Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti fl-istitut tal-Arti u d-Disinn tal-MCAST li dan ix-xahar m'humiex se jieħdu l-għotja (maintenance grant)?
X'inhuma r-raġunijiet?
Meta se jingħataw is-somma dovuti lilhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kien hemm seba' studenti li ma rċevewx il-Maintenance Grant għaliex l-informazzjoni dwarhom ma kinetx kompluta.
Informat ukoll li kien hemm seba' studenti tal-kors tal-Ġojjelerija u tlettax-il student tad-Disinn Industrijali li qegħdin fl-aħħar sena tal-kors li ma rċevewx il-manteniment. Dawn l-istudenti għandhom kundizzjonijiet differenti mill-oħrajn u għalhekk ried jiġi ċċarat għandhomx id-dritt għal dan il-Manteniment.
Huwa mistenni li dawn l-istudenti kollha jirċievu l-manteniment dovut lilhom fix-xahar ta' Jannar 2002.
Jirriżultalu l-Ministru li biex ittella fencing ġdid fil-ħabs inqatgħet il-linja tat-telefon ta' l-iskola tal-ħabs? Meta se jissewwa dan it-telefon peress li hu essenzjali għat-tmexxija ta' l-iskola?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-linja tat-telefon ta` l-iskola tal-Ħabs wara li ġiet irrapurtata bil-ħsara, ittieħdu l-passi neċessarji biex tisewwa. Diġa` sar xi bdil ta` wiring u jonqos biss xi xogħol tekniku mill-inġinier biex din il-linja terġa` tibda tiffunzjona.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi hemm maħsuba li jittieħdu biex tissaħħaħ il-ħidma edukattiva fil-ħabs biex il-persuni t'hemm ġew bis-serjeta' jingħataw l-opportunita' jibdew bidu ġdid f'ħajjithom?
Response (BORG, TONIO)
L-awtoritajiet tal-ħabs dejjem taw l-appoġġ neċessarju lil kull priġunier li wera interess bis-serjeta` li jirriforma ruħu. Dan joħroġ ċar mill-fatt li illum hemm żewġ priġunieri li qed jattendu kors l-Universita` u ieħor qed jagħmel kors bil-korrispondenza. Numru ieħor ta` priġunieri kull sena jagħmlu eżamijiet tal-MATSEC u jottjenu riżultati sodisfaċenti.
L-Onor. Interpellant japprezza li biex persuna tirriforma ruħha trid tkun hi stess li tagħmel ħilitha kollha biex tirnexxi.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex fl-iskola tal-ħabs issa ilhom xi 60 jum b'ħafna mill-kompjuters bil-ħsara u baqgħu ma ssewwewx minkejja li għadda dan iż-żmien aċċettabbli? Meta se jittieħdu l-passi biex jisservew dawn il-kompjuters?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 29132, ninsab infurmat li fil-ġejjieni qarib ser jinxtraw computers ġodda. Se jsir dak kollu possibli biex kemm jista` jkun ma ssirx ħsara volontarja lill-apparat.
Jista' l-Ministru jgħid fejn waslu l-investigazzjonijiet tal-pulizija dwar il-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu under separate cover li ġara fil-Qawra fl-1.7.2001 u li ommu diversi drabi kitbet lill-pulizija dwaru, inkluż ittra lill-kummissarju fl-10 ta' Diċembru 2001?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi din l-investigazzjoni għad mhix konkluża. Infurmat ukoll illi l-Pulizija qed iżomm kuntatt mal-persuna li d-dettalji dwarha intbagħtu separatament mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed jistennew biex jagħmlu l-awtorizzazzjoni meħtieġa biex l-oġġetti tal-fuħħar maħduma fil-ħabs jitħallew jinħarġu biex jiġu nfurmati?
Meta se toħroġ l-awtorizzazzjoni meħtieġa?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 29132, ninsab infurmat illi l-awtorizzazzjoni biex l-oġġetti jinħarġu mill-Faċilita` u jittieħdu biex jinħmew ingħatat lill-Uffiċjal inkarigat fil-15/11/2001.
Jista' l-Ministru jgħid veru li hemm il-ħsieb li jitnaqqas il-programm edukattiv fil-ħabs?
X'inhuma r-raġunijiet għal dan it-tnaqqis?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma hemm l-ebda ħsieb li jitnaqqas il-programm edukattiv fil-ħabs.
Riċentament inħatar Bord kompost minn chairman u żewġ membri biex jevalwaw il-programm preżenti, u dan bil-ħsieb li dan jiġi mtejjeb għall-benefiċċju ta` dawk il-priġunieri li verament iridu jitgħallmu.
B'referenza għall-PQ 30333 peress li fit-tweġiba saret referenza għall-persuni terzi u peress li l-Kunsill Lokali huwa entita' pubblika u mhux persuna privata, x'kienu fil-fatt il-pożizzjoni tal-Kunsill Lokali dwar l-applikazzjonijiet għall-ħwienet kummerċjali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fis-sistema ta` informazzjoni ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar m`hemmx irrekordjat l-ebda korrispondenza mill-Kunsilli Lokali fuq l-ebda mill-applikazzjonijiet li saret referenza dwarhom fil-Mistoqsija.
Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2000 kemm intużaw fondi pubbliċi biex jingħataw kalmanti lill-persuni ntitolati għal dawn il-mediċini?
Kemm persuni ħadu minn dawn il-kalmanti?
X'tip ta' kalmanti ħadu?
U kemm ħarġu kalmanti matul is-sena 2000?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li l-ispiża tal-Gvern matul is-sena 2000 kienet ta' Lm813,655.2. In-numru ta' persuni bil-kartuna l-bajda f'Malta u Għawdex sa Diċembru 2000 kien ta' 21923. Rigward it-tip ta' kalmanti u kemm inħarġu matul is-sena 2000 jidhru fil-lista li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Meta l-eżamijiet tal-Matsec li se jagħmlu għadd ta' persuni fil-ħabs jinsabu biss ftit xhur 'il bogħod, jista' l-Ministru jgħid għaliex id-direttur tal-ħabs għadu ma tax l-awtorizzazzjoni meħtieġa biex jiġu reklutati l-għalliema ġodda meħtieġa biex jgħinu lill-ħabsin jippreparaw għal dawn l-eżamijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi riċentament saret talba lid-Direttur tal-Ħabs għal għalliema part-time sabiex jagħtu lezzjonijiet lil dawk li kienu ser jagħmlu eżamijiet tal-MATSEC.
Irriżulta li ntalab għalliem għal kull priġunier individwali u mhux għalliem għal numru ta` priġunieri.
Id-deċiżjoni ser tittieħed meta l-awtoritajiet tal-ħabs jiġu aċċertati mill-ko-ordinatur li l-priġunieri li talbu biex jagħmlu l-eżamijiet huma ta` livell aċċettabli.
Jista' l-Ministru jgħid kemm iggradwaw studenti, nisa u rġiel, sena b'sena mill-1991 sas-2001 mill-Universita' ta' Malta? Kemm Maltin u kemm Għawdxin? Kemm 1) first degree 2) second degree 3) third degree
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il mejda tal-kamra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jistax jiġi rranġat b'xi mod il-qlib tal-ilma fuq pont reġjonali, Regional Road, li qed jifforma għadira sħiħa u fonda meta tagħmel ix-xita b'periklu għall-karozzi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jispezzjona l-post li qed isemmi l-Onor. Interpellant u jikkonsidra x'hemm bżonn isir.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jistgħux jittieħdu passi biex ma jkomplix jgħaddi wied ilma minn taħt il-mina tar-Regional Road meta tagħmel ix-xita b'periklu għal min juża l-mina?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-Onor. Interpellant hu mitlub jagħti aktar dettalji dwar il-mistoqsija tiegħu peress li sa fejn wieħed jista' jipperċeppixxi l-mina ta' Regional Road qiegħda 'l fuq mill-livell tal-wied, u għalhekk ma tieħux ilma.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jistgħux jittieħdu passi biex il-junction il-ġdida li mill-by-pass faċċata ta' l-isptar il-ġdid tieħu għall-Universita' tiġi rranġata t-triq il-ġdida fejn qed tifforma għadira fonda u perikoluża meta tagħmel ix-xita b'periklu għal kull min juża din it-triq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jispezzjona l-post li qed isemmi l-Onor. Interpellant u jikkonsidra x'hemm bżonn isir.
Jista' l-Ministru jgħid liema NGO's ambjentali ġew ikkonsultati għat-tfassil tal-protokol dwar ic-cetacei? Kemm intlaqgħu s-suġġerimenti tal-NGO's? X'kordinazzjoni qed issir dwar il-protokol? Min hemm imdaħħal f'din il-kordinazzjoni?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li fit-tfassil tal-Protokol dwar iċ-Ċetaċei li ġie ppubblikat fl-1999, id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent kien ikkonsulta ma' l-għaqdiet volontarji kollha li wrew xi nteress f'dan il-qasam. Barra minn dawn, kien hemm anki numru ta' entitajiet Governattivi u Universitarji li kkontribwew fit-tfassil ta' dan il-Protokol. Id-Dipartiment, bħala l-entita' responsabbli għal annimali slavaġġ, kellu l-aħħar kelma f'dak li ħass li kien validu u li kellu jidħol fil-Protokol.
Dan il-Protokol jitqies mid-Dipartiment bħala ħaġa ħajja li minn żmien għall-ieħor jeħtiġilha tibdil u d-Dipartiment dejjem żamm ruħu attent għal suġġerimenti kostruttivi f'dan il-qasam.
Il-Protokol hu kkordinat mis-sezzjoni tal-Ħarsien tal-Biodiversita' fi ħdan id-Dipartiment.