Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #31264 Sitting 692 2002-02-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

PBS

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'hiex waslet l-investigazzjoni dwar allegati abbużi fit-taqsima ta' reklamar fil-PBS? Min qed imexxi l-investigazzjoni? X'xogħol fadal isir biex l-investigazzjoni tintemm?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li Bord ta' Inkjesta imwaqqaf apposta biex jinvestiga l-allegazzjonijiet dwar irregolaritajiet fid-Dipartiment tas-Sales & Marketing tal-PBS, huwa mmexxi minn Major F.X. Naudi FIA, CPAA u għandu bħala membri lis-Sinjuri Tonio Portughese u Lawrence Coleiro. Il-Bord eżamina d-dokumenti relatati mal-każ u ntervista lill-membri tal-Management u staff li setgħu jagħtu tagħrif dwar il-proċess involut, dwar l-allegazzjonijiet magħmula u dwar punti li kienu ħarġu mill-investigazzjoni preliminari. Minn informazzjoni li għandu l-Bord tad-Diretturi jidher li dak li għad fadal li jsir huwa li l-membri jiddeliberaw fuq ix-xhieda mogħtija mid-diversi persuni li dehru quddiem il-Bord u li jitħejja r-rapport.
Leg 9 PQ #31265 Sitting 692 2002-02-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

PBS

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-PBS ħaditx xi passi dwar akkużi serji li għamel ġurnalist tal-PBS f'Settembru 1999 fin-New Centre fi G'Manġia fil-konfront tal-kuntrat li l-PBS iffirmat mal-Where's Everybody?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-allegazzjonijiet imsemmija kienu ġew formalment irtirati bla ebda riserva mill-persuna stess li għamlithom.
Leg 9 PQ #31266 Sitting 692 2002-02-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ċentru tar-Restawr

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'nefqa saret dan l-aħħar miċ-Ċentru tar-Restawr biex jinxtraw pożati għall-ikel għal xi pranzu speċjali? Xi nxtara? Kemm intefaq?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ċ-Ċentru Malti għar-Restawr ma xtara ebda pożati għal xi pranzu speċjali. Peress li n-numru ta' nies - studenti, għalliema u ħaddiema - li jiffrekwentaw il-'canteen' taċ-Ċentru kuljum issa qabeż il-mija u ħamsin (150) kien hemm il-ħtieġa li jinxtraw biżżejjed pożati, platti, u cutlery oħra biex il-canteen ikun jista' jservi lil kulħadd. Informat li l-ispiża kienet Lm2282.64.
Leg 9 PQ #31269 Sitting 692 2002-02-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Mobile Phones Antennae

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi jittieħdu meta jsiru testijiet fuq mobile phone antennae biex l-operaturi ma jkunux avżati minn qabel u jaġġustaw l-apparat biex ma jitqiesx ta' periklu għas-saħħa ta' min jgħix fil-qrib?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li t-testijiet isiru mid-Dipartiment tal-Wireless and Telegraphy din il-Mistoqsija għandha tiġi referuta lill-Minsitru kkonċernat.

Persuni b`Diżabilita`

Question

Jista` l-Ministru jghid x`passi hemm il-ħsieb li jittieħdu mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b`Dizabilita` biex flimkien mal-Awtorita' tax-Xandir u l-Press Club tfassal linji gwida ghall-mod kif jigu ppreżentati persuni b`dizabilita` fuq il-mezzi tax-xandir u l-istampa biex negħelbu l-isterjotip ta` persuni b`diżabilita ppreżentati bħala 'anġli' , 'nies inqas ixxurtjati minna' bħala oġġetti msieken tal-karita`.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' tieħu diversi inizjattivi biex tara li l-persuni b'diżabilita' jiġu ppreżentati b'mod pożittiv. Fil-preżent il-Kummissjoni qed ikollha diskussjonijiet ma' l-Awtorita' tax-Xandir biex flimkien jitfassal linji gwida li jgħin lill-ġurnalisti f'dan il-qasam ukoll. L-Awtorita' tax-Xandir fil-prinċipju taqbel u hu ttamat li dawn il-linji gwida jinħarġu fi żmien raġonevoli. Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tagħmel l-istess mal-Press Club. Il-Kummissjoni temmen li r-responsabilita' li l-persuni b'diżabilita' jiġu murija b'mod pożittiv hi ta' kulħadd u għalhekk tistieden ukoll lill-membri parlamentari kollha biex jużaw l-influwenza tagħhom biex dan il-għan jintlaħaq anke permezz tal-media li l-partiti politiċi għandhom.
Leg 9 PQ #31235 Sitting 691 2002-02-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kulleġġ tal-Biedja

