Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex bhejjem mejta, ikel u xorb skadut marmi fil-Miżbla tal-Magħtab ma jerġax jinħareġ biex jinbiegħu lill-konsumaturi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li kull tip ta' skart u materjal mormi fil-miżbla tal-Magħtab jiġi mgħaffeġ bil-bulldozer, midfun u mgħotti bit-terrapien.
Ma jidhirx li l-affarijiet bħal ma semma l-Onorevoli Interpellant qegħdin fil-fatt jiġru.
Isir kontroll mill-ħaddiema tal-miżbla fuq persuni li jiġbru materjal għar-riċiklaġġ biex l-ebda skart organiku ma jitħalla joħroġ minn dan il-post.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadu l-awtoritajiet tal-Mużew biex art qrib il-Ġgantija ma tibqax tintuża bħala junk yard ? X'kien dawn il-passi? Fejn waslu? Hemm xi ħsieb li din il-biċċa art tinbidel fi ġnien ta' mistrieħ għall-viżitaturi tat-tempju?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li uffiċjali tad-Dipartiment tal-Mużewijiet ma raw ebda akkumulazzjoni ta' skart li tista' tissejjaħ junk yard fl-inħawi immedjati tal-Ġgantija. Għaldaqstant nixtieq nitlob lill-istess Onor. Membru jindikalna b'mod iżjed ċar għal liema medda ta' art qed jirreferi fil-Mistoqsija.
Jista' l-Ministru jgħid x'permessi għandu l-kuntrattur li kkapparra biċċa art qrib il-bieb tat-tempju tal-Ġgantja u jdawwarha f'junk yard b'makkinarju u inġenji goffi, iħammġu biż-żjut u jimplew il-post bi bċejjeċ ta' ħadid u caravans? Huwa xieraw dan l-użu ta' dan il-post hekk qrib it-tempji tal-Ġgantija? X'passi se jittieħdu biex il-liġi titħares?
Response (BORG, TONIO)
Jien infurmat li f`dan il-post kien qed jinżamm mingħajr permess makkinarju agrikolu antik f`żewġ egħlieqi. Karozza li kienet qed tinżamm f`għalqa minnhom tneħħiet mis-sid immedjatament, filwaqt li nħareġ Avviż biex Tieqaf u ta` Twettieq fil-konfront ta` l-okkupant ta` l-għalqa l-oħra sabiex ineħħi l-makkinarju kollu mill-għalqa (Ref: ECF571/01). Sa llum fadal biss biċċa waħda ta` makkinarju. Is-sit qed jiġi spezzjonat regolarment u aktar azzjoni tkun tista` tittieħed fin-nuqqas li l-okkupant ta` l-art ma josservax l-ordni mogħtija lilu fl-Avviż imsemmi.
Infurmat ukoll illi kemm il-Pulizija kif ukoll it-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern qed jieħdu l-passi neċessarji biex din l-art tiġi żgumbrata mill-makkinarju li hemm fiha.
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-għalliema qed jirrifjutaw li jidħlu għall-kors tal-Matematika, Mekkanika u lezzjonijiet oħra ta' l-Inġinerija fl-Istitut Tekniku M A Sapiano wara l-ħin normali bejn 9.00 am u 2.15pm? X'inhuma r-raġunijiet? Huma marbuta ma' ħlas baxx ta' overtime lill-għalliema?
X'qed isir biex il-lezzjonijiet wara l-ħin meħtieġa jsiru xorta u l-istudenti jlaħħqu l-program kollu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li numru ta' għalliema fl-Istitut Tekniku Mikielanġ Sapiano qegħdin jirrifjutaw li jidħlu għall-korsijiet li jsiru wara l-ħin normali ta' l-iskola wara li saru jafu bir-rata l-ġdida ta' ħlas b'effett minn Jannar 2000.
