Jista' l-Ministru jgħid f'hiex wasal ix-xogħol ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex tfassal policies dwar
1) pompi tal-
petrol
2) żviluppi industrijali fi nħawi residenzjali
3) shooting ranges
4) żviluppi barra nħawi mibnijijn
5) ipparkjar barra ħwienet, uffiċini, stabbilimenti tal-ikel?
Response (BORG, TONIO)
Rigward id-domanda ta` l-Onorevoli Interpellant hawn taħt hawn il-lista tal-policies mitluba.
1) pompi tal-petrol - hemm abbozz li se jiddiskutih il-Bord fil-bidu tas-sena.
2) żviluppi industrijali fi nħawi residenzjali - L-IPSE bil-kollaborazzjoni ta` l-MDC u l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ikkommisjonat il-Micro-enterprise study. Ir-Rapport bħalissa qiegħed jiġi evalwat mit-tlett organizazzjonijiet bl-iskop li jiġu mfassla policies fuq żvilupp industrijali ġo żoni residenzjali.
3) shooting ranges - hemm abbozz ta` policy li għadu mhux finalizzat.
4) żviluppi barra nħawi mibnijin - ġiet proposta policy għal dan il-għan fil-North West Local Plan u ser jiġu mfassla policies simili fil-Pjani Lokali pendenti l-oħra.
5) ipparkjar barra ħwienet, uffiċini, stabbilimenti tal-ikel - ġiet abbozzata policy li se tiġi finalizzata fil-bidu tas-sena d-dieħla.
Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2000 u 2001 l-Awtorita' ta' l-Ippjanar kemm-il darba ordnat fish-farms eżistenti biex jieħdu azzjoni rimedjali biex jiżguraw li huma skond il-permessi ta' l-iżvilupp?
X'azzjoni ttieħdet f'kull każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2000 u 2001, l-Awtorita` ħadet l-azzjoni kontra fishfarms illi ma obdewx il-kundizzjonijiet tal-permess tal-iżvilupp kif jidher hawn taħt:-
L-Awtorita` ta` l-Ippjanar ħarġet enforcement notice kontra fishfarm ili kabbar gaġġa mingħajr il-permess meħtieġ, u enforcement notice oħra talli rmiġġa gaġeġ mingħajr il-permess meħtieġ. Wara li nħareġ il-permess ittieħdu wkoll passi sabiex il-monitoraġġ ambjentali jitkompla b`mod li hu konformi mal-kundizzjonijet tal-permess.
L-Awtorita` ta` l-Ippjanar ħarġet enforcement notice kontra fishfarm ieħor illi rmiġġa gaġeġ mingħajr il-permessi meħtieġa. L-istess fishfarm kellu landbase li kienet mibnija (u topera) mingħajr permess. Fuq insistenza ta` l-Awtorita`, din ġiet imwaqqa` volontarjament mill-applikant. Il-monitoraġġ ambjentali ta` dan il-fishfarm ma kienx qed isir iżda, fuq insistenza ta` l-Awtorita`, dan reġa` nbeda.
L-Awtorita` ta` l-Ippjanar wkoll irtirat garanzija bankarja ta` fishfarm li ma għamilx il-monitoraġġ ambjentali kif kien meħtieġ mill-kundizzjonijiet tal-permess. L-Awtorita` qiegħda taħdem flimkien mas-sidien ta` din il-fishfarm sabiex il-monitoraġġ jitkompla.
L-Awtorita` ħadmet ukoll sabiex fishfarm ieħor jerġa` jibda il-monitoraġġ ambjentali, u sabiex jagħti l-landscaping plans meħtieġa għall-landbase tiegħu.
Is-segwenti hija l-informazzjoni in konnessjoni ma' l-attivitajiet kulturali miżmuma f'Ġinevra matul il-Ġimgħa Maltija, mqassma fl-ordni tal-mistoqsijiet li għamel l-Onorevoli Interpellant:
(a) It-tnax-il artist li esibixxew ix-xogħolijiet tagħhom kienu s-sinjuri Caesar Attard, Norbert Francis Attard, Vince Briffa, Antoine Camilleri, Austin Camilleri, Pawl Carbonaro, Gabriel Caruana, Alfred Chircop, Marco Cremona, Anton Grech, John Grima u Joseph Saliba.
(b) Fir-rigward tal-artisti, ħames kritiċi lokali ta' l-arti (li ffurmaw il-Kumitat ta' Għażla) individwalment issottomettew lista f'ordni ta' meritu ta' artisti li jkunu addattati għall-wirja li kienet se tittella' f'Ġinevra. Il-ħames listi ġew sussegwentement ikkonsolidati f'waħda finali. Fir-rigward taż-żewġ baned li ħadu sehem, ittieħdet l-opportnita li dawn jiġu mistiedna li jagħtu kunċert fil-Palais des Nations u fiċ-Ċentru ta' Ginevra, waqt żjara li huma kienu qed jagħmlu l-Iżvizzera.
(c) Ir-repertorju ta' l-artisti u tal-baned li ħadu sehem huwa wieħed magħruf kemm lokalment kif ukoll barra minn Malta.
(d) L-artisti huma kollha stabbiliti. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-katalgu uffiċċjali stampat appositament għal din l-attivita' li jagħti tagħrif biografiku u informazzjoni oħra dwar kull wieħed minn dawn l-artisti.
(e) Il-ħames kritiċi li ffurmaw il-Kumitat ta' Għażla huma kollha esperti fix-xena lokali ta' l-Arti. Dawn huma s-sinjuri E.V. Borg, Joseph Camilleri, George Glanville, Dennis Vella u Kenneth Wain.
(f) Il-parteċipanti kollha offrew is-servizzi tagħhom mingħajr ħlas.
(g) L-uniċi spejjeż li għalihom il-Gvern huwa responsabbli in konnessjoni ma din l-attivita' kienu dawk għal Daily Subsistence Allowance għal tnejn minn nies li marru Ġinevra biex jarmaw u jżarmaw it-tagħmir ta' l-esibizzjoni, u biex jgħinu fl-amministrazzjoni ġenerali ta' l-attivita'. Hemm ukoll ħlas minimu lill-ħames kritiċi ta' l-arti bħala kumpens għax-xogħol li wettqu fil-proċess ta' l-għażla. L-ispejjeż l-oħrajn kollha tħallsu minn sponsors, kif elenkat fil-katalgu uffiċċjali li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
(h) Ix-xogħolijiet li ngħażlu ġew regalati mill-artisti gratis.
Jista' l-Ministru jgħid xi status legali għandu s-St Luke's patients' bill of rights li ġie mħabbar dan l-aħħar mill-Management Committee ta' l-isptar?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li l-bill of rights li qed isir referenza għaliha, inħareġ minn Kumitat għat-Tmexxija ta` Sptar institwit in forza ta` l-Kaptilu 94 ta` l-Ordinanza dwar l-Organizzazzjoni tad-Dipartiment tas-Saħħa.
Dan il-kumitat għandu kemm il-poter kif ukoll id-dmir illi jirregola b'mod amministrattiv u maniġerjali f'diversi oqsma tas-Servizzi tas-Saħħa li jiġu mogħtija lil kull min jirrikorri għalihom.
Dan il-bill of rights huwa l-manifestazzjoni tad-dmir u l-poter ga imsemmi.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-kamra topic paper li ppreparat l-Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar id-demografija?
Response (BORG, TONIO)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra 4 kopji tat-topic papers dwar id-demografija li ppreparat l-Awtorita` ta` l-Ippjanar. Aktar kopji ta` dawn it-topic papers jistgħu jittieħdu direttament mill-webpage ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar (www.pa-malta.org).
Jista' l-Ministru jgħid f'hiex wasal ix-xogħol ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar National Aquaculture Policy f'kollaborazzjoni ma' diversi dipartimenti u aġenziji?
Response (BORG, TONIO)
Ta` min jgħid illi dan huwa Pjan Nazzjonali u mhux Pjan ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar biss. L-Awtorita` qed tipprovdi l-koordinazzjoni minħabba l-esperjenza li għandha fit-tfassil ta` Pjanijiet u minħabba l-effett li din l-industrija jista` jkollha fuq użi oħra kemm fuq l-art kif ukoll fil-baħar.
S`issa twaqqaf Steering Committee magħmul minn rappreżentanti tad-Dipartiment tas-Sajd u Akwakultura, id-Dipartiment tal-Protezzjoni tal-Ambjent, id-Dipartiment tas-Servizzi Veterinarji, l-Malta Development Corporation, il-Malta Maritime Authority, u l-Malta Tourism Authority. Dan il-kumitat iltaqa` diversi drabi u ġew diskussi numru ta` issues li jikkonċernaw l-industrija kif ukoll l-impatt ambjentali, ekonomiku u soċjali tagħhom. Il-mira hija li jitfassal abbozz tal-Pjan sa` l-aħħar ta` Frar biex ikun jista` jiġi diskuss ma` l-entitajiet konċernati kollha u mal-pubbliku in ġenerali. Dawk konnessi ma` din l-industrija ser jiġu ikkonsultati waqt it-tfassil ta` dan l-abbozz.
Jista' l-Ministru jgħid għandniex xi studji dwar l-użu ta' kalmanti f'pajjiżna fost
1) it-tfal
2) l-adoloxxenti
3) żgħażagħ
4) eta' medja
5) anzjani?
Dawn l-istudji juru problema ta' dipendenza fuq il-kalmanti?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li fid-Dipartiment tal-Psikjatrija ma saru l-ebda studji ta` din in-natura hawn Malta. Iżda hija xi ħaġa magħrufa mad-dinja kollha li ċerti tipi ta` kalmanti jistgħu jikkawżaw problemi ta` dipendenza f'kwalunkwe eta`.
