Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu studenti fil-kors universitarju tal-mediċina din is-sena? Kemm minnhom huma Maltin? Kemm minnhom huma barranin? Kemm f'kull każ hemm 1) irġiel 2) nisa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti li bdew il-kors tal-Mediċina din is-sena huwa:
Inġiel Nisa Totali
Barranin 4 1 5
Maltin 31 21 52
Jista' l-Ministru jgħid fejn qegħdin jgħallmu llum l-instructors li qabel kienu jgħallmu fl-iskejjel tas-snajja:
1) Salvatore Dimech
2) Dun Ġwann Mamo
3) Stefano Zerafa
4) Ġilormu Cassar
5) Umberto Colosso
F'liema skejjel intbagħtu jgħallmu? X'suġġetti ġew imqabbda jgħallmu f'kull każ?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li parti mill-għalliema ta' l-iskola Salvatore Dimech kif ukoll ta' l-iskola Stefano Zerafa ġew trasferiti fejn kien possibli skond it-trasferiment li talbu: kien hemm oħrajn li baqgħu fl-iskola jgħallmu l-istudenti. F'kull każ kien hemm għalliema li ġew reklutati ma' l-MCAST. L-għalliema ta' l-iskola Ġilormu Cassar ġew amalgamati f'Lorenzo Manche Boys' School, Floriana. Fil-każ ta' l-iskola Dun Ġwann Mamo l-għalliema ġew amalgamati fi skejjel oħra qabel is-sena skolastika 2000-2001. Fil-każ ta' l-iskola Umberto Colosso l-għalliema baqgħu jgħallmu lill-istudenti fl-ESTS fl-istess skola jew ingħaqdu ma' l-iskola St Francis of Assisi.
Jista' l-Ministru jgħid fejn waslet it-talba tal-persuna indikata under separate cover biex tpartat il-post tagħha preżenti ma' post ieħor li kellha qabel u li kien ġie rekwiżizjonat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 28762 li jien tajt f'Seduta Numru 622 fit-22 ta' Ottubru 2001.
Jista' l-Ministru jgħid jistax jiġi investigat l-ilment li wasalli li hux veru li l-assistent kap tal-iskola primarja under separate cover hiex taħdem fid-deher favur kunsillier tal-PN u tgħaddi botti dispreġjattivi dwar ġenituri li għandhom tendenzi laburisti u li jaħdmu għall-ġid ta' l-istudenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma jirriżultax li xi Assistent Kap ta' l-iskola tagħmel propoganda għal xi persuna partikulari, jew tgħaddi botti dwar xi ġenituri ta' xi kulur politiku.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-komponenti differenti li jiffurmaw in-nefqa edukattiva fl-istatistika li tinġabar u tixxandar mill-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika? Jista' juri kif iċċaqalqu l-prezzijiet f'dawn il-komponenti differenti fis-snin 1996, 1997, 1998, 1999, 2000 u s'issa fis-sena 2001?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jittieħdu passi biex l-indiċi tal-prezzijiet ikun organizzat mill-Uffiċċju b'mod nazzjonali ta' l-istatistika li ċ-ċaqlieq tiegħu jiġi reġistrat waħdu u mhux ikun amalgament mar-rikreazzjoni u d-divertiment?
Response (BONNICI, JOSEF)
Is-suġġeriment ta' l-Onorevoli Interpellant ser jiġi kkunsidrat issa li qegħdin isiru l-preparamenti għall-introduzzjoni ta' bażi ġdida għall-indiċi tal-prezzijiet bl-imnut.
Ir-rapport interessanti li ħareġ dan l-aħħar mill-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, fuq liema statistika kien ibbażat fejn jidħol Għawdex? Kemm kien hemm azjendi u stabbilimenti Għawdxin li ħadu sehem f'dan l-istudju u x'konklużjoni jekk jistgħu jinġibdu dwar Għawdex f'dan il-qasam?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li r-rapport dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali inbena fuq ċensiment ta' l-azjendi kollha li jħaddmu għaxar persuni jew aktar.
Rapport separat dwar Għawdex għandu jinħadem aktar il-quddiem.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandhom jieħdu flus għax-xahar ta' Ottubru 2001 il-ħwienet li qed ifornu lill-istudenti b'materjal edukattiv u qed jitħallsu bl-ismart card?
Meta se jitħallsu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li sa l-aħħar ta' Ottubru 2001 kienu nbiegħu b'kemm jiswew Lm646,174.75c lil studenti Universitarji u Post Sekondarji li użaw l-iStudents' Card.
Il-ħlasijiet dovuti lill-ħwienet sal-15 ta' Ottubru 2001, li kienu jammontaw għal Lm343,538.74c diġa` għaddew fil-kontijiet bankarji tal-kumpanniji rispettivi.
Il-bilanċi dovuti għal perjodu bejn is-16 u l-31 ta' Ottubru qed ikunu verifikati u malli jkunu approvati mill-Bord, jgħaddu l-istruzzjonijiet meħtieġa lid-Dipartiment tat-Teżor biex dawn il-ħlasijiet ikunu jistgħu jsiru immedjatament. Dan hu skond dak miftiehem ma' l-istess sidien tal-ħwienet.