Question

Jista` l-Ministru jgħid matul din is-sena skolastika s`issa kemm il darba kien hemm żbroff ta`drenaġġ madwar il-kuleġġ tal-biedja? X`kienu r-raġunijiet f`kull każ? X`passi ser jittiehdu biex jekk jista` jkun ma jkunx hemm ripetizzjoni ta` dan l-iżbroff?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul din is-sena skolastika d-drenaġġ li jgħaddi mill-Kulleġġ tal-Biedja żbroffa tlett darbiet. L-ewwel darba żbroffa wara ħafna xita. Ħaddiema tad-Diviżjoni għamlu passaġġ għall-'storm water' biex dan ma jfawwarx id-drenaġġ. It-tieni u t-tielet darba d-drenaġġ żbroffa għax instadd. Din il-problema nqalet kemm ilu li nbnew ħafna djar ġodda 'l fuq mill-iskola. Is-sezzjoni ta' drenaġġ tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qed tistħarreġ x'rimedji possibbli jista' jkun hemm.
Leg 9 PQ #31237 Sitting 691 2002-02-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Radjazzjoni Tal-Mobiles

Question

Jista' l-Ministru jgħid fit-testijiet li qed isiru fuq mobile phone antennae liema livell ta` radjazzjoni elettromanjetika jitqis ta` periklu u bħal liema livell jitqies li mhux periklu għas-saħħa? Fit-testijiet li saru s`issa x`livelli nstabu ta` radjazzjoni elettromanjetika?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-testijiet isiru b'referenza għal-livelli ta` radjazzjoni rakkomandati għall-pubbliku fir-rapport Recommendations for limiting Human Exposure to Time-varying electronic, magnetic, and electromagnetic fields in the frequency range from 0Hz to 300GHz. Kopja ta` dan ir-rapport kienet tqegħdet fuq il-Mejda tal-Kamra. Mit-testijiet li saru sa issa mill-Wireless & Telegraphy il-livelli ta` radjazzjoni elettromanjetika mkejla f'persentaġġ tal-livell massimu aċċettabbli skond dan ir-rapport kienu kif ġejjin: Livelli massimi mkejla kienu jvarjaw bejn 10.92% u 0.14% tal-livell massimu Livelli medji mkejla kienu jvarjaw bejn 7.381% u 0.007% tal-livell massimu
Leg 9 PQ #31239 Sitting 691 2002-02-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

MCAST

Question

Jista' l-Ministru jgħid x`passi se jittieħdu biex dawk li jgħallmu fl-MCAST ikollhom ir-riżorsi meħtieġa biex jedukaw lill-istudenti? X`mod għandu kull istitut tal-MCAST għar-riżorsi edukattivi għad-diżpożizzjoni tal-lectures? Tista` tagħti ċ-ċifra, istitut, istitut?

Response (GALEA, LOUIS)

Fl-Estimi għal din is-sena l-Gvern ivvota żewġ miljun lira u nofs għall-MCAST. Dawn huma kollha riżorsi dedikati għall-edukazzjoni u t-taħriġ ta' l-istudenti li għandhu l-MCAST s'issa. Filwaqt li sistema ta' tmexxija deċentralizzata ta' l-Istituti ta' l-MCAST għad trid tiġi finalizzata, il-Bord tal-Gvernaturi alloka Lm95,000 bħala nefqa rikorrenti għad-dispożizzjoni ta' l-Istituti. Qed isiru laqgħat mad-Diretturi ta' l-Istituti biex din iċ-ċifra tiġa allokata Istitut b'Istitut.
Leg 9 PQ #31241 Sitting 691 2002-02-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

MCAST

Question

Jista' l-Ministru jgħid x`inhuma r-raġunijiet li għalihom fl-istituti tal-MCAST l-istudenti se jagħmlu wkoll testijiet formali ta`nofs is-sena u annwali u b`hekk qed jiġi ffalsifikat il-proċess edukattiv vokazzjonali mibni fuq assignments mattiċi skond sillabi tal-Edexcel b`sistema ta` continous assessment?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kunsill ta' l-Istituti fi ħdan l-MCAST, magħmul fost oħrajn mill-Prinċipal tal-Kulleġġ u d-Diretturi ta' l-Istituti, iddeċidew li, indipendentament mit-tip ta' programm ta' studji / taħriġ li l-istudenti fil-Kulleġġ qed isegwu (e.g. City and Guilds, EDEXEL, MATSEC, MCAST), jorganizzaw Progress Week f'nofs is-sena bl-iskop li l-istudenti kollha jkollhom l-opportunita` jevalwaw il-progress li qed jagħmlu fl-istudju / taħriġ tagħhom. B'hekk il-Kulleġġ ikun jista' jwettaq 'monitoring' u jifhem aħjar x'għajnuna jista' jkollhom bżonn studenti partikolari. Kull Istitut jiddeċiedi hu l-aħjar forma ta' assessment li tkun tgħodd għax-xorta ta' studju / taħriġ li l-istudenti jkunu qed isegwu. M'hemm ebda ingredjent ta' selezzjoni f'dan l-eżerċizzju. Il-continuous assessment għal korsijiet ta' EDEXEL b'ebda mod ma jeskludu din il-forma ta' assessment tal-progress li l-istudenti jkunu qed jagħmlu. Ġejt assigurat li l-assessment li ser isir tul il-Progress Week b'ebda mod ma jiffalsifika l-proċess li jwassal għat-twettiq tal-programmi ta' l-EDEXEL.

Pensjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-pensjonijiet li tħallsu dan ix-xahar kienx ħafna każi fejn sarilhom qtugħ esaġerat tat-taxxa? X'kienu r-raġunijiet għal dan? X'rimedji ttieħdu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ir-rata tat-taxxa hi stabbilita permezz tas-sistema tal-FSS. Hemm każijiet fejn it-taxxa ta' Diċembru ma tnaqqsitx u ġiet inkorporata fil-ħlas tax-xahar ta' Jannar. Jekk l-Onor. Membru ghandu xi każ partikolari hu mitlub għaddili l-informazzjoni anke b'mod kunfidenzjali.
Leg 9 PQ #31213 Sitting 690 2002-02-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Armier — Bdiewa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm bdiewa li rreġistraw l-art li jaħdmu fl-Armier u li issa se tittieħed biex fuqha jinbnew il-beach rooms?

Response (ZAMMIT, NINU)

Peress li r-reġistrazzjoni ta' dan ir-raba saret fuq skema mnedija mill-Ministeru ta' l-Intern, nissuġġerixxi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Akkomodazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li għixu f'residenza sub-standard u applikaw biex jingħataw akkomodazzjoni alternattiva? Kemm ilha tistenna l-applikazzjoni l-aktar antika? X'inhi d-definizzjoni ta' sub-standard?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali għandu 447 applikazzjoni pendenti li jgħidu li joqgħodu f'post 'sub standard' . L-iżjed waħda antika ilha mill-1988. Post jitqies 'sub standard' meta ma jkollux faċilitajiet sanitarji u ma jkunx jista' jiġi pprovdut bihom.
Leg 9 PQ #31216 Sitting 690 2002-02-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jsiru laqgħat għall-ġenituri tas-sitt klassi tal-primarja biex jiggwidawhom lill-istudenti x'suġġetti jgħażlu għall-edukazzjoni sekondarja tagħhom? Għaliex issejħu laqgħat imbagħad tħassru?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li saru ħafna laqgħat għall-ġenituri u għat-tfal tas-sitt sena tal-Primarja biex jiggwidaw lill-istudenti x'suġġetti jagħżlu għall-edukazzjoni sekondarja tagħhom kemm f'Malta, kif ukoll f'Għawdex. Dawn saru mill-Counsellors, u mill-Kapijiet ta' l-iskejjel. Dawn ta' l-aħħar ingħataw 'guidelines' għal-laqgħat. Min għamel kuntatti bit-telefon, jew ġie personalment, ingħata l-għajnuna u l-gwida li xtaq. Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ma tafx b'laqgħat li ssejħu u mbagħad, tħassru.

San Vinċenz de Paule

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaddejja xi investigazzjoni dwar mewt ta' anzjana fir-residenza San Vinċenz de Paule? Meta ġara l-każ f'Jannar 2002? X'passi ttieħdu s'issa dwar il-każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fuq il-każ imsemmi, l-proċeduri kollha kif mitluba mill-liġi kif ukoll mid-Dipartiment ġew meħuda mmedjatament mill-awtoritajiet konċernati.
Leg 9 PQ #31220 Sitting 690 2002-02-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

MCAST

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom studenti li jattendu l-istitut ta' l-informatika tal-MCAST intalbu jħallsu Lm73 biex jiġu eżaminaturi minn barra u jingħataw ċertifikat minn barra? X'jiġri l-każ li jkun hemm studenti li ma jeffordjawx dawn il-ħlasijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ħlas ta' Lm73 huwa dovut għar-reġistrazzjoni biex wieħed jieħu l-B.Tech. National Diploma fil-Computing. Dan huwa ħlas li jmur barra minn Malta għand l-istituzzjoni li l-Istitut għall-Informatika ta' l-MCAST huwa akkreditat magħha. M'hemm ebda ħlas għal studenti li jsegwu korsijiet organizzati mill-MCAST. Każijiet fejn tassew ikun hemm diffikulta ta' dan il-ħlas jistgħu jiġu konsidrati kull wieħed fuq il-merti tiegħu mill-Bord għall-Għotjiet ta' Manteniment ta' l-Istudenti.
Leg 9 PQ #31232 Sitting 690 2002-02-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Student

