Jista' l-Ministru jgħid fit-tielet term tas-sena skolastika 2000-2001 kemm ingħataw permessi biex studenti jitilqu mill-iskola:
1) qabel għalqu 16?
2) qabel ma spiċċat is-sena skolastika għalkemm għalqu 16?
Kemm kien hemm talbiet mill-iskejjel ta' l-Istat, tal-Knisja u Privati? X'kien r-raġunijiet għat-tluq mill-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti li ngħataw permessi biex jitilqu mill-iskola fit-tielet term tas-sena skolastika 2000-2001 qabel għalqu s-sittax-il sena u qabel ma spiċċat is-sena skolastika għalkemm għalqu s-sittax-il sena huwa kif ġej:
Taħt is-sittax-il sena Għalqu s-sittax-il sena
Spiċċaw il- Ma spiċċawx il- Spiċċaw il- Ma spiċċawx il-
kors skolastiku kors skolastiku kors skolastiku kors skolastiku
Skejjel ta' l-Istat 19 198 74 304
Skejjel tal-Knisja 3 45 18 99
Skejjel Indipendenti - 8 - 6
Fil-każijiet kollha r-raġunijiet kienu għal xogħol.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ilhom ma jsiru l-manutenzjoni meħtieġa u t-tindif tal-filtri tas-sistema ta' l-arja kkundizzjonata fl-ajruport internazzjonali ta' Malta peress li nies li jaħdmu f'dak il-post qed jilmentaw minn uġiegħ fil-griżmejn li jaħsbu li ġej mill-ħmieġ tas-sistema msemmija?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-manutenzjoni meħtieġa u t-tindif tal-filtri tas-sistemi ta' arja kundizzjonata fl-Ajruport Internazzjonali ta' Malta jsiru fuq bażi regolari kif titlob is-sengħa. Dan ilu jsir minn meta infetaħ l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta fl-1992 u baqa' jsir fuq bażi regolari sa llum, mill-anqas darba fix-xahar.
Iżjed minn hekk, ta' min wieħed jgħid li, kif titlob is-sengħa, il-Kumpanija għandha r-rekords kompluti ta' kull meta jsir dan ix-xogħol, kif ukoll xi jsir u tiżgura li x-xogħol li jsir ikun ta' l-aħjar kwalita'.
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi meħtieġa biex il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament u li kienet tattendi l-iskola Maria Teresa Nuzzo u li għalqet 16-il sena f'Diċembru li għadda titħalla tibqa' tattendi din l-iskola kif studenti diżabilitati bħalha jitħallew fl-iskejjel speċjali sa mill-inqas meta jagħlqu d-19 sena?
Response (GALEA, LOUIS)
It-talba msemmija qed tiġi studjata fid-dawl ta' l-implikazzjonijiet kollha tal-preċedenti li l-każ jista' joħloq. Ta' min jgħid li għalkemm fl-iskejjel Speċjali t-tfal jinżammu sa meta jagħlqu d-19-il sena, il-policy applikabbli fl-iskejjel l-oħra li ma humiex post-sekondarji, hija mod ieħor.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom d-disability allowance tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament ġiet imnaqqsa fl-aħħar ħlas li sar lill-fmailja?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna konċernata ġiet infurmata bil-każ.
Jista' l-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika jgħid f'Mejju 2001 kemm għandna żgħażagħ fl-eta' ta' 15, 16, 17, 18 and 19 sena b' sena?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li l-istatistika għall-popolazzjoni imqassma skond l-eta' teżisti biss għall-aħħar ta' kull sena u mhux xahar b'xahar. Għaldaqstant l-informazzjoni mitluba tirreferi għall-aħħar ta' Diċembru 2000.
