Jista' l-Ministru jgħid kif marru l-istudenti tal-kors tal-Fiżjoterapija ta' l-Institute of Health Care li temmew l-edukazzjoni tagħhom din is-sena?
Kemm għaddew mill-eżamijiet finali?
Kemm waħlu?
F' hiex waħlu?
Jistgħu jerġgħu jagħmlu mill-ġdid l-eżami li jkunu weħlu minnu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li 14-il student temmew b'suċċess il-kors tal-Fiżjoterapija wara erba' snin studju. Ebda student li beda l-kors erba' snin ilu ma weħel mill-kors. Ma' dawn kien hemm żewġ studenti li kienu bdew il-kors sena qabel u kienu qed jirrepetu l-aħħar sena. It-tnejn li huma ma kinux eliġibbli biex joqgħodu għall-eżami f'Ġunju peress li ma ssodisfawx il-kundizzjonijiet li sarulhom meta tħallew jirrepetu s-sena. Huma għamlu l-eżami f'Settembru u weħlu mill-eżami prattiku. Il-każ tagħhom issa jrid ikun deċiż mill-Bord ta' l-Institute skond ir-regolamenti.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet l-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex ma jkun hemm ħadd li jopera minn Triq it-Torri f'Tas Sliema biex iżom għandu t-tfal meta l-bini mhux addattat u ma jkunx applika biex jopera bħala stabbiliment li jieħu ħsieb iżomm it-tfal?
Response (BORG, TONIO)
Jista` l-Onor. Membru jkun aktar speċifiku fil-Mistoqsija tiegħu.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu biex jibda screening tal-host families li jilqgħu għandhom persuni li jiġu jistudjaw l-Ingliż f'Malta u f'Għawdex biex jiġi żgurat li ma jkunx hemm fosthom persuni b'rekord kriminali inkluż abbużi sesswali tat-tfal
Response (REFALO, MICHAEL)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt f’Ġunju 1999. Hu maħsub li mis-sena d-dieħla l-liċenza ta’ “Host Family” tinħareġ mill-Awtorita’ tat-Turiżmu ta’ Malta.
Wara laqgħat li saru bejn rappreżentanti tal-Ministeru, tad-Dipartiment, tal-M.T.A. u ta’ skejjel ta’ l-Ingliż ġie miftiehem li jsir “screening” tal-“host families” li jilqgħu għandhom barranin bi ħlas. Għal dan il-għan biex jinħarġu u / jew jiġġeddu liċenzi l-applikant irid iforni lill-M.T.A. l-fedina penali tiegħu kif ukoll dikjarazzjoni dwar il-kondotta ta’ kull membru tal-familja u awtorizzazzjoni biex l-M.T.A. tkun tista’ tistħarreġ dwarhom mal-Pulizija.
Jista' l-Ministru jgħid fejn waslet it-talba tal-persuna indikata under separated cover biex tpartat il-post tagħha preżenti ma' post ieħor li kellha qabel u li kien ġie rekwiżizjonat?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jara li jkun hemm servizz regulari ta' trasport għall-istudenti li minn San Ġiljan imorru fl-iskola sekondarja tas-subien tal-Gzira għan il-karozza qad mhix qed tiġi biex teħodhom jew iġġibhom lura mill-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li r-rotta regolari hi kif se nsemmi:
It-trasport fil-għodu jitlaq fis-7.30am mis-Savoy Bus Terminus, Balluta u San Ġiljan għall-Gżira u fil-għaxija jagħmel l-istess rotta.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex hemm studenti li jixtiequ jistudjaw il-Franċiż fl-iskola Giovanni Curmi tan-Naxxar u qalulhom li ma jistgħux għax m' hemmx għalliema?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-iskola Giovanni Curmi, Naxxar, toffri fil-Prospectus 'O' level revision course, Intermediate level course 1st u 2nd year, u Advanced level course 1st u 2nd year. Kull student li applika għal dawn il-korsijiet ġie aċċettat u tqiegħed fi grupp. F'din l-iskola m'hawnx nuqqas ta' għalliema tal-Franċiż u l-istudenti f'kull livell qed jiġu mogħtija l-lezzjonijiet tal-Franċiż.
Sadattant l-amministrazzjoni ta' l-iskola qed tagħmel l-aħjar li tista` biex tissodisfa talba minn xi studenti biex jiġi offrut "beginners' course" f'dan is-suġġett. Dan il-kors extra s'issa ma ġiex introdott mhux għax m'hemmx għalliema imma għaliex it-time table ta' l-istudenti involuti hi mqassma b'lezzjonijiet tas-suġġetti l-oħra. Dan m'huwiex kors li l-iskola hija obbligata li tagħtih għalkemm qed tipprova ssib soluzzjoni.
