stabilit min ta l-ordni biex jinfetah l-ilma fuq partitarji ta' Birkirkara fil-final tat-trophy kontra s-Sliema s-sena li għaddiet? X'investigazzjoni saret? Minn min? X'passi ttieħdu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi dwar il-każ li rrefera għalih l-Onor. Interpellant, kienet saret investigazzjoni interna mis-Supretendent inkarigat mit-taqsima ta` l-S.A.G. Minn din l-investigazzjoni kien ġie stabbilit illi żewġ kuntisabbli kienu aġixxew b`dan il-mod mingħajr ordni superjuri u ġew ammoniti severament dwar dan l-aġir.
Issa li għaddew 17-il jum mindu l-pulizija ta' Tas Sliema għaddewlha r-rapport dwar ħsarat strutturali, kif jintqal fit-tweġiba għal mistoqsija parlamentari nru. 24342, jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadu l-pulizija dwar dan il-każ? X'irriżulta minn dawn il-passi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija, wara li kkonfermat ir-rapport tal-perit, ikkuntatjat is-sid tal-fond in kwistjoni u wara li ġie nfurmat bil-periklu eżistenti, ġie wkoll servut b`intimazzjoni skond kif hemm maħsub fl-artiklu 25 ta` Kap 10. Is-sid iddikjara li ser jibda x-xogħol immedjatament.
Jista' l-Ministru jgħid xi problemi se jkun hemm biex jinstab spazju biżżejjed għall-istudenti subien li se jibdew l-iskejjel sekondarji f'Settembru 2001? Għaliex inħolqu dawn il-problemi? Kif se jiġu solvuti?
Response (GALEA, LOUIS)
Kif jaf l-Onor. Membru s-settur ta' l-iskejjel sekondarji tas-subien ilu żmien isofri minn pressjoni minħabba ċertu nuqqas ta' spazju.
Kif kien mistenni t-twettiq tal-Kurrikulu Nazzjonali, inkluż il-Programm ta' Edukazzjoni Teknoloġika li qed jiġi introdott fl-iskejjel sekondarji kollha, kif ukoll l-espansjoni tat-tagħlim f'livell terzjarju vokazzjonali li jirrikjedi aktar spazju, ser jaċċentwaw din il-problema.
Din is-sitwazzjoni ta' pressjoni fuq spazju hija waħda temporanja. Il-bini ta' skola ġdida fil-Karwija ser twassal għas-soluzzjoni tal-problema. Sadanittant, it-tkabbir ta' l-Iskola San Franġisk t'Assisi (ex-Umberto Calosso) u miżuri oħra li qed jiġu konsidrati għandhom jgħinu biex tittaffa l-problema.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir biex meta jiritraw is-17-il kaptant tal-baħar Maltin li għandna jkollna Maltin oħra li jilħqu minflokom, u dan meta tqis li biex kadetti jilħqu kaptan iridu 15-il sena u l-eta' medja tal-kaptan preżenti hija 45 sena?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li hemm kollaborazzjoni sħiħa bejn l-Awtorita' Marittima u l-Iskola Nawtika fi ħdan id-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni fit-tnedija ta' korsijiet li jwasslu għal eżamijiet għall-ħruġ ta' ċertifikati ta' kompetenza, l-ewwel bħala uffiċjali tad-Dverta u eventwalment bħala Kaptana. L-ispejjeż ta' l-organiżazzjoni ta' l-eżamijiet li jsiru skond l-iskeda normali tagħmel tajjeb għalihom l-Awtorita' Marittima.
Jien infurmat ukoll li l-Awtorita' Marittima qiegħda f'diskussjonijiet ferm avvanzati mal-Kulleġġ ta' l-Arti, Xjenza u Teknoloġija għal kollaborazzjoni ferm mill-qrib għat-twaqqif ta' Istitut ta' Studji Marittimi li l-iskop tiegħu ser ikun iktar wiesgħa minn dak ta' l-Iskola Nawtika.
Jista' l-Ministru jgħid x'korsijiet ġew organizzati mill-iskola nawtika filgħaxija? Kemm jiġu ċċarġjati l-persuni li jattendu dawn il-korsijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Iskola Nawtika organizzat dawn it-tliet korsijiet filgħaxija:
* Kors ta' 20 siegħa li jwassal għall-"VHF Operators Licence" bi ħlas ta' Lm15.00 għal ċittadini Maltin u Lm30.00 għal barranin.
* Kors ta' 18-il xahar għall-Yachtmaster (offshore) bi ħlas ta' Lm20 għall-Maltin u Lm40 għall-barranin.
* Kors ta' xahar bis-Sibtijeit inklużi, li jwassal għal-liċenzja tas-sewqan tal-"Mechanically Driven Seacraft" f'isem l-Awtorita` Marittima Maltija. Il-ħlas għal dan il-kors hu ta' Lm50.00. Dan il-ħlas jinkludi "Quick Reference Navigation Rules Chart", ktieb l-ispejjeż tal-fuel, kir ta' servizzi tal-Fire Fighting equipment u spejjeż oħra. L-applikanti jingħataw Lm15.00 lura hekk kif itemmu l-kors b'suċċess. Applikanti li għandhom ċertifikati fil-First Aid u fil-Basic Fire Fighting iħallsu Lm10.00 inqas. Dan il-kors jiġi organizzat kull xahar.