Jista' l-Ministru jgħid f'hiex waslu l-investigazzjonijiet li kienu qed isiru dwar il-kunsill lokali tas-Sliema u infieq abbużiv li jirriżulta li għamel?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li peress li l-informazzjoni għadha qed tinġabar, ir-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'jista' jsir biex l-għalliema fl-iskola post-sekondarja Giovanni Curmi jkollhom faċilitajiet u spazji ta' staff room adekwati u diċenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għalliema f'din l-iskola għandhom tliet staff rooms fejn kull għalliem għandu l-iskrivanija u s-siġġu tiegħu. Waħda minn dawn il-kmamar hi ukoll "Smoking room", iżda t-tipjip mhux permess fiż-żewġ kmamar l-oħra. Hemm kċina mdaqqsa ta' l-istaff li tinkludi, fost tagħmir ieħor, friġġ, 'microwave oven', 'sandwich toaster' u 'reverse osmosis plant'.
Annessa mal-Librerija ta' l-iskola hemm ukoll kamra kbira għall-użu esklussiv ta' l-istaff fejn jista' jsir xogħol ta' preparazzjoni, korrezzjoni eċċ. Din il-kamra tinkludi wkoll kompjuter li, fi żmien ġimgħa oħra, ser jiżdied għal tlieta.
Tajjeb li nżidu wkoll li l-istaff tal-gymnasium, li huma 4, jużaw żewġ uffiċini, tliet 'subject co-ordinators' għandhom uffiċċju għalihom, u qed isir uffiċċju ieħor għal erba' 'subject co-ordinators' oħra. Dawn l-uffiċjali ma jużawx l-istaff room. Bi staff qed nirreferu għal 'teaching staff' biss f'din it-tweġiba.
Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tkompli tieħu miżuri meħieġa biex ittejjeb il-faċilitajiet ta' l-għalliema fl-iskejjel tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid x'jista jsir biex l-għalliema fl-iskola sekondarja Vincenzo Bugeja jkollhom staff room adekwata u diċenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ispazju f'din l-iskola huwa limitat. L-iskola dejjem għamlet mill-aħjar biex tassenja lill-għalliema staff room adekwata skond l-ispazju li jeżisti. Fl-iskola sar kuntratt biex jistudja proġett għal użu aħjar ta' l-ispazju ħalli l-għalliema jkunu f'ambjent aktar komdu u miġbura fi spazju wieħed.
Jista' l-Ministru jgħid kemm qagħdu għall-eżamijiet organizzati mill-Awtorita' Marittima Maltija għall-għoti ta' liċenzji biex isuqu xi vettura tal-baħar? Għal-liema tip ta' vetturi kisbu liċenzja biex isuqhom? Kemm għaddew? Biex issuq vettura (minn jott sa jet-ski) irrid ikollok liċenzja anki jemm ma tkunx sid u tkun krejt din il-vettura?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li Regola 29 dwar liċenzji tal-baħar fir-Regolamenti ta' l-2001 dwar Bastimenti Żgħar tirreferi li ħadd m'għandu jsuq xi speedboat jew jirmonka xi persuna fuq il-baħar kemm il-darba ma jkollux tmintax-il sena u jkollu wkoll liċenzja tal-baħar maħruġa mill-Awtorita' Marittima. Għalhekk anke jekk ma jkunx sid tal-vettura tal-baħar persuna jrid ukoll ikollha din it-tip ta' liċenzja.
Madanakollu operaturi liċenzjati sabiex jikru speedboats għandhom iwasslu l-istruzzjonijiet dwar is-sigurta' fit-tbaħħir b'mod konformi mar-regolamenti eżistenti lil kull min jikri għalih xi biċċa tal-baħar tal-kiri u ma jkollux liċenzja tal-baħar valida.
Sa issa permezz ta' l-istess regolamenti l-persuni obbligati li jkollhom liċenzja tal-baħar huma dawk li jsuqu speedboats li għandhom makni ta' 100HP jew aktar.
Sa issa 461 persuna ngħataw liċenzja tal-baħar u persuna waħda ngħatat liċenzja bħala instructor.
Rigward ta' kemm persuni qagħdu għall-eżamijiet għall-għoti ta' liċenzja tal-baħar, nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 29227?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hemm 4 mill-istaff fil-grad ta' Laboratory Officer li qed jagħmlu xogħol akkademiku.
Ta' dan ix-xogħol qed jingħataw kumpens finanzjarju barra l-paga. Qed jittieħdu passi biex fejn hemm vakanzi jintlew wara sejħa pubblika.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħatat fondi pubbliċi d-dar Osanna Pia f'Tas-Sliema? X'ħidma għamlet id-Dar Osanna Pia minn meta fetħet sa kemm għalqet? X'inhuma r-raġunijiet li għalihom m'għadhiex topera d-dar Osanna Pia?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-Dar Osanna Pia din is-sena ingħatat Lm5,000 mil-Vot allokat fl-Estimi għall-NGOs. Din id-Dar, li hi amministrata mis-Selesjani ta' Don Bosco, toffri kenn lill-ġuvintur ta' bejn it-18 u 28 sena bi problemi familjari u soċjali u problemi ta' abbuż sesswali jew emozzjonali. Jiġu aċċettati wkoll ġuvintur ta' bejn is-16 u 18-il sena li jkunu fi bżonn ta' għajnuna urġenti. Residenti fid-Dar jiġu mgħallma permezz ta' life skills programmes li jakkwistaw l-indipendenza u l-kapaċita' biex jaffaċċjaw il-ħajja u għalhekk jkunu mistennija li eventwalment isibu akkomodazzjoni oħra. Isir ukoll xogħol mal-familjari tar-residenti u jinħadem after-care programme.
