Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #26390 Sitting 553 2001-06-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Marsa - Skola Sekondarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sens jagħmel li l-ġenituri jintalbu jiffirmaw dikjarazzjoni - kopja tagħha qed tintbagħat separatament - li wliedhom jintbagħtu d-dar mill-iskola FX Attard, sekondarja subien, tal-Marsa minħabba t-tinġiż mill-power station? Hemm awtorizzazzjoni mid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni għal deċiżjoni bħal din?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li meta t-tfal jesprimu x-xewqa li jmorru d-dar waqt il-ħin ta' l-iskola l-ġenituri jiġu mgħarrfa b'din ix-xewqa. M'hemm bżonn ta' ebda awtorizzazzjoni mid-Diviżjoni f'dan il-każ. Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni jidhrilha li l-Kap ta' l-Iskola uża d-diskrezzjoni maniġerjali tiegħu f'ċirkostanzi insoliti ta' ġranet sporadiċi fejn id-duħħan tal-Power Station dejjaq numru ta' tfal. Ma hux il-każ li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni trid tati l-awtorizzazzjoni tagħha sabiex il-kap ta' skola jaġixxi f'ċirkostanzi partikolari.
Leg 9 PQ #26325 Sitting 552 2001-06-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid ma' min saru konsultazzjonijiet dwar it-twaqqif tal-fondazzjoni għas-servizzi edukattivi? Meta saru dawn il-konsultazzjonijiet? X'kienu r-riżultati ta' dawn il-konsultazzjonijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-ħtieġa għat-twaqqif tal-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi irriżultat fil-Kors ta' diskussjonijiet u ħidma dwar it-twettiq ta' programmi speċjali għal dawk it-tfal i jiltaqgħu ma' diffikulta` fit-tagħlim. F'Ottubru li għadda (2000) suppost kellu jibda jitwettaq dan il-programm mill-Istitut għall-Appoġġ tat-Tfal u l-Ġenituri. Sfortunatament inqalgħu diffikultajiet. Wara diskussjoni ma' diversi uffiċċjali fil-Ministeru ta' l-Edukazzjoni irriżultat il-ħtieġa ta' organizzazzjoni ġdida biex tkun ta' appoġġ u kumplimentari għad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni fl-għoti tas-servizzi edukattivi meħtieġa.
Leg 9 PQ #26326 Sitting 552 2001-06-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Ambjent

Mellieħa — Mustering Room

Question

Jista'l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex jinstab post alternattiv għall-mustering room tasl-Mellieħa li titqies mhux adekwata u diċenti għall-bnedmin għax, fost affarijiet oħra, mhix ventilata tajjeb u hija kamra taħt l-art fuq in-naħa ta' ġewwa tal-latrina pubblika tal-lokal?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-kamra zgħira imsemmija mill-Onor. Interpellant m'għadiex tintuża bħala ufficju mill-imgħallem tad-distrett. Għal dan il-għan qed tintuża kamra f'San Pawl il-Baħar li fiċ-ċirkustanzi tal-lum ma jidhirx li hemm aktar ħtieġa li tinżamm 'Mustering Room' apposta fil-Mellieħa.
Leg 9 PQ #26332 Sitting 552 2001-06-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Sec/Matsec — Eżamijiet

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jew jiċħad li l-bord tal-Matsec se jneħħi s-sessjoni supplimentari ta' l-eżamijiet Sec u Matsec ta' Settembru?

Response (GALEA, LOUIS)

Filwaqt li s-Senat u l-MATSEC Board huma ta' dan il-parir, il-materja baqgħet ma ġietx implimentata u għaldaqstant f'dan l-istadju niċħad li ser titneħħa s-sessjoni supplimentari ta' Settembru. Kull kwestjoni konnessa ma' dan is-suġġett jeħtieġ tiġi mgħarbla bir-reqqa biex id-deċiżjoni dejjem tkun dik fl-aqwa interess ta' l-istudenti u l-kwalita` ta' l-edukazzjoni.
Leg 9 PQ #26333 Sitting 552 2001-06-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — EU

Question

Jikkunsidra l-Ministru li jieħu l-passi meħtieġa biex matul is-sena d-dieħla, meta mistennija tingrana l-kampanja dwar l-għażla tar-rabtiet ma' l-Unjoni Ewropea li għandhom jagħmlu l-Maltin u l-Għawdxin, u allura l-klima politika tisħon, għallinqas tinżamm barra l-kwestjoni ta' l-EU mill-iskejjel tagħna, tieqaf il-propaganda li għaddejja, biex jierġa' jkun hemm il-kunsens mixtieq fil-qasam edukattiv?

Response (GALEA, LOUIS)

Ma nemminx li hemm raġuni vera għaliex ma jkomplix jissaħħaħ il-kunsens dwar l-edukazzjoni u jien nibqa' nagħmel il-parti tiegħi biex dan iseħħ. Filwaqt li bl-aktar mod kategoriku niċħad li fl-iskejjel kien hemm jew hemm xi pjan jew sistema ta' propoganda dwar il-kwestjoni ta' l-UE, ser inkompli bil-politika tiegħi li tassigura li l-iskejjel ma jkunux kamp ta' battalja partiġjana fuq xi kwestjoni kurrenti fil-pajjiż. Għaldaqstant nieħu l-passi kollha li hemm bżonn. Beħsiebni wkoll nassigura li studenti, għalliema u ġenituri jibqa' jkollhom l-informazzjoni meħtieġa dwar il-programmi edukattivi ta' l-Unjoni Ewropeja biex tiġi assigurata l-aħjar parteċipazzjoni b'ġid għall-istudenti u dawk li jieħdu sehem.
Leg 9 PQ #26370 Sitting 552 2001-06-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Ambjent

Drenaġġ — Ta' Ġiorni

Question

Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi biex siġra ħdejn block d fil-qasam tad-djar ta' Ġiorni ma titħalliex issodd is-sistema tad-drenaġġ bl-għeruq tagħha b'inkonvenjenza kbira għar-residenti?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Servizzi Soċjali — Homehelp

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta se tingħata s-servizz ta' homehelp ta' erba' sigħat fil-ġimgħa li kienet tingħata l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna msemmija kellha s-servizz tal-Home-Help sa minn Frar 1992 u baqa' jingħata sat 28 ta' Marzu 2001. Ta' min jgħid li f'dawn id-disa' (9) snin, hija kellha 13 il-Assistenta Soċjali Każwali. Il-maġġoranza tagħhom telquha għax hi kienet teżiġi wisq xogħol minnhom u dawn ma felħux jibqgħu magħha. Il-persuna msemmija tgħix f'dar fejn jgħixu erba' minn-nies. S'issa d-Dipartiment għadu jfittex biex il-persuna msemmija tkun moqdija.