ETA' IRĠIEL NISA TOTAL
15 2,871 2,696 5,567
16 2,929 2,727 5,656
17 3,001 2,805 5,806
18 3,039 2,955 5,994
19 2,895 2,793 5,688
Tajjeb jingħad ukoll li l-popolazzjoni Maltija fl-aħħar ta' Diċembru 2000 kienet tikkonsisti f'189,720 irġiel u 192,805 nisa - total ta' 382,525.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet il-pulizija dwar rapporti regulari li qed isiru dwar storbju u ħsejjes fis-sigħat bikrin ta' filgħodu li qed jiddisturbaw lill-ġirien u li jsiru waqt parties organizzati mir-Russu li jgħix f' appartament nru. 6 f'Romina Flats, Triq il-Ġogi, Swieqi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija ta` San Ġiljan ma kellhiex rapporti kif imsemmija mill-Onorevoli Interpellant.
Madankollu l-Pulizija tad-Distrett ingħataw struzzjonijiet biex jinvestigaw dawn l-ilmenti u ninsab infurmat illi l-persuna li toqgħod f`dan il-flat ġiet imwissija mill-Pulizija sabiex ma tagħmilx storbju u ħsejjes li jdejqu l-ġirien.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kellna studenti post sekondarji fl-aħħar sena tal-kors tagħhom fl-istituzzjonijiet edukattivi ta' Malta u Għawdex fl-oqsma ta' l-Istat, tal-Knisja u tal-privat?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għadd ta' studenti fl-aħħar sena tal-kors tagħhom post-sekondarju matul is-sena skolastika 2000-2001 kienu:
Skejjel Statali 2737
Skejjel tal-Knisja 296
Skejjel Indipendenti 51
Total 3084
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 27761?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-somma ta' Lm6000 ivvutata fl-estimi tad-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport bħala għajnuna lill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ tingħata lill-istess Kunsill fil-bidu tas-sena. Fl-aħħar ta' kull sena l-Kunsill jaħtar awditur biex jeżamina l-finanzi, u kopja ta' l-audited accounts tiġi mgħoddija lid-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport u dik għas-sena 2000 ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari nru. 27758, kemm hemm persuni fil-Forzi Armati li għandhom rekord kriminali? X'reati wettqu l-membri tal-Forzi Armati li kellhom xi kundanna ta' natura kriminali?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ persuni li qegħdin iservu fil-Forzi Armati u li kellhom xi kundanna ta’ natura kriminali hu ta’ 49. Informazzjoni dwar ir-reati hi skond kif tidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 27760?
Response (GALEA, LOUIS)
Dwar l-ewwel parti tad-domanda nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 25268. Informat li dan l-istudju ġie jiswa Lm3000. Din l-ispiża se titħallas mill-fondi li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu l-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ. L-uniċi fondi addizzjonali li ngħataw mid-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport minbarra l-għotja ta' Lm6000 ammontaw għal Lm500.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex minn żmien għal żmien il-membri tal-forzi armati jiġu screened biex jiġu eżaminati jekk ikunux qed jieħdu d-drogi? Matul din is-sena fuq kemm membri tal-Forzi Armati sar dan l-iscreening?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li minn żmien għal żmien membri tal-Forzi Armati jintalbu jagħmlu ‘urine tests’ li huma mmirati propju biex jinqabdu dawk li jabbużaw bid-drogi. Mill-1 ta’ Jannar sat-3 ta’ Settembru ta’ din is-sena saru sittin test.
Jien infurmat ukoll li dawk kollha li jidħlu membri ġodda fil-Forzi Armati jagħmlu l-istess testijiet.
Jista' l-Ministru jgħid xi pjani hemm biex tiġi kkontrollata l-problema tat-trab li qed jitfarfar regolarment mill-ħitan ta' San Ġakbu Kavallier u li qed toħloq inkonvenjent għall-wirjiet f'dan iċ-ċentru?
