Jista' l-Ministru jgħid x'laqgħat qed isiru mal-għalliema biex jinfurmawhom dwar il-proċess tal-implimentazzjoni tal-Kurrikolu Nazzjonali?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma waqfux il-laqgħat fl-iskejjel differenti fejn il-Kap u l-għalliema irċevew tagħrif dwar l-impliementazzjoni tal-Kurrikulu Nazzjonali u ddiskutew ukoll x'se tkun il-parteċipazzjoni tagħhom. Dawk li wasslu dan it-tagħrif kienu ħafna drabi membri jew tad-Dipartiment tal-Kurrikulu jew tal-Fakulta` ta' l-Edukazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-istudenti bniet u subien li jmorru l-iskola sekondarja MT Nuzzo u l-Junior Lyceum Dun Ġużepp Brighella l-Ħamrun qegħdin jinġarru fuq l-istess private (rotta Sliema - Ħamrun) u qed ikun hemm ħafna taħwid sakemm jaslu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li studenti bniet u subien li jmorru l-iskola sekondarja MT Nuzzo u l-Junior Lyceum Dun Ġużepp Brighella l-Ħamrun ilhom jivjaġġaw fuq l-istess private (rotta Sliema - Ħamrun) għal numru ta' snin. Fuq din il-private hemm għalliema inkarigati u ma jirriżultax li jkun hemm taħwid.
Fi kliem din l-għalliema dawn is-subien dejjem iġibu ruħhom sewwa u b'edukazzjoni kbira.
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi biex dawk l-iskejjel li qed jixtru sett TV għal kull klassi jiġu eżentati milli jkollhom iħallsu għal-liċenzja għal kull erba' klassijiet? Peress li huma stabbilimenti edukattivi jistgħu jiġu eżentati minn dawn il-ħlassijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-materja diġa` qed tiġi konsidrata mill-Bord kompetenti li s'issa m'għandux din id-diskrezzjoni u għaldaqstant qed jiġi konsidrat tibdil fir-Regolamenti u l-impatt tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pulizija ġabritx il-marki tas-swaba ta' dawk kollha li ġew investigati dwar it-tkissir fl-Imnajdra fil-Ġimgħa l-Kbira li għaddiet? Jista' jgħid jekk dawn il-marki tas-swaba ġewx imqabbla ma' marki tas-swaba li nstabu fit-tempju? Jista' jgħid xi rriżulta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-taghrif li jien tajt ghall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 28651 ghadu jghodd.
Jista' l-Ministru jgħid kemm swiet iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Borza ta' Malta, inkluż l-ispiża fuq il-mistednin li nġabu minn barra u l-Gala dinner li sar għall-okkażjoni?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-mistiedna barranin li attendew għal fuħ uffċċjali tal-bini l-ġdid tal-Borża, ġew Malta primarjament biex jipparteċipaw f'żewġ laqgħat li saru hawn Malta fl-istess perjodu li saret iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-bini tal-Borża.
Dawn iż-żewġ laqgħat kienu waħda tal-Federazzjoni Ewropeja tas-Swieq Kapitali u l-oħra tar-regolaturi tas-swieq f'dawk il-pajjiżi li bħalissa qiegħdin f'negozjati biex isiru membri ta' l-Unjoni Ewropea. Dawn it-tip ta' laqgħat isiru regolarment matul is-sena f'pajjiżi differenti u kif dejjen isir, il-vjaggi u akkomodazzjoni jitħallsu mil-parteċipanti stess.
Il-Borża ħadet l-okkażżjoni li ċ-ċerimonji tal-ftuħ jikkoinċidu ma dawn l-avvenimenti li fihom infushom jirrikjedu ospitalita' lil min ikun qed iżurna għalhekk organizzat diversi attivitajiet għal dawn id-delegati waqt li tiċċelebra l-ftuħ ta' l-uffiċċini l-ġodda tagħha, fost dawn Gala Dinner u ċerimonja u riċeviment tal-ftuħ. Dawn l-attivitajiet laħqu spiża ta' Lm18,500. Din is-somma tinkludi fiha l-ispejjeż kollha fosthom il-catering, kiri ta' sistema tad-dawl u PA, kiri tal-Barrakka ta' Fuq mingħand id-Dipartiment tal-Agrikoltura, eċċ.
Jista' l-Ministru jara x'investigazzjonijiet saru dwar dak li wassal biex il-vapur Platinum jitlaq mit-Tarzna ta' Malta qabel intemmu ix-xogħol kollu fuqu? Kif saru dawn l-investigazzjonijiet? Min mexxihom? Min intalab jixhed? X'konklużjonijiet waslu għalihom? X'passi se jittieħdu?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-telf tal-kuntratt tal-vapur Platinum hija materja serjissima li kemm il-Gvern kif ukoll il-Kunsill tat-Tarzna qiegħdin jeżaminaw bir-reqqa u għaldaqstant f'dan l-istadju huwa prematur li wieħed jagħti tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet.
Jista' l-Ministru jgħid x'sens jagħmel li fit-twaqqif ta' focus groups dwar il-Kurrikulu Nazzjonali ġie njorat għal kollox il-qasam tal-matematika li huwa meqjus essenżjali u bażiku fl-edukazzjoni tas-seklu 21?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma sarux 'Focus Group' għal suġġett partikolari għajr fejn qed isir żvilupp partikolari bħal fit-Teknoloġija u fix-Xjenza Ko-ordinata. Hemm tliet 'Focus Groups', dawk ta' l-Edukazzjoni Bikrija, Edukazzjoni Primarja u Edukazzjoni Sekondarja li se jieħdu ħsieb sewwa tal-firxa u bilanċ fil-Kurrikulu kif ukoll għal oqsma speċifiċi bħal ma huma t-tagħlim tal-Matematika u dak tal-lingwi barranin. Waqt li m'hemmx 'Focus Group' għall-Matematika se jkun hemm pjan apposta kif ukoll proġetti speċifikament għat-tagħlim tal-Matematika kif ser ikun hemm g[al suġġetti oħra.
Jista' l-Ministru jgħid fejn qegħdin jgħallmu llum l-instructors li qabel kienu jgħallmu fl-iskejjel tas-snajja:
1) Salvatore Dimech
2) Dun Ġwann Mamo
3) Stefano Zerafa
4) Ġilormu Cassar
5) Umberto Colosso
F'liema skejjel intbagħtu jgħallmu? X'suġġetti ġew imqabbda jgħallmu f'kull każ?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemm xi pjan biex studenti neqsin mis-smiegħ fl-Iskola Helen Keller tal-Qrendi jintbagħtu fi skejjel oħra? Meta se jseħħ dan il-pjan? F'liema skejjel se jintbagħtu? X'għajnuna ġdida se jkollhom fl-iskejjel fejn se jintbagħtu? Xi pjan ta' transizzjoni hemm biex studenti ta' Helen Keller imorru fi skejjel oħra?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li għadhom qed isiru studji preliminari dwar is-suġġett.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inħatru subject co-ordinators fl-aħħar sena? F'liema suġġetti? Kemm minnhom irriżenjaw wara li nħatru?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-'subject co-ordinators' għadhom ma ġewx maħtura uffiċjalment mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku. Ir-raġuni kienet li kien hemm punt tekniku dwar "break of service" li ried jiġi ridefinit u negozjat mal-Union konċernata. Fi żmien qrib, ser joħorġu l-ħatriet uffiċjali u din id-domanda tista` tiġi mwieġba.
Jista' l-Ministru jgħid min se jfassal il-Karti ta' l-Eżami fl-eżamijiet tal-aħħar tas-sena fl-iskejjel tal-Gvern? Meta se jibdew jitfasslu mill-iskejjel infushom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hu maħsub li jkun hemm devoluzzjoni gradwali ta' dan ix-xogħol u responsabbilta`.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għall-post tad-Direttur tar-Riżorsi Umani fl-Universita' ta' Malta? Min applika? B'liema kwalifiki? Min intagħżel? B'liema kwalifiki?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kien hemm seba' applikazzjonijiet għall-post tad-Direttur tar-Riżorsi Umani. Il-Bord għadu ma ltaqax.
Jista' l-Ministru jgħid fid-dawl li t-Technology Education se jinfirex fl-iskejjel kollha ta' Malta u Għawdex kemm hemm ħsieb li jkun hemm bżonn għalliema biex jgħallmu dan is-suġġett? X'opportunitajiet se jkollhom persuni bħall-persuna li d-dettalji qed jintbagħtu separatament li ġie inkoraġġat jagħmel kors universitarju fit-teknoloġija u jista' jgħallem wkoll graphical communication?
Response (GALEA, LOUIS)
Kif jaf l-Onor. Membru n-natura tal-kors f'dan is-suġġett kif ukoll il-faċilitajiet u r-riżorsi umani meħtieġa għall-iskejjel kollha huma ħwejjeġ fi stadju ta' żvilupp.
L-għalliema jiġu mgħarrfa b'kull opportunita` ta' taħtiġ li jkun hemm għalihom biex jgħallmu dan is-suġġett u l-kwalifiċi fis-suġġett jiġu mogħtija l-valur tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet fl-aħħar sena l-Awtorita' ta' l-Ippjanar fuq bnini bla permess fl-inħawi tal-Fawwara u ta' l-irdum ta' Ħad-Dingli? Ittieħdu passi kontra l-bini kollu bla permess jew kontra persuna waħda biss?
Response (BORG, TONIO)
L-Awtorita` dejjem tieħu dawk il-passi meħtieġa skond il-liġi appena jirriżulta xi ksur ta` l-Att dwar l-Iżvilupp. Fil-fatt kienu diġa` ittieħdu diversi azzjonijiet ta` infurzar fuq siti fil-viċinanzi ta` l-inħawi msemmija, fejn saħansitra ġew servuti l-avviżi meħtieġa. Azzjoni diretta imbagħad tittieħed appena l-każ partikolari ikun konkluż mill-aspetti proċedurali u ġuridiċi tiegħu u appena jkun possibli li jsir ix-xogħol. Apparti t-twaqqiegħ ta` villa llegali minn xifer l-irdum, f`din l-aħħar sena l-Awtorita` għaddiet ukoll biex tneħħi ammont ta` 'scrap' mill-viċinanzi kif ukoll twaqqgħu stalel u ħitan ta` persuna oħra bil-kooperazzjoni tal-persuna nvoluta stess. Huwa tajjeb li tittieħed din l-opportunita` sabiex jitwassal il-messaġġ illi l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ma tagħmilx distinzzjoni kontra min jagħmel xi żvilupp illegali.
Il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li applika għall-kors Universitarju tad-Diploma in management studies se jiġi aċċettat biex ikun jista' jibda l-kors? Peress li l-kors beda l-ġimgħa li għaddiet u l-persuna msemmija għandu l-kwalifiki neċessarji, meta se jibda l-kors?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mhux preċiż li wieħed jgħid li l-persuna għandha l-kwalifiki neċessarji. Informat ukoll li peress li l-persuna konċernata għandha aktar minn 23 sena setgħet tkun ikkunsidrata taħt il-'maturity clause'. Informat ukoll li l-Fakulta` kkunsidrat lill-persuna li għandha l-kwalitajiet meħtieġa biex tibda l-kors u l-persuna kienet infurmata.
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi biex il-Bord tal-Matsec jaċċetta li jibda jissettja eżami SEC ta' l-IT applications biex l-istudenti sekondarji jkollhom opportunita' ġdida f'qasam tant vitali llum?