Ninsab infurmat li fil-fatt id-Dar Osanna Pia għadha topera.
Jista' l-Ministru jivverifika lmenti li fl-iskola primarja ta' St. Venera mhux qed jitqassam biżżejjed ħalib lit-tfal?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-iskola Primarja 'A' qed tordna ħalib skond id-domanda min-naħa tat-tfal biex tassigura illi l-ħalib jinxtorob kollu u jkun miżmum il-ħin kollu f'temperatura tajba.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienu r-raġunijiet li għalihom supply teachers mad-divizjoni ta' l-edukazzjoni rċevew cheque b' Lm 000.0 bħala ħlas għal Ottubru 2001? Kemm kien hemm impjegati oħra f'oqsma li jaqgħu taħt ir-responsabbilita' tal-Ministru li ħadu cheque Lm 000.00 bħala salarju? X'passi rimedjali ttieħdu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li minħabba li s-Supply Teachers normalment jerġgħu japplikaw fil-bidu ta' kull sena skolastika, din l-informazzjoni ma laħqitx waslet fil-ħin sakemm inħadmu s-salarji ta' Ottubru. Dan qiegħed jiġi rimedjat.
Informat ukoll li fl-oqsma l-oħra li jaqgħu taħt ir-responsabbilita` tal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, ma kien hemm ebda impjegat ieħor li ħa cheque ta' Lm000.00 bħala salarju.
Jista' l-Ministru jgħid xi pjani hemm biex suġġetti xjentifiċi bħall-fiżika, kimika u bioloġija jiġu mgħallma permezz tal-kompjuter kif qed tiġi mgħallma l-matematika fl-iskejjel sekondarji u junior lyceum?
X'taħriġ se jingħataw l-għalliema ta' dawn is-suġġetti biex jużaw l-IT fit-tagħlim ta' dawn is-suġġetti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Dipartiment tal-Kurrikulu beda proċess li għandu jwassal biex il-kompjuters ikunu parti integrali minn kull laboratorju tax-xjenzi fl-iskejjel.
Wara riċerka li saret fost l-għalliema tax-Xjenzi kien determinat x'tip ta' taħriġ għandhom bżonn l-għalliema u f'liema livelli.
L-istadju li jmiss hu li jingħata bidu għal dan it-taħriġ, filwaqt li jkun hemm proċess ta' konsultazzjoni ma' l-għalliema biex, jekk ma jinstabx soft-ware tajjeb offrut kummerċjalment, jinbnew programmi adatti ta' soft-ware.
Barra minn hekk, fid-Dipartiment tal-Further Studies qed jitħejja programm ta' e-learning fil-Fiżika. Dan il-proġett qiegħed fi stadju avvanzat u huwa ntiż bħala reviżjoni għal studenti li jkunu qed jirrepetu l-kors tal-Fiżika, liema kors iwassal għaċ-Ċertifikat ta' l-Edukazzjoni Sekondarja. Hemm il-ħsieb li dan il-proġett ikun estiż anki għax-xjenzi l-oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x' inhuma r-raġunijiet li għalihom tfal li jattendu l-iskola primarja Dun Xand Cortis ta' Santa Venera qed jingħataw ftit wisq ħalib?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 19430.
Jista' l-Ministru jgħid b'liema rati ta' ħlas u b'liema kundizzjonijiet ta' xogħol qed jaħdmu l-madwar 100 supply kindergarten assistants li temmew kors ta' taħriġ għal xogħol ta' facilitators fis-sajf? X'sar mill-40 kinder assistant li temmew il-kors ta' facilitator fi Frar li għadda biex jiġu impjegati bħala facilitators? Meta se jiġu impjegati? Meta se jibdew jitħallsu ta' facilitators?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li madwar tmenin Supply Kindergarten Assistants li temmew il-Kors ta' Ċertifikat fl-Edukazzjoni Inklussiva fis-sajf qed jitħallsu bir-rata ta' ħlas u bil-kundizzjonijiet ta' xogħol li ġew ingaġġati bih - jiġifieri ta' Supply Kindergarten Assistant.
Rigward l-erbgħin Kindergarten Assistant (Special Education) li wkoll temmew il-Kors ta' Ċertifikat fl-Edukazzjoni Inklussiva fi Frar li għadda għadhom fl-istess impieg li bdew bih.
Il-ħlas ta' facilitator huma intitolati għalih dawk biss li jiksbu ħatra ta' Facilitator permezz tal-proċess normali ta' promozzjoni bil-proċeduri tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku.