Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 27679?
Response (GALEA, LOUIS)
Iva, id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni qed tassigura li l-investiment fl-iskola primarja ta' Pembroke ser jirrispondi b'mod adegwat ma' l-iżvilupp demografiku ta' din il-lokalita`.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 27680?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li saru diversi taħditiet informali u formali mal-Kunsill Lokali ta' Pembroke rigward l-iskola primarja tal-lokalita`. Dawn it-taħditiet huma ppjanati li jitkomplew.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kellna studenti Għawdxin mill-oqsma differenti ta' l-iskejjel sekonardji u post-sekondarji li qagħdu għas-suġġetti differenti fil-livelli:
1) SEC
2) Intermediate
3) Avvanzat
4) Systems of Knowledge
f'kull każ kemm studenti
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x'kien r-riżultati li ġabu l-applikanti ta' l-eżamijiet Sec, Intermediate u Avvanzat fis-suġġetti differenti, minn kull qasam edukattiv fis-sessjoni li saret f'Mejju 2001?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub qed jiġi verifikat u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kellna studenti Għawdxin li temmew l-edukazzjoni sekondarja u post-sekondarja fl-oqsma edukattivi differenti fis-sena skolastika li għadha kemm intemmiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti Għawdxin li temmew l-edukazzjoni sekondarja kienu:
Ninu Cremona Boys' Secondary 75
Ninu Cremona Boys' Junior Lyceum 65
Agius De Soldanis Girls' Secondary 45
Agius De Soldanis Girls' Junor Lyceum 166
K. Galea School of Building & Architecture 17
M. Mejlaq Girls' Trade School 13
In-numru ta' studenti Għawdxin li temmew l-edukazzjoni post-sekondarja kienu:
Secreterial 15
Pre Vocational 11
Banking 9
Matriculation Certificate 177
Technical Institute 16
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn host families f'Malta u Għawdex li għandhom permess iżomm għandhom persuni li jiġu jitgħallmu l-Ingliz f'pajjiżna matul din is-sena? Jista' jagħti t-tagħrif lokalita' b' lokalita'?
X'xogħol qed isir biex jiġi żgurat li qed iħarsu l-kundizzjonijiet tal-permess peress li hemm familji li jżommu għandhom studenti iżjed milli permess?
Response (REFALO, MICHAEL)
Peress lil-informazzjoni għadha qed tinġabar tweġiba tingħata f’xi seduta oħra
Jista' l-Ministru jgħid x'xogħol sar matul din is-sena mill-monitoring board li dmiru jissorvelja standards u adezjoni mal-kundizzjonijiet tat-tmexxija ta' l-iskejjel għat-tagħlim ta' l-Ingliz?
X' irriżulta minn din il-ħidma tal-bord?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ħidma tal-Monitoring Board kienet tikkonsisti prinċipalment f'dawn l-oqsma:
* Amministrazzjoni Ordinarja mill-Uffiċċju tas-Segretarju: tweġibiet għal ħafna domandi li jsiru kemm bit-telefon kif ukoll bil-kitba. Ħafna drabi kienet tintalab informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet għal ftuħ ta' skejjel ġodda, kif ukoll dwar il-kwalifiki mitluba għall-ħruġ ta' EFL Permit. F'dawn l-aħħar xhur ġew proċessati 'l fuq minn 200 EFL Permit u Renewals ta' l-istess Permit. Dan ix-xogħol jinkludi l-iscreening tal-kwalifiki ta' l-applikant/i. Sa l-aħħar ta' Marzu 2001 l-applikazzjonijiet għal teachers' EFL Permit kienu ġew pproċessati kollha.
* Laqgħat tal-Monitoring Board: minn Jannar 2001 sa l-aħħar ta' Marzu 2001 il-Board iltaqa' tlett darbiet. L-attendenza tal-membri kienet kważi 100%. F'dawn il-laqgħat ġew diskussi u ttrattati fost affarijiet oħra:
- applikazzjonijiet għal permessi ta' skejjel ġodd. Dawn
l-applikazzjonijiet jinvolvu kemm żjarat mill-Board fil-lokal ta'
l-iskejjel proposti kif ukoll eżami tal-Questionnaire li kull applikant
irid jimla' u jagħti dettalji dwar il-metodi ta' tagħlim li se jintużaw, il-
kwalifiki tal-personnel li se jmexxi l-iskola, il-marketing u l-budget
ta' l-ewwel snin.
- Deċiżjoni dwar erba' skejjel li m'għadhomx joperaw.
- Screening tal-kwalifiki ta' erba' Diretturi ġodda ta' skejjel ta' l-Ingliż
- Approvazzjoni ta' TEFL Courses imnedija minn żewġ skejjel għat-
taħriġ tat-teachers.
