Jista' l-Ministru jikkonferma li l-kummissarju tal-pulizija taleb videos u ritratti mingħand il-media biex jgħinu l-investigazzjoni dwar l-inċidenti bejn is-sajjieda Maltin u Taljani fl-ewwel fl-ewwel ġimgħa ta' Lulju dwar il-kwistjoni tat-tonn?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi din hija proċedura normali segwita f`inċidenti simili.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom il-familja, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, qed tingħata marki baxxi din is-sena meta applikat għand l-awtorita' tad-djar għall-akkomodazzjoni soċjali meta għandha tifla b'diżabilita' u toqgħod f'post żgur mhux adegwat? Kif jista' jkun li dawn il-marki huma iżjed baxxi minn qabel?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l-familja li għamel referenza għaliha l-Onor.Interpellant applikat għal appartament taħt Avviż Numru 65. Skond dan l-avviż, l-Awtorita' tad-Djar ippubblikat listi provviżorji ta' l-applikazzjonijiet validi u nvalidi u jekk l-applikant ma jaqbilx ma' l-informazzjoni ppubblikata jista' joġġezzjona bil-miktub lill-Bord ta' l-Appelli ta' l-istess Awtorita'. Infurmat ukoll li l-familja in kwistjoni oġġezzjonat u l-każ qiegħed għall-kunsiderazzjoni ta' l-imsemmi Bord.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kellna studenti fl-aħħar sena tal-primarja fl-iskejjel tal-gvern f'Malta u f'Għawdex, kemm bniet u kemm subien?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti fl-aħħar sena tal-primarja (Year 6) fl-iskejjel tal-Gvern f'Malta u f'Għawdex fis-sena skolastika 2000/2001 kien:
Bniet Subien Total
Malta 1667 1965 3632
Għawdex 153 151 304
Total 1820 2116 3936
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 26863?
Response (ZAMMIT, NINU)
Matul is-sena 2000, ingħatat b'kollox is-somma ta' Lm90,945 bħala għajnuna finanzjarja lill-bdiewa u sajjieda Maltin.
Din l-għajnuna kienet kemm bħala għotjiet kif ukoll bħala sussidju fuq interessi fuq self mill-Banek lokali. L-għajnuna mogħtija bħala għotjiet tkopri xiri ta' 'tractors', apparat tat-tisqija, bini ta' ġwiebi, xiri ta' bastimenti tas-sajd kif ukoll fuq xiri ta' apparat tas-sajd. Ingħata wkoll sussidju fuq r-razza tal-Baqra Maltija kif ukoll bħala assistenza lill-bdiewa fuq il-kontroll bioloġiku tal-mard għall-istaġun 1999-2000. Minn dawn l-għotjiet ibbenefikaw madwar 35 bidwi/sajjied lokali.
Mill-iskema 'Self għall-Agrikoltura' ibbenefikaw b'kollox madwar 266 individwu. Dawn ingħataw sussidju fuq l-interessi tal-Bank meta sselfu fuq diversi proġetti Agrikoli/tas-sajd.
Għal dan il-għan, hemm maħtur Bord, taħt it-termini tal-Att tal-Industrija tal-Agrikoltura u Sajd (Assistenza Finanzjarja) (Cap. 146), sabiex tikkonsidra t-talbiet għall-għajnuna finanzjarja u tgħaddi r-rakkomandazzjonijiet tagħha lill-Ministru ta' l-Agrikoltura u Sajd għall-approvazzjoni finali tiegħu. Dan il-Bord hu magħmul mid-Direttur Ġenerali ta' l-Agrikoltura bħala 'Chairman' kif ukoll minn rappreżentant tal-Ministeru tal-Agrikoltura u Sajd, tal-Ministeru għal-Għawdex, tal-Ministeru tal-Finanzi, tal-Avukat Ġenerali tar-Repubblika kif ukoll tal-Bord tal-Koperattivi.
Jista' l-Ministru jgħid x'sens jagħmel li d-dwal pubbliċi bħalissa jintfew fis-6.15 a.m. meta jistgħu jinftew siegħa qabel, fil-5.15 a.m. meta jkun diġa' sebah tajjeb? Kemm huwa stmat li tiswa lill-Enemalta siegħa ta' dwal pubbliċi bħalissa?
Response (BONNICI, JOSEF)
Peress li l-mistoqsija hija ġenerika, ikun aħjar jekk tingħata nformazzjoni aktar preċiża, bħal per eżempju l-lokalita' fejn ġie nnotat li d-dawl pubbliku qiegħed jintefa' fis-sitta u kwart ta' filgħodu, sabiex il-Korporazzjoni Enemalta tkun f'pożizzjoni aħjar biex tagħti l-attenzjoni meħtieġa għal dan l-ilment.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu mid-Dipartiment tal-Kunsilli lokali dwar l-ilment li rċieva mill-Kumitat Distrettwali Laburista tal-10 Distrett dwar l-aġir tal-kunsill lokali tas-Sliema?
Response (GATT, AUSTIN)
Bħal kull allegazzjoni oħra d-Dipartiment talab il-kummenti tal-Kunsill Lokali rigward il-kontenut ta' l-istqarrija.
Dawn il-kummenti waslu u qed jiġu evalwati.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslet il-ħatra ta' l-assistent direttur tal-kurrikulu? X' qed iżomm lill-Ministru li japprova u jiffirma l-ħatra tal-persuna magħżula?
Response (GALEA, LOUIS)
Dan hu proċess tal-PSC li qed jieħu l-kors normali tiegħu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tfal qagħdu għall-eżami tal-Junior Lyceum 2001? Kemm subien u kemm bniet? X'riżultati kisbu? Mil-liema skejjel u mil-liema lokalitajiet?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub qed jiġi kompilat u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kif jiġi deċiż ir-riżultat finali ta' studenti primarji li jkun tilfu l-eżami annwali tagħhom minħabba xi mard serju biex jiġi stabbilit f'liema klassi jintbagħtu għas-sena ta' wara?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li għall-istudenti li jkunu morda fl-eżami annwali tittieħed il-pożizzjoni tagħhom f'kull suġġett fl-eżami ta' nofs is-sena. Jintagħżel student li ġie preċiżamet qabel u ieħor li ġie wara. Fl-eżami annwali tittieħed il-pożizzjoni ta' dawn iż-żewġ studenti assenti. Jingħaddu l-marki tagħhom u jinħadem l-average. Din tkun il-marka ta' l-istudent li kien marid. Din il-proċedura tiġi applikata għal kull wieħed mill-ħames suġġetti.
Jista' l-Ministru jgħid xi flus hemm il-ħsieb li jiġu vvutati għall-implimentazzjoni tal-kurrikulu minimu nazzjonali għas-sena skolastika 2001 - 2002? Kif se jiġu minfuqa dawn il-flus?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasal fil-Ministeru fil-ħin meħtieġ biex jintbagħat fl-Uffiċju ta' l-Iskrivan tal-Kamra, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm qagħdu studenti sekondarji għall-eżamijiet SEC, suġġett b'suġġett fis-sessjoni ta' Mejju 2001:
1) mill-iskejjel ġenerali sekondarji tal-gvern
2) mill-junior lyceum
3) mill-iskejjel tal-knisja
40 mill-iskejjel privati
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub qed jiġi verifikat u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemm xi ħsarat fl-Impjant ta' Sant Antnin? Jekk iva, meta se jissewwew? X'qed isir mill-materjal li jiġi proċessat għall-kompost meta l-impjant ma jkunx qed jiffunzjona?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li fl-Impjant ta' Sant'Antnin ma hemm l-ebda ħsara bħalissa.
Jista' l-Ministru jagħti b'mod dettaljat l-infiq kapitali kollu li għamlet id-diviżjoni ta' l-edukazzjoni fil-perijodu bejn l-1 ta' Jannar 1995 sal-31 ta' Mejju 2001 fuq il-liċeo tal-bniet f'Santa Luċija billi, xahar b'xahar għall-perijodu msemmi jqiegħed il-lista ta' pagamenti li saru minn voti kapitali ta' l-istess diviżjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ħlasijiet li saru s'issa mill-ispiża kapitali għall-Junior Lyceum tal-bniet Santa Luċija hu kif ġej:
Sena Lm
1995 50,263
1996 22,534
1997 18,922
1998 11,950
1999 2,989,842
2000 261,455
Total 3,354,966
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 26789, jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm kumpanniji oħra li fl-aħħar sentejn u nofs rebħu kuntratti tal-Medigrain għall-provvista ta' qamgħ li rebħu sitta u għoxrin fil-mija jew iżjed tal-kuntratti kollha mogħtija? Liema huma dawn il-kumpanniji u kemm rebħu kuntratti?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li ma kien hemm ebda kumpanija oħra li matul l-aħħar sentejn u nofs rebħet sitta u għoxrin fil-mija jew iżjed tal-kuntratti kollha tal-Medigrain.
Jista' l-Ministrui jgħid jekk il-fondazzjoni għas-servizzi mediċi biegħetx xi vetturi tagħha bejn l-1 ta' Jannar 1999 sal-31 ta' Mejju 2001?
F'kull każ x'kienu l-vetturi? Jista' jgħid b'kemm inbiegħu u lil min inbiegħu, billi jagħti l-isem, il-kunjom u l-indirizz u n-numru tal-karta ta'l-identita' ta' kull persuna li xtrat kull vettura partikolari?
Jista' l-Ministru jerġa jivverifika jekk hux qed jittieħed kompost mill-impjant ta' Sant Antnin lejn il-Magħtab? Xi jsir mill-kompost li ma jinbiegħx lill-bdiewa?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li wara li l-iskart ikun separat mekkanikament fl-Impjant ta' Sant'Antnin, il-parti biodegradable tmur fil-boroż ta' l-Ecopod fejn tinżamm għal tlettax-il ġimgħa.
Wara li jinħareġ mill-boroż, il-materjal ikun jonqsu żmien biex jimmatura sewwa u peress li fl-Impjant ta' Sant'Antnin hemm nuqqas ta' spazju, dan jittieħed il-Magħtab fejn jinżamm mill-inqas sitt xhur sakemm ikun jista' jiġi raffinat biex jinbiegħ bħala compost lill-bdiewa.
Minn kemm ilu jaħdem l-Impjant ta' Sant'Antnin qatt ma ġara l-każ li baqa' xi compost li ma jkunx hemm suq għalih.
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux xi spezzjonijiet fis-Salina peress li fl-aħħar ġimgħat ilha toħroġ intiena qawwija fl-inħawi biiex isir magħruf minn x'hiex ġejja din l-intiena u hix ta' ħsara għas-saħħa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li saru spezzjonijiet fis-Salina dawn l-aħħar ġimgħat. Ġie kkonfermat li hemm riħa sgradevoli li ġejja mis-Soccorsio Kanal. Din ir-riħa hija dovuta għan-nuqqas ta` ċirkolazzjoni ta` l-ilma minħabba li sezzjoni ta` dan il-kanal hija mbukkata bl-alka, naqal u ħama.
Id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika bagħtet korrispondenza lid-Dipartiment ta` l-Artijiet bħala Dipartiment ikkonċernat, dwar il-kundizzjoni mhux iġenika ta` dan il-kanal u biex jieħu il-passi kollha neċessarji.
Jista' l-Ministru jgħid b'liema obbligi legali l-Gvern daħal responsabbli biex jiffinanza l-bini mill-ġdid tal-gabbana f'Fond Għadir f'Tas-Sliema
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol li qiegħed isir sar bħala parti mit-tisbieħ tal-promenade ta' Triq it-Torri. Il-kiosk li kien hemm qabel kien qdiem u anke kellu deterjorazzjoni strutturali u kien hemm ħtieġa li d-disinn tal-kiosk jaqbel mal-kumplament tad-disinn ġdid tal-promenade.
L-uniku interess li kellu u li għandu l-Gvern fuq dan is-suġġett huwa li jkun hemm proġett integrat għall-promenade ta' tas-Sliema.
It-Taqsima Xogħlijiet infurmat bix-xogħol kollu li jirrigwarda l-kiosk lit-Taqsima Propjeta' tal-Gvern biex isiru l-aġġustamenti meħtieġa fir-rata tal-kera li titħallas mill-inkwilini.
Jista' l-Ministru jgħid fhiex wasal ix-xogħol għall-ħames protokoll Malta-Italja?
Response (BORG, JOE)
It-taħdidiet bejn Malta u l-Italja dwar il-Ħames Protokoll Finanzjarju jinsabu għaddejjin. It-taħdidiet kienu bdew taħt l-administrazzjoni Taljana preċedenti, u dawn ġew sospiżi minħabba l-elezzjonijiet ġenerali fl-Italja. Hu maħsub li dawn it-tahdidiet jitkomplew fil-futur qrib ma` l-administrazzjoni ġdida fl-Italja.