Jista' l-Ministru jgħid liema suġġetti għandhom skill-based component li jsir għall-eżamijiet Sec, Intermediate u Advanced tal-Matsec?
X'marki għandhom mit-total dawn il-components f'kull każ?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li ma kienx hemm ħin biżżejjed biex it-tagħrif jasalli, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni fuq il-Bord u/jew impjegati tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi?
F'kull każ xi ħlasijiet għandhom dawn il-persuni?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġibiet għall-Misotqsijiet Parlamentari Numri 25917, 25740 u 28322.
Informat li apparti l-persunal imsemmi fit-tweġiba 28332 hemm Deputy National Programme Co-ordinator (Scale 8) u 7 għalliema li jitħallsu bis-siegħa bir-rata ta' supply teacher.
Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada — Kiri ta' Uffiċini
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-fondazzjoni għall-iskejjel t'għada qed tikri xi uffiċini f'bini privat mnejn topera?
Kemm huwa l-kiri tal-posta?
Fejn jinsab?
Kif intgħażel dan il-post?
Ħarġet sejħa għall-offerti meta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada kriet uffiċini minn fejn qiegħda topera. Il-kirja hija għal żmien definit ta' sitt xhur li fihom ser isir tiftix għal post alternattiv tal-Gvern u tittieħed deċiżjoni definittiva.
Il-kera hu ta' Lm530.83 fix-xahar. Il-post hu mgħammar b'kollox u ma kien hemm bżonn ebda spiża biex jibda jintuża. Il-prezz jinkludi servizz ta' sigurta`, ta' reception u l-istallazzjoni ta' l-infrastruttura għall-IT.
L-indirizz huwa: 52, Mediterranean Buildings, Triq Abate Rigord, Ta' Xbiex.
L-uffiċċju nkera wara li l-Fondazzjoni evalwat diversi possibilitajiet wara li ġew ikkuntattjati diversi "estate agents" u wara li żaret diversi uffiċini.
Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2000 u 2001 kemm kien hemm każi fejn l-Awtorita ta' l-Ippjanar tat permessi għall-ftuħ ta' ħwienet kummerċjali u shopping complexes fis-Swieqi?
F'kull każ x'kienet il-pożizzjoni tal-Kunsill Lokali fuq dawn l-applikazzjonijiet?
Response (BORG, TONIO)
Fil-perijodu msemmi, l-Awtorita` ta` l-Ippjanar approvat 3 permessi għal ftuħ ta` ħwienet kummerċjali fis-Swieqi. Ma kienx hemm permessi għal shopping complexes.
Ma jidhirlix li għandi ngħid x`ikunu l-oġġezzjonijiet għal iżvilupp, jekk ikun hemm, li jsiru minn terzi persuni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ilu jsir il-programm 'Tista' tkun int' fuq il-PBS?
F'kull każ kemm ingħataw flus bħala għotja f'dan il-programm, programm, programm?
Kif jiġi deċiż li fi programm jingħata ammont u fi programm ieħor jingħata ammont ferm iżjed jew ferm inqas?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-programm "Tista' Tkun Int" ilu jsir fuq l-Istazzjoni Televiżiv tal-PBS minn Ottubru 2000. Informat ukoll li fl-edizzjonijiet tal-programm imsemmi ma ngħatawx flus bħala għotja.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li l-ktieb Master IT ta' Victor Agius ikun jintuża fl-iskejjel tal-gvern iżda mbagħad fotokoppji tiegħu qed jintużaw?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li qatt ma ngħataw istruzzjonijiet jew permessi biex isiru fotokopji tal-ktieb imsemmi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi program biex jiġu rranġati t-toroq tas-Swieqi li dan l-aħħar ġew maqlugħa bix-xogħolijiet li saru u li qed isiru?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi fit-toroq li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant qed isir xogħol ta` kostruzzjoni ta` culvert għall-ilma tax-xita biex tiġi riżolta l-problema ta` għargħar u t-toroq li qed isir ix-xogħol fihom ser jiġu rranġati max-xogħol.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm għalliema tal-Fiżika neqsin fl-iskola sekondarja Lorenza Gafa? X'qed isir biex jinstabu l-għalliema meħtieġa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-Iskola Sekondarja Lorenzo Gafa' hemm 12-il lezzjoni tal-Fiżika mingħajr għalliem. Saru sforzi biex għal dawn il-lezzjonijiet jinstab għalliem, iżda għadu ma nstab ħadd li kapaċi jieħu dawn il-lezzjonijiet. Saħansitra ħarġu applikazzjonijiet għal Supply Teachers biex timtela' din il-kariga. Ser jibqa' jsir kull sforz biex dan il-problema jingħeleb.