Id-Diviżjoni qiegħda tikkomunika mal-Management and Personnel Office u mal-Ministeru tal-Finanzi biex tinstab soluzzjoni dwar it-talba għal ħlas adegwat.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex ġiet terminat l-apprendistat tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament minkejja li żgur mhux tort tiegħu li ma kellux sponsor u hekk issa se jitlef id-dritt tant kruċjali għall-futur tiegħu li jikseb il-Journeyman's Certificate?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-iskema ta' l-apprendistat hi komposta minn taħtiġ teoretiku u prattiku. Il-parti teoretika tingħata minn stabbiliment edukattiv waqt li dik prattika tingħata fi stabbiliment tax-xogħol approvat mill-Korporazzjoni għat-Taħriġ u x-Xogħol.
Ninsab infurmat li l-persuna li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant ma ssodisfatx elementi tat-taħriġ prattiku. Dan minkejja li isimha ġie sottomess għal bosta drabi bil-ħsieb li tiġi magħżula bħal ma' ġew magħżula oħrajn li qed isegwu l-istess programm.
Għalhekk, wara li għadda l-perijodu stabbilit, il-Korporazzjoni ma kellha ebda alternattiva oħra ħlief li tinforma l-persuna konċernata li m'għadiex eliġibbli għall-Journeyman's Certificate.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu każi quddiemu l-Istatementing Board ta' tfal li suppost bdew jattendu l-iskola matul din is-sena u s'issa għadhom ma bdewx? X'inhuma r-raġunijiet li għadhom ma bdewx jattendu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kull każ li ġie deċiż mill-iStatementing Board ta' tfal li suppost jattendu l-iskola u għandhom ikollhom facilitator ġew mogħtija din l-għajnuna. Hemm każ ta' tifel li għalkemm ġie provdut bl-għajnuna dan mhux qed jattendi.
Jista' l-Ministru jgħid f'hiex waslet l-applikazzjoni ta' tifel li d-dettalji tiegħu qed jitbagħtu separatament biex f'April 2001 jibda jattendi l-kindergarden bl-għajnuna meħtieġa skond il-bżonnijiet tiegħu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-tifel li ismu ingħata separatament qiegħed jattendi l-kindergarten, b'-għajnuna neċessarja indikata mill-iStatementing Board.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm għalliema li mhumiex jgħallmu f'xi klassi? F'liema dipartimenti, entitajiet u oqsma oħra jaħdmu li jaqgħu taħt l-istess Ministeru ta' l-Edukazzjoni u setturi oħra li jaqgħu taħt Ministeri oħra? Ħareġ transfer uffiċjali għalihom f'kull każ mill-MPO? F'kull każ x'allowance qed jieħdu dawn l-għalliema trasferiti f'oqsma oħra?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ilu li fetaħ il-Kavallier ta' San Ġakbu xi ħlassijiet ta' sahra saru lill-persuni li b'xi mod jew ieħor jagħmlu xogħol fiċ-Ċentru tal-Kreattivita'?
Kemm ħa ħlas ta' overtime, allowances kull persuna li b'xi mod jew ieħor qed taħdem ma' dan iċ-Ċentru?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li tlett persuni li jaħdmu mad-Dipartiment tal-Kultura, ħadmu sahra fiċ-Ċentru għall-Kreattivita`.
Dawn kienu:
Is-Sur Paul Busuttil li tħallas Lm47.00
Is-Sur Charles Vassallo li tħallas Lm39.00
Is-Sur Joseph Micallef li tħallas Lm36.00
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu x-xogħol tal-careworkers li ddaħħlu jaħdmu f'San Vinċenz De Paule? X'differenza hemm fix-xogħol tagħhom meta mqabbel ma' dawk tal-SEN?
X'ħinijiet qed jaħdmu l-careworkers u xi ħlas qed jieħdu? Jirriżulta li qed jaħdmu nofs siegħa extra u mhumiex jitħallsu għaliha? Meta se jiġi rrimedjat dan in-nuqqas jekk jeżisti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li x-xogħol tal-Careworkers li jaħdmu f'San Vincenz de Paule hu skond il-job description tagħhom.
Ix-xogħol ta' l-SEN hu dak ta' nursing waqt li dak tal-Careworkers hu dak ta' caring.
Il-Careworkers qed jaħdmu jumejn xogħol u waħda off. Il-ħinijiet tax-xogħol hu bejn is-7.00am sas-6.30pm. Il-ħlasijiet tagħhom hu fuq l-Iskala 16.
Ma jirriżultax li l-Careworkers qed jaħdmu nofs siegħa extra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'possibilita' hemm biex il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament jiġi aċċetat fid-Dar ta' l-Anzjani tar-Rabat, Malta jew f'San Vinċenz de Paule?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-persuna msemmija sarilha assessment soċjali fil-11 ta' Mejju li għadda ġewwa l-Isptar San Luqa fejn hi rikoverata. Peress li hi bed-ridden, id-dokumenti neċessarji ġew mgħoddija lill-Admission Board ta' San Vincenz de Paule biex jingħataw il-prijorita' mistħoqqa.
Jista' l-Ministru jgħid jekk tistax issir spezzjoni mill-persuni kompetenti fil-qasam tas-saħħa u s-sigurta' fuq il-post tax-xogħol fil-mustering room tal-Mellieħa fejn persuni li jaħdmu fil-qasam taħt il-Ministeru ta' l-Ambjent intbagħtu jaħdmu f'kamra bla arja u telefon ġol-latrina pubblika fil-Mellieħa? Huwa aċċettabli li fis-seklu 21 persuni jaħdmu f'dawk il-kundizzjonijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-ispezzjoni mitluba ser issir mill-ispetturi tat-Taqsima għas-Saħħa u Sigurta' fuq ix-Xogħol.
Jista' l-Ministru jgħid meta se tingħata l-ħlassijiet dovuti l-midwife li d-dettalji qed jintbagħtu separatament li minħabbali korriet waqt inċident tat-traffiku baqgħet fuq nofs paga fl-Isptar San Luqa fil-perjodu 11 ta' Ġunju - 10 ta' Lulju 2000 u bla paga xejn fil-perjodu 10 ta' Lulju - 10 ta' Awissu 2000?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna konċernata ġiet infurmata bil-każ.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm uffiċjali kadetti bħalissa fil-kors li qed isir fl-Akkademja tal-Pulizija? Kemm bdew il-kors? Kemmhemm minn spiċċa qabel iż-żmien? Għaliex? meta se jiggradwaw u jidħlu għax-xogħol ta' spetturi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi oriġinarjament kien hemm 22 uffiċjal kadett fil-kors li preżentement huwa għaddej fl-Akkademja tal-Pulizija. Pero` kien hemm 2 uffiċjali kadetti li waqfu mill-kors minn jeddhom. Huwa mistenni illi dan il-kors jintemm f`Lulju.
Jista' l-Ministru jgħid bħalissa kemm hemm nies impjegati fuq bażi full time u part time, direttament ma' l-amministrazzjoni tal-pixxina nazzjonali?
Min huma? X'inhuma ix-xogħol tagħhom? Meta ġew impjegati l-ewwel darba?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bħalissa hemm 12-il persuna impjegati ma' l-amministrazzjoni tal-Pixxina Nazzjonali. Dawn huma:
Isem Bidu ta' Mpieg Xogħol
Full Time
Franklin Axisa April 1998 Aquatic Facility Operator
Emmanuel Reitano April 1998 Security/Maintenance
Elisabeth Valentine April 1998 Cleaner
Alan Falzon April 1998 Aquatic Facility Operator
Simone Zammit April 1998 Receptionist/Clerk
William Galea April 1998 Receptionist/Clerk
Melvin Micallef Marzu 2000 Aquatic Facility Operator
Larkin Pisani Marzu 2000 Aquatic Facility Operator
Alfren Grima Ġunju 2000 Security/Maintenance
Edwin Buttiġieġ Awissu 2000 Gym Instructor
Part Time
Rachid Chouhal Settembru 2000 Gym Attendant
Part Time/Casual
Etienne Gatt Frar 2001 Messenger/Driver
Jista' l-Ministru jgħid xi progress sar fit-taħdidiet bejn il-Gvern u l-Universita' dwar it-twaqqif ta' kumpanija għat-tmexxija tal-Pixxina Nazzjonali u affarijiet sportivi oħra fl-istess port?
Kemm saru laqgħat bejn iż-żewġ partijiet fl-ewwel tlett (3) xhur ta' din is-sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-negozjati bejn il-Gvern u l-Universita` dwar it-twaqqif ta' kumpanija għat-tmexxija tal-Pixxina Nazzjonali jinsabu fi stadu avvanzat. Matul l-ewwel tlett xhur ta' din is-sena saru tlett laqgħat bejn iż-żewġ partijiet.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li studenti ma jistawx joqgħodu għall-eżamijiet tas-SEC fil-business studies u fl-account fl-istess sessjoni?
Jaf li min qed jitgħallem dawn iż-żewġ suġġetti qed jkollu joqgħod għall-accounts f'eżamijiet ta' Universitajiet barranin?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li minħabba li fl-iskejjel ta' l-Istat jiġi mgħallem il-Business Studies waqt li f'xi skejjel mhux ta' l-Istat jiġi mgħallem l-Accounts, il-policy tal-Matsec Board f'dawn l-aħħar snin dejjem kienet li dawn iż-żewġ suġġetti jiġu eżaminati fl-istess sessjoni. Il-Matsec Board qatt ma rċieva oġġezzjoni għal dan l-arranġament u għalhekk din il-policy tħaddmet ukoll għal din is-sena.
Billi l-Business Studies ħa post l-Accounts u l-Economics fl-iskejjel ta' l-Istat ma nħassitx il-ħtieġa li l-kandidati jkolhom il-fakulta` li joqgħodu għaż-żewġ suġġetti.
Madanakollu, is-suġġeriment ta' l-Onor. Membru se jiġi mressaq għall-konsiderazzjoni tal-Bord tal-Matsec fl-ewwel laqgħa li jmiss.
Jista' l-Ministru jgħid fit-tieni term ta' din is-sena skolastika, kemm ingħataw permessi biex studenti jitilqu mill-iskola:
1) qabel ma għalqu is-sittax-il sena?
2) qabel ma spiċċat is-sena skolastika għalkemm għalqu is-sittax-il sena
F'kull każ, jista' jgħid kemm kien hemm talbiet minn studenti tal-iskejjel tal-knisja u dawk indipendenti?
F'kull każ x'kienu r-raġunijiet prinċipali?
Fl-ewwel term ta' din is-sena skolastika x'kienu l-figuri mitluba hawn fuq?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jara li tiġi rranġata t-Triq ta' Għajn Tuta fl-Aħrax tal-Mellieħa (mappa mibgħuta separatament) li jintuża min ħafna bdiewa kif ġioe spjegat lilek f'ittra mibgħuta lilek fit-28 ta' Frar 2001?
Response (ZAMMIT, NINU)
It-triq indikata hija asfaltata u għalhekk ma taqgħax taħt ir-responsabbilta tad-Dipartiment ta’ l-Agrikoltura. Għaldaqstant nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu mill-Awtorita' Marittima Maltija u persuni jaħdmu magħha biex din is-sena l-eżamijiet għall-istudenti fit-tielet fażi tal-Iskola Nawtika fl-oqsma tal-meteorology, matematika u fiżika skond il-proċeduri ta' l-eżamijiet stabbiliti mill-Merchant Shipping Directorate ġdid? X'kumplikazzjonijiet inqalgħu biex jiġu segwiti dawn il-proċeduri fid-dati tal-5, 12, 20 ta' Marzu 2001?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-eżamijiet imsemmija mill-Onor. Interpellant li saru din is-sena ġew organiżżati skond proċeduri li kienu ġew stabbiliti fl-1998 u li ilhom jiġu esegwiti minn dak iż-żmien. Dawn l-istess proċeduri kienu anke ġew sottomessi lill-Organiżżazjoni Internazzjonali Marittima skond il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar it-Taħriġ u ċ-Ċertifikazzjoni tal-Baħħħara (STCW 1978). It-talba lid-Direttorat tal-Bastimenti Merkantili ta' l-Awtorita' Marittima ta' Malta ma kienitx ġiet sottomessa kmieni biżżejjed kif huwa stabbilit f'dawn l-istess proċeduri biex l-eżamijiet setgħu isiru fil-5, 12 u 20 ta' Marzu 2001. Minflokk l-eżamijiet saru fis-26 ta' Marzu u fit-2 u 9 ta' April.