Pont tat-Triq Reġjonali

Question

B'riferenza għat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari nru. 26159 dwar il-lastku li hemm bżonn fit-triq fuq il-pont reġjonali, jista' l-Ministru jgħid meta se joħroġ it-tender għall-kuntratt ta' xogħol imsemmi u meta huwa ppjanat li jsir ix-xogħol meħtieġ?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-proċess amministrattiv sabiex is-sejħa għall-offerti tkun tista' ssir inbeda u wieħed jistenna li s-sejħa tkun tista' tiġi ppubblikata ma ddumx.
Leg 9 PQ #26320 Sitting 551 2001-06-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm se jtemmu l-edukazzjoni sekondarja tagħhom f'Ġunju 2001: (1) fil-junior lyceum tal-bniet; (2) fil-junior lyceum tas-subien; (3) fl-area secondary tal-bniet; (4) fl-area secondary tas-subien; (5) fl-ex-opportunity centres tal-bniet; (6) fl-ex-opportunity centres tas-subien?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' Studenti fl-aħħar sena tal-livell sekondarju hu kif ġej: Subien Bniet Total Ex-Opportunity Centres 137 73 210 Junior Lyceums 625 1166 1791 Skejjel Sekondarji 497 721 1218 Total 1122 1887 3009
Leg 9 PQ #26321 Sitting 551 2001-06-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm se jtemmu l-edukazzjoni sekondarja tagħhom f'Ġunju 2001; (1) fl-iskejjel ta' l-Istat tas-subien; (2) fl-iskejjel ta' l-Istat tal-bniet; (3) fl-iskejjel tal-knisja tas-subien; (4) fl-iskejjel tal-knisja tal-bniet; (5) fl-iskejjel privati tas-subien; u (6) fl-iskejjel privati tal-bniet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' Studenti li sa jispiċċaw l-edukazzjoni sekondarja tagħhom f'Ġunju ta' din is-sena huwa hekk: Subien Bniet Total Skejjel tal-Knisja 735 589 1324 Skejjel Indipendenti 197 96 293
Leg 9 PQ #26322 Sitting 551 2001-06-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kunsill Nazzjonali għall-Kwalifiki Vokazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'xogħol għamel s'issa l-kunsill nazzjonali għall-kwalifiki vokazzjonali? F'liema oqsma stabilixxa dawn il-kwalifiki? X'inhu s-sehem tas-settur privat? Min huma l-assessuri li se jevalwaw lill-ħaddiema u l-impjegati biex jinħarġulhom dawn il-kwalifiki? Kemm persuni ġew assenjati s'issa u kemm kwalifiki nħarġu s'issa u f'liema livell?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-Kunsill Malti għal Kwalifiki Professjonali u Vokazzjonali qiegħed jaħdem biex iwaqqaf Bordijiet għall-Iżvilupp ta' Livelli Professjonali u Vokazzjonali f'oqsma differenti. Kull bord huwa magħmul minn ħames rappreżentanti li flimkien qegħdin jaħdmu biex jiżviluppaw il-kompetenzi li għalihom huma responsabbli. L-individwi li ġew magħżula mill-Kunsill biex iservu fuq dawn il-Bordijiet ġejjin kemm mill-qasam ta' l-Edukazzjoni u mis-settur privat. Sa issa l-kunsill waqqaf għaxar Bordijiet fl-oqsma ta' Banking, Marketing, Accounting, Office Management, Insurance, Informatika, Industrial Electronics, Telecommunications, Food and Beverage u Room Service. Dawn il-bordijiet bdew jiltaqgħu u jaħdmu biex jistabbilixxu l-kompetenzi u l-kwalifiki. Bħalissa, il-kunsill qiegħed jaħdem biex iwaqqaf ħames bordijiet oħra fil-Qasam tal-Bini u Kostruzzjoni. L-assessuri ta' dawn il-kwalifiki sejrin isiru minn Bordijiet li se jitwaqqfu apposta mill-Kunsill aktar tard. Jeħtieġ iżda, li l-ewwel il-bordijiet li qegħdin jaħdmu fuq il-kwalifiki ilestu x-xogħol fdat lilhom. Il-kwalifiċi għadhom ma ġewx stabbiliti, u għad ma kien hemm ebda persuna li ġiet assessjata. Is-sistemi li huma diġa' stabbiliti fl-Ewropa ħadu s-snin biex ġew stabbiliti imma ma jistgħux japplikaw eżattament għal Malta f'kull qasam. Fil-fatt il-Kunsill qed jaħdem biex jinseġ format għal dawn il-kwalifiki nazzjonali. Dan il-format huwa bbażat fuq stil Ewropew iżda ġie addattat għal Malta. Il-proġett għat-twaqqif ta' Kwalifiki Vokazzjonali huwa wieħed kbir u għalhekk jieħu ċertu żmien. Madankollu l-persuni li qed iservu fuq il-bordijiet għall-Iżvilupp ta' Livelli Professjoniali u Vokazzjonali huma esperti fil-qasam tagħhom. Il-Kunsill qiegħed jafda fil-professjonalita` ta' dawn l-individwi - wara li dawn ġew magħżula bir-reqqa. La kwalifiki bħal dawn qatt ma ġew imwaqqfa għal Malta, hemm bżonn li kull pass li qiegħed jittieħed jiġi meqjus sewwa; il-kummentti u s-suġġerimenti ta' min qiegħed jaħdem fil-qrib fuq dawn il-kwalifiki qegħdin jittieħdu bis-serjeta`. Huwa għalhekk ukoll li l-Kunsill jaħseb biex ilaqqa' lil kull min qed jaħdem fuq dawn il-kwalifiki regolarment, biex tinħoloq diskussjoni u jitgħallmu mill-esperjenza ta' xulxin. Fuq kollox l-għan tal-Kunsill bħalissa huwa li jfassal fis-sod sistema għal-Kwalifiki Vokazzjonali għal Malta.
Leg 9 PQ #26323 Sitting 551 2001-06-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kulleġġ ta' l-Arti, Xjenza u Teknoloġija

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn wasal ix-xogħol għal ftuħ tal-kulleġġ ta' l-arti, xjenza u teknoloġija? Liema ħatriet saru s'issa? Min inħatar? Liema istituti se jiftħu f'Ottubru 2001? Min se jgħallem fihom? Meta se jiġu reklutati? X'sillabu se jgħallmu? Min qed ifassal dawn is-sillabi? Kemm studenti se jiddaħlu f'kull istitut u b'liema kwalifiki?

