Jista' l-Ministru jgħid x'passi konkreti ttieħdu biex il-persuna b'diżabilita li d-dettalji dwarha huma annessi separatament li qed taħdem fl-Iskola Pawlu Xuereb ir-Rabat (Malta) ikollha l-għajnuna meħtieġa biex ma tibqax waħedha tqandel il-bankijiet, tnaddaf it-twieqi fil-għoli u xogħol ieħor ta' tindif?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-Iskola Primarja Pawlu Xuereb tar-Rabat issa hemm 'full complement' ta' Minor Staff.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi ħadet il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' dwar l-ilmenti imressaq mil-persuna b'diżabilita' li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament li waħedha jkollha tagħmel ħafna xogħol li ma tiflaħx għalix fl-iskola fejn taħdem?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li fit-28 ta' Frar 2001, il-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ressqet ilment lill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' dwar allegata diskriminazzjoni fil-konfront tagħha fuq il-post tax-xogħol għax għandha diżabilita'.
Skond il-proċedura stabbilita, il-Kummissjoni talbet il-kummenti tal-prinċipal ta' din il-persuna dwar l-ilment. Il-Kummissjoni eżaminat il-kummenti sottomessi u wara diskussjoni mal-persuna li ressqet l-ilment, kien hemm qbil li l-kwistjoni ma kienetx waħda ta' diskriminazzjoni minħabba diżabilita' kontemplata fil-liġi, iżda waħda ta' nuqqas ta' staff li kien qed joħloq ċertu tbatija lill-persuna konċernata. Dwar dan il-persuna ngħatat parir dwar x'għandha tagħmel.
Il-persuna li ressqet l-ilment ġiet infurmata b'dan bil-miktub ukoll.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru 25099 li oriġinarjament kienet saret lil Ministru ta' l-Intern u li issa ġiet riferuta lilu peress li l-każ imsemmi jaqa taħt il-kategorija ta' dawk morda serjament għalkemm mhux diżabbli u ċioe: Jista' l-Ministru jara li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament titħalla tipparkja l-karozza tagħha fi spazju qrib id-dar tagħha għax saħħitha qed tkompli tmur lura u ma tistax timxi fit-tul?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku għandu l-obligu li joqgħod fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' qabel ma japprova parkeġġ riservat għall-persuni morda. Għaldaqstant il-persuna kkonċernata għandha tagħmel l-applikazzjoni meħtieġa lill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.
Minkejja dan qed nipprova nara jekk hux possibbli li jinstab mod ta' kif ċerti problemi jiġu riżolti.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra statistika kkumpilata matul is-sena 2001 dwar ir-reġjun ta' Għawdex mill-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika? Għaliex din l-istatistika mhux qed tiġi mxandra bħal statistika dwar Malta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li hija l-politika ta' l-Uffiċċju ta' l-Istatistika li, fejn hu possibbli, tinġabar statistika fuq bażi reġjonali. Fil-fatt xi statistika li nġabret dwar Għawdex diġa' ġiet ippubblikata permezz ta' "News Releases" li ħarġu din is-sena. Din tinkludi statistika dwar trasport bejn iż-żewġ gżejjer, agrikultura, inċidenti tat-traffiku, stokk ta' karozzi liċenzjati, Għawdxin li jattendu l-Universita' tat-Tielet Eta' u kultura (libreriji, baned u bandisti).
Statistika oħra li qed tinġabar fuq bażi reġjonali ser tiġi ppubblikata wkoll mhux biss għal Għawdex iżda għall-pajjiż kollu.
Matul din is-sena kien hemm xi każ fejn persuna reliġjuża, jista' jkun mingħajr ma taf, iddaħħal xi droga f'xi droga f'xi biċċa ilbies f'xi biċċa ilbies b'logo reliġjuż fuqu fl-ajruport? Jekk ġara dan il-każ, meta ġara? Jekk ġara dan il-każ x'passi ttieħdu?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ma teżisti l-ebda informazzjoni fid-Dwana dwar xi każ kif imsemmi fil-mistoqsija.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni li ġew maħtura fuq il-Bord tal-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi? Fuq liema bażi ġew maħtura fuq dan il-bord, każ b'każ, persuna b'persuna? Meta ġew maħtura? Meta ġew infurmati li se jinħatru?
Response (GALEA, LOUIS)
Dwar il-persuni maħtura fuq il-Bord tal-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi, nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 25740.
Il-membri tal-Bord inħatru kif jitlob l-Istatut tal-Fondazzjoni fuq il-bażi ta' esperjenza u kompetenza f'oqsma professjonali marbuta mal-missjoni tal-Fondazzjoni.
X'kienu r-raġunijietli fis-7 ta' Marzu 2001, is-segretarju permanenti tal-Ministeru tal-Finanzi kiteb lis-segretarju permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni biex ibiddel jew iżid klawsoli fl-istatut tal-Fondazzjonijiet tas-Servizzi Edukattivi u tal-Iskejjel t'Għada? X'bidliet, x'żidiet, xi tnaqqis ġew proposti u għaliex?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li r-raġuni hi li l-ministeri konċernati jitkellmu u jiddiskutu bejniethom biex dak li jsir, isir bl-aħjar mod.
