Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li jingħata permess biex tkun żviluppata miżbla fl-inħawi bejn iż-Żebbiegħ u Għajn Tuffieħa?
Fil-każ li iva, x'sens jagħmel li nħallu 'magħtab' ieħor ifaqqas u jikber f'dawn l-inħawi sbieħ?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Id-deċiżjoni li jipprovdi lokal għas-servizz ta' ġbir ta' skart b'mod kollettiv hija tal-Kunsill Lokali. Id-Dipartiment għall-Immaniġjar ta' l-Iskart u Implimentazzjoni ta' l-Istrateġija, fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent, offra l-assistenza tiegħu kif kien mitlub mill-Kunsill Lokali biex jintalbu l-permessi meħtieġa mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar u d-Dipartiment għall-Protezzjoni ta' l-Ambjent. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant jindaga dwar dan il-każ direttament mal-Kunsill Lokali konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemm xi applikazzjoni quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex titħalla tikber miżbla fl-inħawi bejn iż-Żebbiegħ u Għajn Tuffieħa?
Kif se tikkunsidra din l-applikazzjoni l-Awtorita u xi studji ta' impatti ambjentali se jsiru qabel taċċetta din l-applikazzjoni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi quddiem l-Awtorita` ta` l-Ippjanar hemm applikazzjoni pendenti (PA 700/01) għal kostruzzjoni ta` Waste Disposal Depot. Dan jikkonsisti f`sit fejn fih jinġabar l-iskart b`mod organizzat u temporanju, sabiex wara jiġi trasferit jew lejn il-Magħtab jew għal riċiklaġġ. L-Awtorita` ta` l-Ippjanar tikkunsidra din l-applikazzjoni fid-dawl ta` policies stabbiliti u tagħti każ ta` kunsiderazzjonijiet ambjentali, u tiżgura li l-iżvilupp iħalli l-inqas impatt fuq l-ambjent.
Jista' l-Ministru jgħid x'kien in-numru ta' serqiet li ġew irrapurtati lill-pulizija f'dawn l-ewwel tlett (3) xhur ta' din is-sena:
1) Mid-djar
2) Ta' Vetturi
3) Minn Vetturi
4) Serq ieħor
Kemm minn dan ġie solvut?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 23502, Nru. 24191 u Nru. 25117, ninsab infurmat illi fil-perijodu speċifikat in-numru ta` każi solvuti kien ta` 251.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm każi li qed jinstemgħu quddiem il-kummissjoni għas-servizz pubbliku? Jista' jgħid kemm-il każ jinvolvi nies fis-servizz ċivili, fil-pulizija u f'postijiet oħra mal-Gvern?
Kemm ilu, l-aktar każ quddiem il-kummissjoni? Jista' jgħid x'inhuma l-każijiet l-aktar serji?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li fl-4 ta’ Mejju 2001 mill-erba’ każijiet ta’ dixxiplina li kien hemm pendenti quddiem il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku kien hemm każ wieħed li jinvolvi membru tal-Korp tal-Pulizija. Dettalji dwar l-erba’ każijiet huma kif ġej:-
(a) Żewġ każijiet kriminali dwar pussess ta’ droga li ġew riferuti lill-
Kummissjoni wieħed f’Mejju u l’ieħor f’Ottubru 2000.
(b) Żewġ każijiet ta’ dixxiplina dwar akkużi ta’ negliġenza. Wieħed minn
dawn il-każijiet jinvolvi membru tal-Korp tal-Pulizija u ilu pendenti minn Ottubru 1994 peress li hemm allegazzjonijiet li għadhom qed jiġu investigati wkoll mill-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni. Il-każ l-ieħor li jinvolvi uffiċjal pubbliku ieħor ilu pendenti minn Awissu 2000.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jaħdmu mal-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu f'Londra, jew ma xi ħidma tal-Ministeru tat-Turiżmu f'Londra? Min huma? Kemm ilhom f'dan l-impjieg?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninsab infurmat li fl-Uffiċċju ta’ l-Awtorita’ tat-Turiżmu ta’ Malta f’Londra hemm jaħdmu seba’ persuni. Dawn huma:-
· John Montague, b’effett mill-1 ta’ Settembru 1999.
· Marie Anne Barthet Brown, b’effett mit-2 ta’ Jannar 1997.
· Vicky Williams, b’effett mill-1 ta’ Novembru 2000.
· Christina Refalo*, b’effett mill-1 ta’ Marzu 1999.
· Adriana Cacciottolo, b’effett mill-1 ta’ Novembru 2000.
· Victor Bonnet, b’effett mill-1 ta’ Lulju 1997.
· Tiziana Mavilio **, b’effett mill-5 ta’ Mejju 1998.
* Din il-persuna tat avviż ta’ tmiem ta’ impjieg fil-5 ta’ April 2001.