Jista' l-Ministru jieħu passi biex jiġi żgurat li ħadd mill-għalliema fil-Junior Lyceum Sir Adrian Dingli ma jpejjipx waqt li jkun qed jgħallem?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hija policy ta' l-istaff kollu, mhux biss l-għalliema iżda wkoll is-sapport staff, li ma jpejpux mhux biss fil-klassijiet iżda wkoll fil-kuriduri u kull fejn ikun hemm l-istudenti.
Ma jirriżultax lill-amministrazzjoni ta' l-iskola li xi ħadd mhux qed jimxi ma' din il-policy. Ebda rapport ma wasal għand l-amministrazzjoni ta' l-iskola u lanqas mingħand il-ġenituri.
Jista' l-Ministru jgħid kif bir-raġun ittieħdet id-deċiżjoni li studenti ma jitħallewx jieħdu mobile phones lejn l-iskola, jista' joħroġ direttiva biex l-għalliema ma jwieġbux mobile phones fil-klassi waqt li suppost ikun qed jgħallem?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li diġa` kienet ħarġet direttiva mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni biex l-għalliema jitfu l-mobile phones waqt li jkunu qegħdin jgħallmu jew waqt li jkunu qegħdin jaqdu d-diversi doveri tagħhom fl-iskola. Din id-direttiva kienet ħarġet permezz ta' ittra ċirkolari OPS 11/2001 fis-7 ta' Marzu 2001.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jistgħux jittieħdu passi biex l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament li qed isegwi l-apprendistat ESTs, jiġi żgurat mill-ETC, li l-esperjenza ta' xogħol tkun marbuta mal-auto mechanics u mhux jitqabbad mill-isponsor (Ballut Block) jagħmel xogħol mhux relatat bħal dak ta' tqegħid tal-ġelatina fil-barrieri?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-uffiċjali tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ iżuru perjodikament l-apprendisti, kemm fuq il-post tax-xogħol kif ukoll l-iskola biex jiġi aċċertat li t-tagħlim u x-xogħol jkunu relatati mal-course li jkunu qed isegwu.
Fil-każ tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant, dawn iż-żjajjar saru wkoll iżda din qatt ma ġibdet l-attenzjoni tal-Korporazzjoni li qed tingħata xogħol ta' tqegħid ta' ġelatina fil-barrieri.
Ninsab infurmat ukoll li, madankollu, l-Korporazzjoni ħadet nota ta' dan l-ilment u ser tieħu passi beix tinvestiga l-każ.
Jista' l-Ministru jgħid xi ħlasijiet ġodda ġew issettjati għall-attivitajiet tat-tiġrijiet taż-żwiemel fil-Marsa?
Min issettja dawn il-ħlasijiet?
Bl-awtorita ta' min?
Ma min ikkonsulta?
Tista' tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ħlasijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Dwar il-ħlasijeit ġodda li ġew iffissati għall-attivitajiet tat-tiġrijiet taż-żwiemel fil-Marsa, nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 28444.
Informat li dawn il-ħlasijiet ġew approvati mill-kumitat tat-tmexxija wara rakkomandazzjonijiet mill-Kumitat Eżekuttiv.
Jista' l-Ministru jgħid fejn waslet l-applikazzjoni mill-persuna indikata under separate cover f' Novembru 2000 li qed tgħix f' kamra waħda u nieqsa minn kull faċilita' diċenti u li qed tfittex biss xi żewġt ikmamar?
Jista' l-Ministru jgħid peress li minkejja li ċ-ċirkulari tad-29 ta' Marzu 2001 titkellem dwar basktijiet tqal li jkollhom iġorru t-tfal lejn l-iskola u l-passi li jridu jittieħdu għas-soluzzjoni ta' din il-problema, x' passi qed jittieħdu peress li t-tfal għadhom qed iġorru basktijiet tqal lejn l-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li peress li d-Diviżjoni qed taddotta politika ta' awtonomija relattiva ma' l-iskejjel, dawn ġew avżati biex flimkien iħejju u jimplimentaw "Schoolbag Policy". Ġew ukoll mogħtija linji-gwida dwar dan. L-iskejjel għandhom sa Ġunju 2002 biex jaraw li din il-policy tiġi attwata kompletament.