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'għajnuna tista' tingħata lill-istudent lid-dettalji tiegħu huma ammessi under separate cover li għandu bżonn għajnuna qawwija biex jikseb il-ħiliet bażiċi fl-edukazzjoni tiegħu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Iskola Sekondarja tas-Subien F.X Attard, Marsa, bħal skejjel oħra għandha ċ-ċans li toħloq programmi adattati għal studenti li għandhom diffikulta` u mhux mistenni li dawn l-istudenti jimxu ma' sillabu riġidu la fix-Xjenza u anqas f'ebda suġġett ieħor. Din l-istess skola qed tħejji programm bl-għajnuna tal-Literacy Unit biex tibni l-ħila bażika ta' literacy fl-istudenti tagħha. Id-Dipartiment tal-Kurrikulu qed jara wkoll li tingħata għajnuna mill-Special Learning Difficulties Unit.
Leg 9 PQ #31160 Sitting 687 2002-01-29 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Taqsima ta' l-Edukazzjoni Inklussiva

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'postijiet vakanti hemm fit-taqsima ta' l-edukazzjoni inklussiva? Kemm hemm persuni li jistgħu eventwalment jikkwalifikat biex jimlew dawn il-postijiet? Meta se jimtlew dawn il-postijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li t-Taqsima Bżonnijiet Edukattivi Speċjali fi ħdan id-Direttorat ta' Servizzi għall-Istudent u Relazzjonijiet Internazzjonali, hija mmexxija minn Direttur u Assistent Direttur ta' l-Edukazzjoni. Hemm tliet postijiet vakanti fil-kariga ta' Uffiċjal Edukattiv. Għalkemm ħarġu żewġ sejħiet diġa` sabiex jimtlew dawn il-postijiet vakanti, ħadd ma applika. Hemm persuni li huma kkwalifikati u aktarx huma mħajra biex jimlew dawn il-postijiet, imma minħabba restrizzjonijiet li jeżistu fil-preżent fil-Ftehim Kollettiv, jeskludihom li japplikaw.
Leg 9 PQ #31176 Sitting 687 2002-01-29 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Mobile Phone Antennae — Problemi ta' Saħħa

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30910, jista' jekk jogħġbu jiċċekkja jekk hux veru li kull min għamel talba biex jitkejjel il-livell ta' radjazzjoni minn antennae, ingħata l-informazzjoni li talab, peress li hemm min jilmenta li ma ntbagħtitlux din l-informazzjoni?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi nerġa` nikkonferma t-tweġiba tiegħi mgħotija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 30910 f'Seduta Nru. 681 datata 22 ta` Jannar 2002. Bħalissa, jeżistu tliet ilmenti oħra li d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika għadu qiegħed jistenna rapport ta` l-investigazzjonijiet neċessarji mid-Dipartiment tal-Wireless and Telegraphy qabel ma jkun jista` jintbagħat ir-rapport finali lil min għamel l-ilment.
Leg 9 PQ #31177 Sitting 687 2002-01-29 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Mobile Phone Antennae — Problemi ta' Saħħa

Question

Jista' l-Ministru jgħid mil-liema lokalitajiet saru talbiet għal-kejl tar-radjazzjoni ta' l-antennae li hemm riferenza għalihom f'mistoqsija nru. 30910? Kemm kien hemm talbiet lokalita' b'lokalita?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat illi t-talbiet għall-investigazzjonijiet dwar l-antennae saru fil-lokalitajiet skond il-lista hawn taħt:- Attard 1 Baħrija 7 Bengħajsa 1 Birkirkara 3 Blata l-Bajda 1 Dingli 1 Fgura 1 Għaxaq 1 Ħamrun 1 Luqa 1 Magħtab 1 Mellieħa 1 Mosta 2 Mqabba 1 Mtarfa 1 Nadur 1 Naxxar 1 Sliema 1 Xewkija 1 Żebbuġ 1 Żurrieq 1 It-tliet każi l-oħra li għadhom pendenti, u li rreferejt għalihom fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 31176 huma minn dawn il-lokalitajiet kif ġejjin:- Marsascala 1 Qala 1 Xagħra 1
Leg 9 PQ #31154 Sitting 686 2002-01-29 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Istitut tal-Arti u d-Disinn

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm amusement machine fl-Istitut tal-Arti u d-Disinn ta' Tarġa Gap? Huwa għaqli li jkun hemm dan il-machine li tintlagħab bil-flus miż-żgħażagħ studenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li llum m'hemm ebda amusement machine fl-Istitut ta' l-Arti u d-Disinn, Tarġa Gap.