Jista' jgħid x'passi ħadet il-pulizija tul din is-sena dwar ilmenti ta' ħsejjes ħerġin mill-post 62, St. Dominic Str, Sliema peress li qed jasluli rapporti li regolarment jinstema storbju ta' mużika anki fil-ħinijiet tas-sigħat bikrin ta' filgħodu bi tbatija kbira għal dawk li jgħixu fl-istess triq?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena l-Pulizija ma sarulhiex rapporti ta` storbju ta` mużika mill-post li rrefera għalih l-Onor. Interpellant. Meta tirċievi rapport f`każijiet bħal dan, il-Pulizija tieħu l-passi neċessarji u jekk jirriżulta li jkun hemm provi biżżejjed ta` ksur tal-liġi jittieħdu passi bil-Qorti.
Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar sentejn u nofs liema kienu l-periti privati li ngħataw kuntratti ta' xogħol konness mad-disinji bit-toroq? Jista' jqiegħed lista tagħhom fuq il- Mejda tal-Kamra?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li fiż-żmien imsemmi mill-Onor. Interpellant, kuntratti għad-disinji tat-toroq ingħataw kif ġej:-
Penza Construction Ltd. għad-disin u l-bini ta' Triq Salina - Iklin,
Penza Construction Ltd. għad-disin u l-Bini ta' Triq Burmarrad sal-Qlejja,
V & C Contractors Ltd. għad-disin ta' Mosta North Ring Road.
Il-periti li qabbdu l-kuntratturi biex jagħmlu x-xogħol ta' disinji f'dawn it-tlett każi kienet id-ditta Design Resources.
Barra minn dawn wara sejħa għall-offerti b'avviż Nru. 60/2000, id-ditta Malta Planning Design Consultants kienu mqabbda biex jagħmlu xogħol ta' disinn inkonnessjoni mal-ħtiġijiet tal-ħruġ tal-permess ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għall-proġett tal-Gzira Link Road.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm postijiet differenti minn fejn hemm aċċess għall-miżbla tal-Magħtab minbarra dak uffiċjali fejn hemm il-miżien biex jiżen l-iskart li jiddaħħal?
Jekk hemm postijiet oħra mnejn jistgħu jaslu fil-miżbla tal-Magħtab, jistgħu jittieħdu passi biex dawn il-postijiet jingħalqu kollha u jiġu eliminati l-abbużi li jista' jkun hemm fi dħul u ħruġ mhux legali mill-miżbla?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li bħalissa, dħul għall-miżbla tal-Magħtab huwa permess biss min-naħa tal-bieb prinċipali f'Ramla Road.
L-aċċess l-ieħor li hemm min-naħa ta' l-għelieqi ġie mblokkat bit-terrapien.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru xi studji fuq ir-residenti fl-inħawi tal-Magħtab biex isir magħruf l-effett fuqhom mit-tniġġis tal-Magħtab peress li dawk li jgħixu hemm hekk jilmentaw minn qtugħ tan-nifs, għajnejn jaħarqu, uġiegħ fil-pulmun u spiss jidħlu fi spejjeż biex jixtru mediċini biex itaffu l-problemi? Xi rriżulta minn dawn l-istudji jekk saru?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li ma saru l-ebda' studji fuq residenti tal-Magħtab, dwar xi possibilta' ta' tniġġis mill-'Landfill' fil-viċinanzi.
Jista' l-Ministru jara jekk jistgħux jittieħdu passi biex Triq ir-Ramla u Triq Santa Marija fl-inħawi tal-Magħtab jibdew jitnaddfu regolarment mit-trab u l-iskart l-ieħor li jikkaġunaw it-trakkijiet li jġorru l-iskart lejn il-Magħtab biex hekk tittaffa xi ftit it-tbatija għal dawk li jgħixu fl-inħawi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li għalkemm it-tindif tat-toroq huwa r-responsabbilta' tal-Kunsill Lokali, d-Dipartiment għall-Immaniġġjar ta' l-Iskart qed jibgħat kennies matul il-ġimgħa sabiex inaddaf dawn it-toroq.
Jista' l-Ministru jara minn Jannar sa Marzu 2001 kuljum jum b'jum kemm daħlu trakkijiet bi skart fil-Magħtab? X'tunnellaġġ ta' skart daħal f'dawn il-vjaġġi? Xi flus tħallsu minn dawk li daħħlu dan l-iskart?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Ninsab infurmat li għal Jannar u Frar tħallset is-somma ta' Lm5,599.62.
Peress li l-kontijiet ta' Marzu għadhom qed jintbagħtu mal-kontijiet tax-xahar ta' April, ma nistax nagħti ċifri għax-xahar ta' Marzu 2001.
Jista' l-Ministru jgħid min-nofs April sal-lum kemm inqalgħu watchmen mill-iskejjel? Mil-liema skejjel inqalgħu? Fejn intbagħtu? Kif intgħażlu biex jiġu trasferiti?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 26101.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir biex il-livell ta' ndafa fl-iskejjel primarji, sekondarji u post-sekondarji tal-gvenr ikun sodisfaċenti? Mill-bidu ta' din is-sena skolastika d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni kemm irċeviet ilmenti minn skejjel differenti dwar il-problema tan-nuqqas ta' staff biex inaddaf? Mil-liema skejjel waslu dawn l-ilment?X'sar dwar dawn l-ilmenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-sezzjoni li tieħu ħsieb il-Minor Staff qed tagħmel minn kollox biex kull skola statali jkollha 'cleaning complement' kif ġie stipulat fir-Report-Support Staff Requirements in State Schools - 1998'.
Fil-bidu tas-sena skolastika, is-sezzjoni irċeviet ilmenti minn skejjel dwar nuqqas ta' staff li jagħmlu xogħol ta' manutenzjoni u t-tindif. Ħafna minn dawn il-każi ġew solvuti.
L-iskejjel kienu:
* L-iskola Primarja f'San Pawl il-baħar
* L-iskola Primarja ta' l-Imġarr
* L-iskola Primarja tar-Rabat 'A'
* Liċeo Dun Ġużepp Żammit Brighella Ħamrun
* Skola Sekondarja Ġuże` D'Amato Raħal Ġdid
* Liċeo Marija Reġina Blata l-Bajda
* L-iskola tal-Mużika Johann Strauss fil-Belt Valletta.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni li ġew maħtura fil-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi? B'liema budget se taħdem sa Diċembru 2001? Kif se jkun allokat dan il-budget? Kemm se jitħallsu l-persuni li nħatru f'din il-fondazzjoni? Kemm saru laqgħat s'issa ta' din il-fondazzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-membri li jiffurmaw il-Bord tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi (FSE) huma dawn li ġejjin.
Il-Professur Kenneth Wain Chairperson
Is-Sinjorina Mary Rose Mifsud Membru
Is-Sur Frans Borg Membru
Is-Sur Alan Caruana Membru
Is-Sur Leonard Callus Membru
Dr Pierre Attard Membru
Is-Sinjorina Salvina Muscat Membru
Il-Gvern alloka dotazzjoni ta' Lm50,000 għas-sena 2001. L-allokazzjoni tal-baġit ta' l-FSE tkun determinata mill-Bord stess bl-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi. S'issa saru ħames laqgħat. Dwar il-ħlas tal-membri tal-Bord, din hi materja li qed nidħlu fiha u għad trid tittieħed deċiżjoni.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemm xi pjan biex il-bini li bħalissa qed jintuża mill-iskola Lorenzo Manche' fl-Ospiżju tal-Furjana jinbidel biex jibda jiġi użat għall-arkivji notarili? Meta hemm il-ħsieb li jseħħ l-użu ġdid ta' dan il-bini?
Response (BORG, TONIO)
Qed tiġi kkunsidrata l-possibilita` li l-Arkivji Nutarili jinstabilhom post iktar adegwat u modern minn dak li hemm illum. Qegħdin jiġu studjati diversi siti alternattivi li jistgħu jservu għal dan il-għan. M`hemm għalissa l-ebda pjani konkreti u ġew studjati diversi proposti kemm fil-Belt kif ukoll fil-Floriana. Il-possibilita` li l-post ikun fil-Belt hi aktar probabbli.
Jista' l-Ministru jgħid fuq il-bażi tax-xejriet fl-aħħar ħames snin kemm huma stmati li se jintbagħtu studenti ġodda fl-iskejjel sekondarji (ex-opportunity centres) tas-subien u l-bniet fil-Marsa, tal-bniet fil-Ħamrun, tas-subien fil-Furjana u tas-subien fin-Naxxar, skola bi skola f'Settembru 2001?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fuq bażi tax-xejriet fl-aħħar ħames snin huwa stmat li l-popolazzjoni fl-iskejjel imsemmija ser tkun bejn wieħed u ieħor hekk:-
Floriana 38
Marsa 59
Naxxar 65
Tereza Nuzzo 33
Fra Diego 35
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi biex tissaħħaħ il-qawwa tal-bozza pubblika fi Triq ir-Ramla fil-Magħtab li hemm imwaħħla mal-arblu faċċata tad-dar Massabielle, jew quddiem id-dar tal-familja Bezzina?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-manutenzjoni meħtieġa fuq il-lampi fit-triq imsemmija diġa saret.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema trejqat, sqaqien, mogħdijiet ingħataw il-konkos fl-inħawi tal-Magħtab minn Settembru 1998 sal-lum bħala għajnuna lill-bdiewa? B'liema kriterji ntagħżlu dawn il-postijiet biex jingħata il-konkos fihom?
Response (ZAMMIT, NINU)
Minn Settembru ta' l-1998 sal-15 ta' Mejju 2001 ingħataw żewġ trejqiet fl-inħawi tal-Magħtab - waħda fl-inħawi ta' Santa Marija, u l-oħra fl-inħawi magħrufa t'Alla w Ommu. Dawn ingħataw 155m3 u 68m3 ta' konkos rispettivament.
Intagħżlu dawn it-trejqiet għax l-aċċess għar-raba' kien fi stat ħażin.