Jista' l-Ministru jwieġeb PQ 31420 u cioe, kemm hemm persuni jitħallsu mill-vot rikorrenti 47 Line Items 12 Staff-Salaries & Wages 05 taħt saħħa fejn hemm ivvotati Lm 3,815,000? Kemm jitħallsu f'kull każ? F'liema oqsma jaħdmu?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Sakemm ma ningħatax raġuni 'l għala qed tintalab, ma nara lebda skop li tingħata linformazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jwieġeb PQ 31419 u cioe, kemm hemm persuni jitħallsu mill-Vot Rikorrenti 47 Line Item 12 Staff-Salaries & Wages 03, Customer Services fejn hemm ivvotati Lm 1,512,500? Kemm qed jitħallsu f'kull każ? F'liema oqsma jaħdmu?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Sakemm ma ningħatax raġuni 'l għala qed tintalab, ma nara lebda skop li tingħata linformazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jirriżultax li nsterqet il-master key ġol-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin? Jekk iva, x'passi ttieħdu dwar l-għibien ta' master key li biha tista' tiflaħ kull bieb li hemm fil-ħabs?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mill-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin ma nsterqet l-ebda Master Key li biha jinfetħu l-bibien kollha tal-Ħabs.
Huwa minnu li ma nstabitx ċavetta (servant key), u qegħda issir investigazzjoni interna dwar dan in-nuqqas.
Tajjeb l-Onor. Interpellant jkun jaf li għalkemm din iċ-ċavetta hija ta` importanza, waħda mhix biżżejjed biex tiftaħ xi bieb, u dan għaliex ma` din iċ-ċavetta trid tintuża ċavetta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni differenti li huma
1) impjegati full-time
2) impjegati part-time
3) konsulenti
mal-Fondazzjoni għall-iskejjel t'ghada?
Ma kemm persuni qed jiġu negozjati kuntratti ta' xi tip jew ieħor għal xogħol mal-Fondazzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-impjegati huma:
1. Impjegat full-time: Wieħed - is-Sur Alfred Ferrante, li beda fil-11 ta'
Frar 2002 bħala Chief Executive Officer.
Bħalissa qed issir l-għażla ta' Financial Controller.
2. Impjegati part-time: Qed jittieħed servizz mill-kumpanija
Commercial Services Bureau Ltd, li qed jipprovdu lis-Sinjura
Josianne Vella, li qed tagħmel xogħol ta' segretarja temporanjament.
3. Konsulenti: Tnejn - Il-Perit Anton Valentino u s-Sur George
Papagiorcopulo li oriġinarjament kienu membri fuq it-Tomorrow's
School Task Force.
Il-Fondazzjoni qegħda wkoll fi proċess biex impjegati li jaħdmu mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni jagħtu s-servizz tagħhom fuq xogħol tal-Fondazzjoni.
Informat li bħalissa ebda kuntratt m'hu qed jiġi negozjat għal xogħol mal-Fondazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intefqu flus biex tinxtara għamara għall-MCAST? Meta ħarġu l-offerti pubbliċi biex tinxtara l-għamara? Min awtorizza x-xiri tal-għamara?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2001 kif intefaq il-vot għall-edukazzjoni speċjali?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Vot ta' l-Edukazzjoni Speċjali (Vot 5270) kien jammonta għal Lm240,000. Din is-somma ġiet mgħoddija lill-Eden Foundation f'erba' pagamenti ta' madwar Lm60,000 'l wieħed. Din is-somma tkopri salarji ta' facilitators ma' tfal klijenti ta' l-Eden Foundation fi skejjel tal-Knisja, kif ukoll ta' xi professjonisti li jservu fil-fondazzjoni, u spejjeż oħra ta' amministrazzjoni ta' l-istess fondazzjoni. Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni titlob rendikont dettaljat dwar kif jintefqu l-flus. Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni kkuntrattat din il-Fondazzjoni sa mill-1996 - liema servizz żdied progressivament sena wara sena.
Jista' l-Ministru jgħid meta tħejjiet is-sejħa għall-offerti għal civil works fiċ-Ċentru Nazzjonali tax-Xjenza ibbażat f'Pembroke?