Response (GALEA, LOUIS)
Ninsab informat li l-esperti tal-ġebla għadhom ma sabux soluzzjoni li definittivament tikkontrolla l-problema msemmija. Qed tiġi konsidrata soluzzjoni temporanja biex tnaqqas l-inkonvenjent.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għalliema attendew għall-korsijiet inservice organizzati f'Lulju mid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni? Kemm attendew kors, kors?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li f'line item 28 Travel ta' Vote 22 Culture and the Arts fejn għall-budget 2000 kien hemm nefqa ppjanata ta' Lm3,000 iżda n-nefqa attwali kienet ta' Lm18,141? Fuq xiex intnefqu l-Lm18.141?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-nefqa globali tad-Dipartiment tal-Kultura fuq line item 28 Travel ta' Vote 22 Recurrent għas-sena finanzjarja 2000 kienet ta' Lm18,141. Din iċ-ċifra ma tirrapreżentax biss in-nefqa fuq safar mid-Direttorat tad-Dipartiment, iżda tkopri wkoll infiq ieħor minn kumitati maħtura taħt il-ġurisdizzjoni tad-Dipartiment tal-Kultura, fosthom il-Kumitat Festi Nazzjonali u l-Kumitat Festival Kanzunetta Maltija u Kanzunetta għall-Ewropa. Fil-fatt, l-imsemmija nefqa magħmula mid-Direttorat tad-Dipartiment fis-sena 2000 ma kinitx teċċedi s-somma vvutata u approvata fl-Estimi Finanzjarji 2000 li kient ta' Lm3,000. Għaldaqstant, id-diskrepanza bejn iċ-ċifra ta' somma approvata ta' Lm3,000 u dik ta' Lm18,141 indikata fil-Mistoqsija ta' l-Onor. Membru hija biss waħda apparenti.
Għall-fini ta' accounting u proċeduri finanzjarji stabbiliti, kull infiq fuq safar irid ikun reġistrat fuq line item 28. Dan kien jirrikjedi trasferimenti ta' flus (permezz ta' virement) minn line items 4181 Carnival - Malta u minn 4375 Malta Song Festival & Eurovision Song Contest għal line item 28.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti ġodda li se jibdew jattendu l-iskola Danny Cremona fis-sena skolastika l-ġdida? Kemm se jkun hemm studenti f'din l-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li din is-sena applikaw 43 student għal din l-iskola. It-total fis-sena skolastika l-ġdida sejjer ikun ta' 95 student.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti ġodda li se jibdew jattendu l-iskola Gilormu Cassar fis-sena skolastika l-ġdida? Kemm se jkun hemm studenti f'din l-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istudenti u l-istaff ta' l-Iskola Ġilormu Cassar ġew trasferiti għall-iskola Lorenzo Manche`.
Informat ukoll li matul is-sena skolastika li jmiss se jkun hemm b'kollox 64 student f'din l-iskola, 24 minnhom huma studenti ġodda.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi tibdil fil-proġett tal-Kottonera f'dak li għandu x'jaqsam ma' bini ta' appartamenti u minn 80 issa se jibnu 125? Hemm xi kundizzjonijiet ġodda għall-iżviluppaturi wara dan it-tibdil? Liema huma l-kundizzjonijiet?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' appartamenti li ser jinbnew bħala parti mill-proġett tal-Kottonera huwa governat mill-permess ta' l-iżvilupp kif jinħareġ mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'se jiġri minn dawk l-istudenti li jinsabu f'kors post sekondarju f'xi waħda minn dawk l-istituzzjonijiet li se jiffurmaw parti mill-MCAST, kif se jkomplu l-korsijiet preżenti
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kull Kors post-sekondarju mibdi f'xi waħda mill-istituzzjonijiet li se jiffurmaw parti mill-MCAST jitkompla fuq il-kundizzjonijiet li għalihom daħlu għalih l-istudenti.
Jista' l-Ministru jgħid x'relazzjoni teżisti bejn ir-Restoration Unit tal-Ministru u ċ-Ċentru tar-Restawr ta' Bighi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Ministeru għall-Ambjent għandu membru jirrappreżentah fuq il-Board of Governors taċ-Ċentru tar-Restawr, liema membru hu mit-Taqsima tar-Restawr.
Barra minn dan, it-Taqsima tar-Restawr u ċ-Ċentru tar-Restawr ta' Bighi qegħdin jikkolaboraw ma' xulxin fuq diversi proġetti ta' restawr.