Response (GALEA, LOUIS)

Qed isiru l-preparamenti meħtieġa biex f'Ottubru li ġej sitt Istituti jibdew il-ħidma tagħhom fi ħdan il-Kulleġġ, l-MCAST. L-Istituti huma: L-Istitut ta' l-Inġinerija Elettronika L-Istitut ta' l-Iniġinerija tal-Bini u l-Kostruzzjoni L-Istitut tat-Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u Kommunikazzjoni L-Istitut tan-Negozju u Kummerċ L-Istitut ta' l-Arti u Disinn L-Istitut Marittimu Bħalissa qed jiġi finalizzat il-proċess tal-ħatra tal-kapijiet ta' dawn l-Istituti. Sejħa għal applikazzjonijiet għall-għalliema ser tiġi pubblikata fil-bidu tal-ġimgħa d-dieħla. In-numru ta' studenti jkun magħruf wara li jiftħu l-applikazzjonijiet relattivi. Fi żmien qasir ser jiġi pubblikat il-Prospektus.
Leg 9 PQ #26324 Sitting 551 2001-06-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Sigurta'

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi konkreti qed jittieħdu biex tiżdied is-sigurta' fl-iskejjel biex ma jkunx hemm persuni li jidħlu b'faċilita' fl-iskejjel u jgħeddu u jsawtu min jaħdem jew lil min ikun qed iżur l-iskejjel, bħall-inċidenti li kellna dan l-aħħar meta ssawwtu kap, segretarja u omm f'żewġ skejjel differenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Kull skola qed tieħu u tibqa' tieħu l-miżuri neċessarji biex tiżgura li l-aċċess għall-iskola jkun kontrollat. Għandu jingħad ukoll li f'kull każ, il-persuni li daħlu u aggredew lil xi ħadd fl-iskejjel ġew mill-ewwel arrestati, mressqa quddiem il-Qorti u kundannati. Is-suġġett ta' sigurta` fl-iskejjel jibqa' dejjem suġġett taħt konsiderazzjoni ta' l-awtoritajiet edukattivi.
Leg 9 PQ #26272 Sitting 550 2001-06-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Taqsima SpLD

Question

Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi biex it-taqsima SpLD tad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni tissaħħaħ biex ikollha r-riżorsi umani u faċilitajiet meħtieġa biex tilħaq iżjed studenti li huma dyslexic u bħalissa qed jintilfu u jaqgħu lura fl-iskejjel bi ħsara kbira għall-futur tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Pass konkret kien is-sejħa għall-applikazzjonijiet minn għalliema li jixtiequ jaħdmu f'din il-Unit. Din is-sejħa kellha tweġiba minn għalliema nteressati.
Leg 9 PQ #26273 Sitting 550 2001-06-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Taqsima SpLD

Question

Jista' l-Ministru jara li t-taqsima SpLD tad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni kemm evalwat mill-istudenti li għandha fl-eta' bejn 3 u 16 biex tara jekk għandhomx id-dyslexia? X'persentaġġ huma dawn mill-istudenti li huma dyslexic li f'pajjiżi oħra huma 10% ta' l-istudenti kollha?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-SpLD Service taħdem l-aktar ma' tfal bejn l-eta' ta' 7-16-il sena. Dan is-servizz ma jingħatax lit-tfal fl-ewwel żewġ klassijiet ta' l-iskola. Fis-sena 1991 ma kien hemm ebda tifel/tifla li kien ġie identifikat bħala dyslexic. Bil-ħidma ta' l-SpLD Service l-għalliema u l-kapijiet ta' l-iskola bdew jirċievu informazzjoni u taħriġ fuq din il-kundizzjoni u bil-mod dawn bdew jagħrfu u jirreferu t-tfal li dehru li kellhom dan it-tip ta' diffikulta`. S'issa ġew referuti u evalwati 567 tfal mill-iskejjel ta' Malta minħabba l-problema tad-dyslexia.