Meta ġiet mgħoddija lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-sejħa għall-offerti għal civil works fiċ-Ċentru Nazzjonali tax-Xjenza f'Pembroke ġiet imħejjija fl-2001 u mgħoddija lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni fis-6 ta' Ġunju 2001.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ilu mwaqqaf l-Istatementing Moderating Board?
Kemm intefqu flus fuq ix-xogħol ta' dan il-Board?
Fuq x'hiex intefqu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Istatementing Moderating Panel twaqqaf fis-27 ta' Ġunju, 2001.
L-infieq li sar sa issa hu kif se nsemmi:
300 Pocket Files x 15c Lm 45.00
3 Kaxxi photocopying paper x Lm9.50 Lm 28.50
3 Toners għall-photocopier Lm 60.00
Posta minn Settembru 2001 Lm480.00
1 Calculator u stationery ieħor Lm 20.00
1 Four drawer steel filing cabinet Lm135.00
1 Two drawer steel filing cabinet Lm 75.00
Total Lm843.50
Għad iridu jsiru ħlasijiet tal-ħidma tal-membri fuq il-Bord.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemm xi problemi biex l-Istitut Marittimu tal-MCAST jorganizza l-kors tal-Fire Fighting? Min se jgħallem f'dan il-kors?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Istitut Marittimu ta' l-MCAST ma jsib ebda problema biex jorganizza korsijiet tal-Fire-Fighting. Fil-fatt, minn mindu twaqqaf l-MCAST f'Ottubru ta' l-2001, l-Istitut Marittimu organizza, 26-il Kors ta' Basic Fire Fighting għall-korsijiet tal-liċenzji biex wieħed isuq dgħajsa b'mutur, kors ieħor ta' Basic Fire Fighting fil-kors tal-Yachtmaster, żewġ korsijiet ta' Fire Prevention & Fire Fighting għall-membri tal-flotta merkantili u Uffiċjali Kadetti ta' l-Istitut Marittimu, u Advanced Fire Fighting Course għall-membri tal-flotta merkantili u Uffiċjali Kadetti ta' l-Istitut Marittimu. Il-Korsijiet huma organizzati fuq standards ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali Marittima u l-Awtorita` Marittima ta' Malta, u qed jiġu mgħallma minn Instructors ikkwalifikati mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ta' Malta.
Jista' l-Ministru jgħid meta huwa mistenni li jtemm ix-xogħol tiegħu l-Bord ta' l-Inkjesta mwaqqaf f'Diċembru li għadda biex jinvestiga diversi allegazzjoniijiet dwar irregolaritajiet fid-Dipartiment tas-Sales tal-PBS? Meta huwa mistenni li jissottometti r-rapport tiegħu? Il-Ministru jikkunsidra jqiegħed kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (GALEA, LOUIS)
Filwaqt li ġejt informat li f'dan l-istadju m'hemmx wieħed xi jżid mat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 31264, tlabt lill-Bord tal-PBS biex jitlob li r-rapport ta' l-inkjesta jiġi sottomess.
Jista' l-Ministru jgħid f'hiex wasal ix-xogħol li ordna l-Bord tad-Diretturi tal-PBS lill-awdituri tal-kumpanija biex jiċċekkjaw ir-rekords tax-xhur ta' Novembru - Diċembru 2001 biex jiġi stabbilit jekk kienx hemm xi rregolaritajiet minn membri tad-dipartiment tas-sales?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li r-rapport ta' l-awdituri li l-Kumpanija kkommissjonat biex jiġu ċċekkjati r-rekords tax-xhur ta' Novembru u Diċembru 2001, issa tlesta u ġie sottomess nhar il-11 ta' Frar 2002.
Informat ukoll li r-rapport issa ser jiġi kkonsidrat mill-Bord tad-Diretturi tal-Public Broadcasting Services Ltd biex ikunu jistgħu jiġu attwati r-rakkommandazzjonijiet ta' l-awdituri.
Jista' l-Ministru jgħid min huma n-nies kollha li jagħmlu xogħol relatat, direttament jew indirettament mal-Istatementing Moderating Board? X'xogħol jagħmlu? Kemm jitħallas ta' dan ix-xogħol? F'kull każ kif inhija stabbilita r-rata ta' dan il-ħlas?