- Preparazzjoni għall-Meeting Ġenerali fi tmiem it-term of office ta' l
istess Board.
- Rapport dwar il-ħidma tal-Board f'dawn l-aħħar sentejn: April 1999-
April 2001. Kopja ta' dan ir-rapport ingħatat lili u lill-Ministru tat-
Turiżmu.
Jista' l-Ministru jgħix x'xogħol sar matul din is-sena dwar monitoring tal-kwalita' ta' l-arja f'pajjiżna? Fejn sar dan il-monitoring? X'irriżulta mill-istħarriġ li sar?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li matul din is-sena (2001) id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent kompla bil-programm ta' monitoraġġ ta' l-arja fi bliet u rħula tal-gżejjer Maltin permezz ta' Mobile Station u permezz ta' diffusion tubes.
S'issa, l-Mobile Station ittieħed f'dawn il-lokalitajiet:
San Ġwann
Floriana
B'Buġia
Sliema
F'dawn il-lokalitajiet il-livelli ta' sulphur dioxide, nitrogen dioxide, carbon monoxide u ozone kienu f'livell aċċettabbli (Standards Ewropej). Ir-riżultati jinsabu ppubblikati fuq il-website tad-dipartiment (www.environment.gov.mt).
Ir-riżultati miksuba mid-diffusion tubes għadhom qed jiġu pproċessati.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadu l-pulizija dwar l-ilmenti mqajma minn turisti residenti fil-lukanda New Paradise Bay u mill-management ta' l-istess lukanda li qed isiru discos fil-beach concession taċ-Ċirkewwa li qed jiddisturbawhom għax idum sas-sigħat bikrin ta' filgħodu?
X'permessi qed ikollhom dawk li jorganissaw dawn id-discos?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma jirriżultax li l-Pulizija kellha xi lmenti kif imsemmija mill-Onorevoli Interpellant. Il-permessi maħruġa mill-Pulizija huma għal ġranet speċifiċi. Meta dawn inħarġu kienu mis-7.00pm sa nofs il-lejl.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi tieħu l-Awtorita Maltija tat-Turiżmu meta jkollha rapporti li residenti ta' lukandi bhal dik tan-New Paradise Bay li jilmentaw minn storbju ta' discos f'bajjiet qrib il jibqgħu joperaw sas-sigħat bikrin ta' filgħodu b'disturb u ħsara għall-industrija tat-turiżmu f'pajjiżna?
Response (REFALO, MICHAEL)
Infurmat li l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu ma rċevietx rapporti simili.
Jista' l-Ministru jgħid fid-dawl tal-membri tal-Forzi Armati li ġew arrestati dan l-aħħar fuq involviment fin-negozju u traffikar tad-drogi, xi screening isir dwar il-karattru, ir-reputazzjoni u l-fedina penali tal-persuni li jiġu reklutati fil-Forzi Armati?
Hemm persuni fil-Forzi Armati li għandhom rekord kriminali?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li dawk kollha li japplikaw biex jidħlu fil-Forzi Armati jridu jippreżentaw ċertifikat nadif tal-kondotta li ma jridx ikun inħareġ iktar minn sitt xhur qabel id-data ta’ l-għeluq ta’ l-applikazzjonijiet. Jiġi aċċertat ukoll li ħadd mill-applikanti ma jkun tkeċċa minn xi Forza oħra ta’ sigurta’ bħal ngħidu aħna Pulizija jew Gwardjan il-ħabs. Barra minn hekk, qabel l-ingaġġ, l-individwi kollha jiġu mistoqsijin jekk qattx kienu nvoluti f’xi każ il-Qorti. Jekk eventwalment jinstab li xi ndividwu jkun ta dikjarazzjoni falza, jittieħdu passi dixxiplinarji li jistgħu jwasslu wkoll għal tkeċċija mis-Servizz.
It-tweġiba għat-tieni parti tal-mistoqsija hija li hemm membri tal-Forżi Armati li kellhom xi kundanna ta’ natura kriminali.
Jista' l-Ministru jgħid hemm xi membri fil-Korp tal-Pulizija li għandhom xi rekord kriminali fil-fedina penali tagħhom?
Kemm hemm minn dawn il-membri? F'hiex tikkonsisti r-rekord kriminali tagħhom? kif ġew reklutati dawn il-membri?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f`xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid min għamel l-istudju dwae l-impatt tas-Sħubija fl-Unjoni Ewropea fuq iż-żgħażagħ għall-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ? Kemm ġie jiswa dan l-istudju? Minn liema vot se jitħallas?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wasallix, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intefaq s'issa mill-vot li ngħata għal din is-sena l-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ? Kemm fadallu x'jonfoq min dan il-vot?
Fuq xiex intefqu l-fondi s'issa? Tista' tagħti breakdown dettaljat tan-nefqa tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ din is-sena s'issa?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub qed jiġi verifikat, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 27263 u t-tweġiba għaliha liema programi bażiċi fil-kitba u qari u matematika applikata ġew organizzati matul din is-sena mill-ETC?
F'kull program kemm attendew persuni? X'etajiet kellhom? Xi kwalifiki kellhom? X'riżultati kisbu permezz ta' dan il-kors?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Matul din is-sena il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ organiżżat ħdax il-programm bażiku fil-kitba u qari u matematika applikata. Għal dawn il-programmi attendew 71 persuna (68 raġel u 3 nisa).
L-etajiet tal-parteċipanti qed jiġu elenkati hawn taħt:
Etajiet Irġiel Nisa
16 - 24 8 0
25 - 39 32 1
40 - 49 22 0
50 - 59 6 2
60+ 0 0
L-ebda persuna mill-parteċipanti ma kellha kwalifiki filwaqt li dawk li lestew il-programm ingħataw ċertifikat ta' attendenza.
L-ETC qed taddatta strateġija bil-programmi tagħha għal dawk li qed jirreġistraw għax-xogħol u ma jafux jaqraw u jiktbu. Iktar milli programmi ta' massa, l-ETC qed tfittex li t-tagħlim ikun iktar personaliżżat. Infatti qed jingħataw dawn is-servizzi:
- Fiċ-Ċentru Paolo Freri fiż-Żejtun fejn fit-tagħlim hemm tutor ma' kull klijent;
- F'Ħal Far fejn fit-tagħlim hemm tutor ma' kull ħames klijenti;
- Fil-kunsilli lokali fejn hemm tutor ma' kull ħames klijenti.
Sa issa l-kunsilli lokali ta' Birkirkara, San Pawl il-Baħar u Ħaż-Żabbar urew interess.
Dan il-programm se jiġi intensifikat fix-xhur li ġejjin.
Fil-pjani li għandha d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni għal skejjel primarji u sekondarji tad-diversi lokalitajiet ta' Malta u Għawdex, jista' l-Ministru jgħid x'proġezzjonijiet demografiċi għandha dwar fejn se jiżdiedu u jonqsu t-tfal tal-lokalitajiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni taġġorna l-proġezzjonijiet demografiċi fejn se jiżdiedu u jonqsu t-tfal fil-lokalitajiet fuq bażi regolari.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li se jkun hemm bżonn għalliema għal kull wieħed mis-sitt istituti li se jibdew il-ħidma tagħhom fi ħdan il-kulleġġ MCAST f'Ottubru li ġej?
B'liema kundizzjonijiet se jiġu reklutati l-għalliema meħtieġa l-għalliema meħtieġa
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' għalliema maħsub għal kull wieħed mis-sitt istituti f'dan l-istadju hu stmat li għandu jkun:
32 - Arti u Disinn
34 - Inġinerija Elettronika
40 - Inġinerija tal-bini u kostruzzjoni
11 - Teknoloġija tal-kommunikazzjoni u informazzjoni
85 - Negozu u Kummerċ
7 - Marittimu
Il-kundizzjonijiet li bihom se jiġu reklutati l-għalliema ġew ippubblikati u kopja tas-sejħa qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jikkonfermax li hemm il-ħsieb li biex imexxi l-Istitut tat-Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni tal-MCAST se tiġi avviċinata persuna offruta salarju ta' Lm 21,000 u tiġi reklutata permezz tal-Maltacom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-MCAST fl-ewwel ta' Frar 2001 li għadda ppubblikat talba għal dawk l-azjendi kollha li xtaqu jidħlu f'xi forma ta' sħab mal-Kulleġġ il-ġdid. L-MCAST hu marbut mill-istatut tiegħu li jagħmel dak kollu li jista' biex imexxi t-tagħlim il-quddiem id f'id ma' l-industrija u s-settur kummerċjali. Waħda mill-azjendi li daħlet fi ftehim mal-Kulleġġ hi propju l-Maltacom li hi 'partner' naturali għall-kamp tat-teknoloġija u l-kommunikazzjoni u l-informatika. Fil-ftehim li jeżisti bejn il-Maltacom u l-Kulleġġ teżisti l-possibilita` li mpjegati taż-żewġ organizzazzjonijiet jistgħu jaħdmu fi ħdan xulxin u hemm il-ħsieb li l-Kap ta' l-Istitut tat-Teknoloġija, tal-Kommunikazzjoni u l-Informazzjoni jiġi sekondat minn sussidjarja tal-Maltacom. Mhux soltu li l-pakkett ta' ħlas f'dawn il-kumpaniji jiġi żvelat peress li hi informazzjoni ta' natura kummerċjali.