Hemm il-ħsieb, li hekk kif jgħaddi dan il-limitu ta' żmien, ikun hemm verifika fl-iskejjel dwar jekk dawn hux qed jimxu kif suppost.
Jista' l-Ministru jgħid x' korsijiet fl-oqsma ta' l-office skills u computers organizzati mill-Korporazzjoni Impjiegi u Taħriġ jistgħu jattendu għalihom u jipparteċipaw fihom żgħażagħ bid-Dyslexia u li ma jkunx kisbu rekwiżiti fl-eżamijiet SEC?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-korsijiet fl-oqsma ta' l-office skills u computers organiżżati mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ li jistgħu jattendu għalihom u jipparteċipaw fihom żgħażagħ bid-Dyslexia kif ukoll dawk li ma jkunux kisbu rekwiżiti fl-eżamijiet SEC huma:
Computer courses li jinkludu office packages u l-one day Computer Course, kif ukoll typing, storekeeping u retailing.
Jista' l-Ministru jgħid peress li qed isiru xogħolijiet fl-iskola Sir Adrian Dingli li jikkaġunaw ħsejjes u jtellfu lill-istudenti u lill-għalliema, jistgħu jittieħdu passi kif ittieħdu qabel biex ix-xogħolijiet storbjużi jsiru wara l-ħin tal-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xogħlijiet fl-iskola Sir Adrian Dingli mhux qed jikkaġunaw ħsejjes li jtellfu lill-istudenti u lill-għalliema. Ix-xogħol li jikkaġuna ħsejjes qed isir wara t-tlieta ta' wara nofs in-nhar u fil-'weekend'.
Jista' l-Ministru jgħid fejn waslet it-talba tal-persuna indikata under separate cover biex iċċedi l-post preżenti li għandha u tmur toqgħod ġo post ċkejken li kellha qabel u li jinsab f' idejn il-Gvern?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jiena infurmat illi l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jittieħdu l-passi mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar bini li tela' bla permess fiċ-Ċentru għar-Restawr ta' Bighi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-bini li tela` mingħajr permess, huwa ta` estenzjoni mal-bini eżistenti. Dan ix-xogħol li kien qiegħed isir mingħajr il-permessi meħtieġa inħariġlu "Avviż tat-Twettieq" ECF 810/00 fis-16 t`Awissu 2000. Irid jingħad li quddiem l-Awtorita` ta` l-Ippjanar hemm applikazzjoni PA 6447/99 għal imsemmi xogħol u għaldaqstant irid ikun hemm eżitu ta` l-applikazzjoni qabel jittieħdu passi oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x' passi jittieħdu biex jiġi żgurat li kull skola governattiva jinżammu nadifa u b' ambjent diċenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-sezzjoni tal-Minor Staff fi ħdan id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni timxi skond ir-rakkomandazzjoni li hemm fir-rapport li kien sar fl-1998 dwar "Support Staff Requirements in State Schools" fl-iskejjel statali. Fejn insibu li hemm nuqqas ta' impjegati nagħmlu talba bil-miktub lill-Management and Personnel Office biex jintbagħtu aktar nies minn dipartimenti oħra jew jagħtu permess lid-Diviżjoni biex jinħarġu applikazzjonijiet għall-ingaġġ ta' mpjegati fuq bażi ta' part-time. Bħalissa qed isiru sforzi biex jimtlew xi vakanzi li seħħew minħabba leave ta' maternita` u irtir.
Jista' l-Ministru jgħid hemmx xi forma ta' benefiċċji soċjali jew xi għajnuna li hija ntitolata għaliha il-persuna li d-dettalji tagħha huma annessi separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Att dwar is-Sigurta' Soċjali jipprovdi għal numru ta' benefiċċji u għajnuniet li jkopru diversi ċirkostanzi u l-ħlas tagħhom jiddependi minn diversi fatturi. Fin-nuqqas ta' dettalji dwar iċ-ċirkostanzi tal-persuna ndikata mhux possibbli li nagħti tweġiba.
Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jgħaddili aktar informazzjoni dwar il-każ, anki b'mod kunfidenzjali.
Jista' l-Ministru jgħid issa li għalqet it-tieni sejħa ta' applikazzjoni ta' studenti ma' istituzzjonijiet post-sekondarja, jista' jgħid kemm ġew aċċettati studenti b'kollox f'istituzzjonijiet post-sekondarji governattiv u mal-MCAST?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi għat-tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari Numru 28683.