** Taħdem fuq bażi part-time
Jista' l-Ministru jgħid x'sistemi jeżistu fuq il-vapuri Gozo Channel Co Ltd biex fuq kull vjaġġ ikun magħruf kemm qed jivvjaġġaw passiġġieri?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Gozo Channel tuża tlitt sistemi biex jingħaddu l-passiġġieri li jitilgħu abbord. Dawn huma:
1. Il-Kaptan jew Officer li jkun fuq ir-rampa jgħodd permezz ta' "hand counter" kull passiġġier li jitla'.
2. It-Terminal Assistants jagħtu "boarding cards" lil kull passiġġier. Qabel ma jitqassmu dawn il-cards, jinħareġ l-ammont mitlub skond il-kapaċita' tal-vapur.
3. Mill-ġbir tal-biljetti li jingħataw il-passiġġieri. Dan isir fl-Imġarr biss.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm lifeboats fuq il-vapuri li joperaw bejn Malta u Għawdex, vapur b'vapur? Huma meqjusa biżżejjed u għandhom ekwipaġġ adekwat f'każ ta' evakwazzjoni b'emerġenza?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-apparat kollu ta' sigurta', li ovvjament jinkludi l-lifeboats jew liferafts, li hemm fuq il-vapuri kollha jikkonferma mar-regolamenti tas-SOLAS. Dan l-apparat jiġi ċertifikat mil-Klassi tal-vapur (Classification Society) u mis-surveyor ta' l-Awtorita' Marittima ta' Malta u wara jinħareġ is-"Certificate of Seaworthiness" tal-vapur min-naħa ta' l-imsemmija Awtorita'.
Tajjeb jingħad li l-vapur ma jistax jopera mingħajr dan iċ-ċertifikat, li l-Awtorita' Marittima ta' Malta iġġedded kull sena wara li l-Klassi u s-Surveyor ta' l-imsemmija Awtorita' jkunu vverifikaw li kollox huwa konformi mal-liġijiet applikabbli, inkluż is-SOLAS.
Waħda mill-kundizzjonijiet tal-Klassi hija li fuq il-vapur irid ikun hemm biżżejjed tagħmir ta' sigurta', inkluż lifeboats/liferafts, f'każ ta' evakwazzjoni waqt emerġenza.
Jista' l-Ministru jgħid jekk it-tagħmir ta' salvataġġ fuq il-vapuri tal-Gozo Channel Co Ltd huma skond ir-rekwiżiti SOLAS fil-kwantita u kwalita meħtieġa? Fuq kull vapur jinġarr manwal tat-taħriġ SOLAS?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li t-tagħmir ta' salvataġġ fuq il-vapuri tal-Kumpanija Gozo Channel huma skond ir-rekwiżiti SOLAS, kemm fil-kwalita' kif ukoll fil-kwantita'. Il-Kumpanija mhijiex obbligata li żżomm manwali tat-taħriġ SOLAS fuq il-vapuri, partikularment dawk li joperaw f'ibħra lokali. Fil-fatt dawn il-manwali jinżammu fl-uffiċini tal-Kumpanija.
Madanakollu, skond is-Safety Management System tal-Kumpanija, manwali dwar proċeduri relatati mas-sigurta' jinħarġu lil kull Kaptan u Chief Engineers li jaħdmu fuq il-vapuri kollha tal-Kumpanija.
Jista' l-Ministru jgħid fejn jinżamm l-emergency fire pumps fuq il-vapuri tal-Gozo Channel Co Ltd, vapur b'vapur?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li kull vapur għandu s-sistemi ta' "Emergency Fire Pumps" li jiġu ċċekkjati mis-surveyors tal-Klassi qabel ma l-vapur jiġi ċċertifikat. Dan l-apparat huwa speċifikament għall-vapuri u meta jkun il-bżonn jitħaddem mill-baħrin u mhux mill-passiġġieri abbord.
Skond ir-regolamenti SOLAS, biex jiġi żgurat li f'każ ta' emerġenza kollox ikun f'postu, fuq kull vapur isiru "emergency drills" b'mod regolari u hekk jiġi aċċertat li f'każ ta' bżonn il-proċeduri kollha, kemm dwar tifi ta' nar kif ukoll dwar inċidenti oħra, jittieħdu minnufih u bl-akbar effiċjenza possibbli.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu mill-Awtoritajiet konċernati dwar ilment serju mressaq mill-kaptan tal-vapur m/v Maasdiep nhar it-22 ta' Mejju 2000 li daħal għas-servizz tal-bunkering dwar it-tipjip u l-ħmieġ fuq il-banker boat mġt Vemaoil ta' Falzon Service Station Ltd? Matul is-sena 2000 l-awtoritajiet konċernati kemm irċevew ilmenti simili u x'passi ttieħdu dwarhom ?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita' Marittima nvestigat l-ilment imsemmi u ħadet il-passi neċessarji skond ir-Regolamenti ta' l-1996 dwar Bastimenti ta' Tagħbijiet Perikolużi, Terminals u Faċilitajiet Marittimi u Bunkering sabiex inċidenti simili ma jirrepetux ruħhom wara li rċeviet ilment fid-9 ta' Gunju 2000. Fil-fatt il-persuna nvoluta ġiet imwiddba serjament.