Matul il-jum jiġu organizzati wkoll korsijiet qosra mitluba minn diversi entitajiet.
Jista' l-Ministru jivverifika jekk nhar il-Ġimgħa 23 ta' Frar, 2001 il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament ħalliex Malta mill-ajruport internazzjonali ta' Malta b'passaport skadut?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-persuna msemmija, nhar it-23 ta` Frar 2001, kienet ġiet awtorizzata tħalli Malta għalkemm id-data fuq il-passaport kienet skaduta. Din il-persuna ġiet awtorizzata li tagħmel dan minkejja li offriet li tmur lura d-dar biex iġġib passaport ieħor li għandha li ma kienx skada. Peress li l-pajjiż fejn kienet sejra din il-persuna, tista` tidħol anki b`identity card, ingħatat din l-awtorizazzjoni mill-uffiċjal tal-Immigrazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma x-xogħlijiet li għad iridu jsiru fil-junior lyceum tal-bniet Sir Adrian Dingli? Peress li rċevejt diversi lmenti dwar l-ambjent xejn sabih f'din l-iskola, jista' jgħid x'inhu l-pjan biex dawn ix-xogħlijiet isru? X'sar s'issa f'din is-sena skolastika?
Response (GALEA, LOUIS)
Tard is-sena l-oħra, il-Kumitat tal-Kuntratti ddeċieda li jirrifjuta l-offerti kollha li kienu saru għas-sejħa għal offerti għal xogħlijiet ta' finitura fis-Central Core tal-Liċeo tal-Bniet Sir Adrian Dingli. B'riżultat ta' din id-deċiżjoni kellhom jitħejjew għadd ta' sejħiet għal offerti biex ikunu ppubblikati f'pakketti separati. Dawn il-pakketti jinkludu x-xogħlijiet kollha li kienu nklużi fl-offerta li kienet rifjutata.
Meta jitlesta x-xogħol fuq is-Centratl Core jingħata bidu għax-xogħol fuq Wing A u Wing B li jinkludi xogħlijiet strutturali, elettriċi u mekkaniċi u ta' finitura. Filwaqt li jkun għaddej ix-xogħol fuq Wing A u Wing B, ikun jista' jinbeda xogħol fuq il-bini ta' ħajt li jagħlaq l-iskola.
Wara li jiġu riabilitati dawn il-blokki, jibda x-xogħol fuq Wing C u Wing D biex wara jsir xogħol ta' land scaping.
Minħabba li, kif intqal qabel, kienu rifjutati l-offerti kollha għal xogħlijiet ta' finitura, f'dawn l-aħħar xhur seta' jsir biss xogħol ta' tneħħija ta' materjal u xi xogħol strutturali. Fl-istess ħin saru wkoll diskussjonijiet ma' l-Awtorita` ta' l-Ippjanar dwar il-bini ta' ħajt li jagħlaq l-iskola kif propost.
Wieħed irid japprezza li x-xogħol kollu irid isir fi stadji minħabba li l-iskola trid tkompli tiffunzjona. Id-Diviżjoni konxja ħafna tas-sitwazzjoni preżenti u qed tagħmel kulma tista' biex tħaffef il-proċess safejn jiddependi minnha.
Jista' l-Ministru jgħid mill-1995 - sena b'sena - u fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena kemm-il persuna ttellgħet il-qorti talli nstabet tpejjep; fit-teatri, cinemas, eċċ.; fl-isptarijiet; u fil-karozzi tal-linja?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar 5 snin, ċioe` mill-1995 sas-26 ta` Marzu 2001, tressqu 198 persuna l-qorti talli nstabu jpejpu f`teatri, ċinemas, sptarijiet, fil-karozzi tal-linja eċċ. Dawn kienu kif ġej:
1995
1996
1997
1998
1999
2000
2001*
67
113
17
nil
1
1
nil
* Sas-26 ta` Marzu.
Peress li ġie approvat li anke t-tipjip passiv jikkawża mard, jista' l-Ministru jgħid meta beħsiebu jipprompwovi li ma jsirx tipjip f'ċerti postjiet jew fejn ikun hemm għeluq u ħafna nies preżenti, jew f'postijiet fejn l-ikel huwa espost, bħal ħwienet tal-laħam?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li d-Divijoni tas-Saħħa qed preżentement tirrevedi l-liġi dwar il-kontroll tat-Tabakk.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kaxxi tal-logħob (gambling machines0 għadhomx illegali? Jista' jgħid matul l-1999, is-sena 2000 u fl-ewwel xhur ta' din is-sena kemm ġew ikkonfiskati mill-pulizija? X'passi ttieħdu kontra s-sidien tal-ħwienet eċċ fejn instabu dawn il-makni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi kaxxi tal-logħob magħrufa bħala gambling machines, huma permessibbli biss f`casinos. Ninsab infurmat ukoll illi bejn l-1 ta` Jannar 1999 u t-30 ta` Marzu 2001, il-Pulizija qabdet 46 minn dawn il-kaxxi f`postijiet fejn m`humiex permessibli, filwaqt li ttieħdu proċeduri kriminali kontra 36 persuna.