Mustering Room

Question

B'riferenza għat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari nru. 26227, jista' l-Viċi Prim Mnistru jgħid jekk sarux xi spezzjonijiet biex jiġi żgurat li l-post li qed jintuża bħala mustering room tal-Mellieħa jiġi ventilat kif irrikmandat? X'irriżulta mill-ispezzjonijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Min hu responsabbli mill-post indikat jingħata l-opportunita' u ż-żmien li jirretifika s-sitwazzjoni. Għandha ssir spezzjoni oħra meta jkun il-waqt.
Leg 9 PQ #26316 Sitting 550 2001-06-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Informazzjoni fuq l-UE

Question

Jista' issa l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 26229?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-istutuzzjonijiet post-sekondarji saret laqgħa waħda biss ta' informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea. Din saret fl-iskola Sir M A Refalo F'Għawdex fl-24 ta' April 2001. Il-laqgħa inżammet waqt il-break u l-attendenza kient fuq bażi volontarja. Ħadd ma qal lill-istudenti li se jaqtgħulhom mill-istipendju jekk ma jattendux. Fil-fatt ma nqatgħalhomx l-istipendju. Informat ukoll li fi tlett skejjel oħra saru laqgħat ta' informazzjoni dwar il-Programm Leonardo da Vinci II, )u mhux dwar l-Unjoni Ewropea.) Fl-iskola tal-Hairdressing and Beauty Therapy il-laqgħa saret waqt il-ħin ta' l-iskola u attendew studenti li dak il-ħin ma kellhomx lezzjonijiet. Ħadd ma qal lill-istudenti li se jaqtgħulhom mill-istipendju jakk ma jattendux. Fil-fatt ma nqatgħalhomx l-istipendju. Fil-Fellenberg Training Centre il-laqgħa saret waqt il-ħin ta' l-iskola u kienet fuq bażi volontarja. Ħadd ma qal lill-istudenti li se jaqtgħulhom mill-istipendju jekk ma jattendux. Fil-fatt ma nqatgħalhomx l-istipendju. Informat ukoll li fl-iskola Paolino Vassallo (li magħha ġiet amalgamata l-iskola Sir Hannibal Scicluna) il-laqgħa ta' informazzjoni dwar il-Programm Leonardo da Vinci II kienet waħda minn sensiela ta' laqgħat li jiġu organizzati matul is-sena dwar suġġetti varji. Il-laqgħat huma għall-istudenti kollha u jsiru fil-ħin skedat għal-lezzjonijiet. Intużat l-istess proċedura ta' reġistrazzjoni ta' attendenza li ssir għal-lezzjonijiet u għal kull waħda minn dawn il-laqgħat, u dan minħabba finijiet ta' proċedura kif stipulati mill-iStudents Maintenance Grants Regulations. Għaldaqstant min m'attendiex inqatgħalu l-istipendju.
Leg 9 PQ #26317 Sitting 550 2001-06-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Allowance

Question

Jista' issa l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 26228?

Response (GALEA, LOUIS)

Lista bl-għalliema li mhumiex jgħallmu fi klassi għax qed jaħdmu f'dipartimenti jew entitajiet oħra qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Minbarra dawk li jidhru fuq il-lista hemm numru ta' għalliema mingħajr teaching load għal raġunijiet mediċi. Hemm għalliema oħra illi għalkemm mhumiex jgħallmu fi klassi xorta baqgħu jagħtu servizzi fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni b'konnessjoni mat-tagħlim f'taqsimiet bħal ma huma: Educational Assissment Unit, School Libraries Unit, ICT, Drama, YSO, Media Education Broadcasting Centre u oħrajn. L-għalliema konċernati jieħdu biss dik l-allowance stabbilita fil-ftehim kollettiv għall-għalliema. Dawk immarkati b'* jieħdu l-allowance kif stabbilit fil-Memorandum dwar uffiċċjali li jservu f'Segretarjati Privati ta' Ministeri.
Leg 9 PQ #26318 Sitting 550 2001-06-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Assoċjazzjoni tal-Qtates

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn waslu l-passi li kellhom jittieħdu biex jinstab post alternattiv għall-qtates li qed jinżammu fis-santwarju li hemm mal-kulleġġ tal-biedja?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Assoċjazzjoni tal-qtates għadha ma sabitx post alternattiv adattat biex isir santwarju għall-qtates. Tlabt lid-Dipartiment fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni li taħtu taqa' din l-iskola biex jinsisti li jinstab il-post alternattiv.
Leg 9 PQ #26236 Sitting 549 2001-06-11 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm se titla s-somma totali li se titħallas lit-38 student Universitarju li l-Enemalta se tħaddem fis-sajf?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li t-tmienja u tletin student universitarju li l-Korporazzjoni Enemalta ser tħaddem matul ix-xhur tas-Sajf. ser jitħallsu skond kif provdut fiċ-Ċirkulari numru 23 ta' l-2001 maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru fl-4 ta' Mejju 2001.