Jien infurmat ukoll li matul l-2000, l-Awtorita' Marittima għamlet 53 spezzjoni waqt operazzjonijiet ta' bunkering. Dawn isiru biex jiġi żgurat li l-miżuri ta' sigurta' stabbiliti bl-istess regolamenti tal-1996 ikunu qed jiġu osservati.
Ta' min isemmi li l-Bunker Barge M V Vemaoil VI hi operata mill-Mediterranean Offshore Bunkering Co Ltd, u mhix propjeta tal-kumpanija ndikata fid-domanda.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 24334 u 24335 u t-tweġibiet tal-Ministru għalihom, x'passi ttieħdu s'issa biex iseħħ dak li trid id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, jiġifieri, rilokazzjoni tas-Santwarju tal-Qtates mill-Kulleġġ tal-Biedja fejn jinsab bħalissa migħajr il-permessi meħtieġa ta' l-istess diviżjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Assoċjazzjoni responsabbli mill-qtates qiegħda tfittex post alternattiv u adattat biex isir santwarju tal-qtates. Sadanittant m'għadhiex iżżid mal-qtates li hemm fis-santwarju.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 24337 li oriġinarjament kienet saret lil Ministru għall-Ambjent u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe: jista' jara li jittieħdu l-passi meħtieġa biex id-drenaġġ tal-block kollu ma jibqax jiżbokka u jiżbroffa fil-garaxx mingħand l-inkwilini ta' Blk A, 1, Bertha KIIg, f'Ta Ġiorni? Meta se jittieħdu dawn il-passi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għaddejt it-talba tal-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi biex il-persuna li d-dettalji qed jintbagħtu separatament tingħata l-permess li jkollha spazju qrib id-dar fejn tipparkja l-karozza tagħha peress li saħħitha qed tiddeterjora u ma tistax timxi distanzi twal?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li permess għal Reserved Parking quddiem id-dar ta' persuni b'diżabilita' jingħataw lill-dawk li għandhom diżabilita' severa u permanenti.
Ninsab infurmat li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant la ssofri minn diżabilita' severa u lanqas permanenti.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li tintlaqa favorevolment l-applikazzjoni tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament biex jidħol f'xi ċentru residenzjali ta' l-anzjani peress li saħħtu marret lura u ma jiflaħx jieħu ħsieb tiegħu nnifsu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna msemmija applikat biex tidħol f'dar ta' l-anzjani fit-2 ta' April li għadda. Bħalissa l-persuna qiegħda rikoverata fl-Isptar San Luqa u l-każ ġie riferut għand is-Social Worker biex isir l-assessment.
Jista' l-Ministru jara li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament titħalla tipparkja l-karozza tagħha fi spazju qrib id-dar tagħha għax saħħitha qed tkompli tmur lura u ma tistax timxi fit-tul?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm Maltin jaħdmu ma' l-Uffiċju tal-Kummissjoni Għolja Maltija f'Londra? Min huma dawn iċ-ċittadini Maltin? Mil-liema data bdew f'dan l-impjieg? X'inhu x-xogħol tagħhom f'kull każ?
Response (BORG, JOE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jinżammx inventarju fid-Diparitment tas-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern? Jista' jgħid x'qed isir minn dik l-għamara li qed tiġi mibdula?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li fid-Dipartiment tas-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern jinżamm inventarju. Dan jiġi updated minn żmien għall-ieħor. L-għamara xorta qed tintuża f'sezzjonijiet oħra tal-GPS li kellhom bżonnha.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm uffiċjali responsabbli mill-ħlas lill-agenti fid-Dipartiment tas-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern? X'inhu l-grad tagħhom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li n-numru ta` uffiċjali responsabbli mill-ħlas lil aġenti fid-Dipartiment tas-Servizzi Farmaċewtiċi huwa 11.
Dawn jikkonsistu:-
Senior Principal (Parental Leave)
Principal
Assistant Principals (1 Parental Leave)
Executive Officers (1 Parental Leave)
Clerks
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-bini l-ġdid tad-Dipartiment tas-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern ġewwa tal-Qroqq? Jista' wkoll jgħid għaliex qed jitranġa l-bini tal-istess dipartiment ġewwa G'Mangia meta hemm il-pjan li jinbena bini ġdid? X'ser isir mill-bini eżistenti?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li saret applikazzjoni b'forma ta` outline development għal bini ġdid tad-Dipartiment tas-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern lill-Awtorita` ta` l-Ippjanar. L-applikazzjoni PA04856/00. Ġiet irreġistra valida fit-18 ta` Settembru 2000 u għadha qed tiġi proċessata mill-awtorita`.
Wara lmenti li saru mill-unions u peress li l-bini tal-Government Pharmaceutical Services ma kienx attrezzat għall-bżonnijiet neċessarji ta` kuljum, kien ġie deċiż li jsiru t-tibdiliet neċessarji. La darba il-GPS tmur fil-bini l-ġdid, il-bini eżistenti jintuża minn oqsma oħra fid-dipartiment.