Jista' l-Ministru jara li jsir sforz biex l-istudent li ismu qed jintbagħat separatament li jattendi l-iskola sekondarja tal-Gzira Antonio Bosio jibbenefika mill-esperjenza edukattiva u jegħleb id-diffikultajiet li għandu bħalissa fl-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li skond ir-rapport tas-surmast, sar u għadu jsir ħafna biex l-istudent imsemmi, li jattendi l-iskola Sekondarja tal-Gżira, Antonio Bosio, jieħu l-massimu possibli ta' edukazzjoni u jegħleb id-diffikultajiet li għandu.
Jista' l-Ministru jgħid xi kwalifiki u x'esperjenza ta' amministrazzjoni għandu l-persua li nħatar bħala kap ta' l-Istitut għall-Inġinerja Elettronika ?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Bord ta' l-Għażla ssodisfa ruħu dwar il-kwalifiki meħtieġa tal-Kap ta' l-Istitut għall-Inġinerija Elettronika fl-MCAST u rrakkomanda l-għażla tiegħu lill-Bord tal-Gvernaturi. Il-persuna konċernata ilu jgħallem f'dan il-qasam għal aktar minn ħmistax il-sena fil-Fellenberg Training Centre u istituzzjonijiet oħra. Għandu wkoll esperjenza diretta ta' superviżjoni u amminstrazzjoni . Barra minn kwalifiki oħra l-persuna għandha wkoll B.Sc f'Computing and Mathematics.
Billi skond l-artikolu 8 tar-regolamenti ta' l-1999 tal-Kummissjoni Dwar is-Servizz Pubbliku (Proċedura ta' Dixxiplina) - Avviż Legali Nru. 186 ta' l-1999, kulmeta jiġri l-uffiċjal pubblika li kontrih ikunu jistgħu jittieħdu proċeduri dixxiplinarji jkun Kap taż Dipartiment, il-Kap tas-Servizz Pubbliku għandu jieħu dik l-azzjoni li l-Kap tad-Dipartiment għandu s-setgħa li jieħu taħt dawn ir-regolamenti;
jista' l-Prim Ministru jgħid:
1) jekk ġewx segwiti dawn il-proċeduri fil-każ tal-Kummissarju tal-Pulizija Ġorġ Grech, u jekk le għaliex?
2) billi l-allegazzjonijiet kontra l-Kummissarju tal-Pulizija huma gravi ħafna u jġibu diżunur lil Korp tal-Pulizija, għaliex il-Kummissarju tal-Pulizija ma ġiex sospiż u nterdett mill-poteri u d-doveri tiegħu skond l-imsemmija regolamenti bħalma dejjem sar fil-konfront ta' uffiċjali oħra tal-Korp appena jiġi stabbilit każ prima facie kontra tagħhom?
3) Għaliex il-Kummissarju tal-Pulizija ingħata u qed jingħata trattament preferenzjali billi jitħalla bil-leave b'rikjesta tiegħu stess u fl-istess ħin jibqa vestit bil-poteri ta' Kummisarju tal-Pulizija
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-passi skond ir-Regolamenti jittieħdu fil-konfront ta’ kulħadd mingħajr diskriminazzjoni.
Jidher li l-Onorevoli Interpellant waqa’ vittma ta’ l-istrateġija ta’ ħruġ ta’ informazzjoni li ġiet abbużivament magħmula pubblika dwar inkjesta li fiha ma hemm ebda akkużat s’issa. Il-Kummissarju tal-Pulizija ħareġ bil-
leave
meta abbużivament ħarġet informazzjoni dwar il-konklużjoni ta’ l-inkjesta li s’issa għad trid tieħu l-kors legali tagħha.
Nassigura lill-Onorevoli Membru li l-Kummissarju tal-Pulizija jiġi trattat bħal kull membru ieħor tal-Korp jew aħjar bħal kull Malti skond il-liġijiet u r-regolamenti tal-pajjiż.