Response (GALEA, LOUIS)
L-Istatementing Moderating Panel jaqa' taħt id-Direttur għas-Servizzi għall-Istudent u għar-Relazzjonijiet Internazzjonali.
Bħalissa jikkonsisti f'dawn il-membri:
Ms Pauline Sammut (Acting Chairperson)
Mr George Borġ (Membru)
Ms May Aquilina (Membru).
Hemm ukoll l-Appeals Board li hu magħmul minn:
Mr Bernard Caruana (Chairperson)
Ms Carmelina Debono (Membru)
Mr Joe Camilleri (Membru).
Kull membru jitħallas skond ir-rati uffiċjali stabbiliti mill-O.P.M. jiġifieri Lm8 għall-membri u Lm11 għaċ-Chairperson għal kull sessjoni.
Dawn in-nies jiltaqgħu mal-ġenituri li jkunu applikaw. Jistudjaw il-każ, fejn ikun hemm bżonn jikkonsultaw esperti speċifiċi u jirrakomandaw il-bżonn jew le ta' l-appoġġ speċjali indikat.
Facilitators u Kindergarten Assistants — Ħlassijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2001 kemm intefqu flus fi ħlassijiet lill-facilitators u kindergarten assistants għal xogħol ma' studenti bi bżonnijiet speċjali 1) fl-iskejjel statali - primarji u sekondarji 2) fl-iskejjel tal-knisja - primarji u sekondarji. F'kull każ x'inhu n-numru ta' persuni li qed jagħmlu dan ix-xogħol?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb PQ 31366 li ġiet riferita lilu mill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u cioe, jista' l-Ministru jgħid ir-riżultati ta' investigazzjoni geoliġika madwar il-palazz Vilhena fl-Imdina permezz ta' course li sar lejn Novembru ta' 1998 biex jiġi mistħarreġ ċediment ta' l-art li ikkawża ħsara fil-palazz, u jekk m'humiex se jittieħdu passi biex issa tiġi rimedjata is-sitwazzjoni skond ir-riżultati ta' dan l-istħarriġ geologiku?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li bħala l-ewwel fażi kien ħareġ rapport fl-1998 b'data li nġabret mill-cores madwar il-Palazz Vilhena fl-Imdina. Dan ir-rapport kien fuq bażi ġeoloġika biss li minnu ma setgħax joħroġ eżattament il-moviment tal-palazz u ta' l-inħawi kif kien qiegħed isir. Bħalissa qegħdin isiru numru ta' ndaġni oħra biex jiġi stabbilit dan il-moveiment, sia minn x'hiex qed jiġi kkawżat, relatat maż-żmien tas-sena, jiġifieri dan jekk huwiex 'seasonal movement' jew moviment ikkawżat minn xi affarijiet oħra. Wara li jkun stabbilit dan kollu, wieħed ikun jista' jgħaddi għall-fażi ta' konsolidament strutturali biex dan il-moviment jitnaqqas jew jinżamm. Din l-analiżi qed issir b'kollaborazzjoni bejn l-Universita' ta' Bologna, il-kumpanija IRMA u t-Taqsima tax-Xogħlijiet.
Jista' l-Ministru jgħid meta se joħorġu r-riżultati tal-eżamijiet li l-istudenti tal-Iskola Nawtika għamlu 7 xhur ilu u li issa hija r-responsabbilita' ta' l-Istitute Marittumu tal-MCAST li joħroġhom u jagħtihom lill-istudenti li urġentement għandhom bżonn? X'qed iżom lill-Istitut Marittimu li joħroġ dawn ir-riżultati?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li r-riżultati ta' l-eżamijiet ta' l-istudenti ta' l-Iskola Nawtika li għamlu 7 xhur ilu kienu ħarġu mill-istess skola Nawtika qabel din għalqet. Jekk hemm diffikulta` fuq xi każ partikolari, nitlob l-Onor. Membru jindikali privatament id-dettalji biex ninvestiga s-soluzzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex jiġi żgurat li s-sillabi, il-kontenut tal-korsijiet għall-GMDSS u NARAS ikunu skond kif meħtieġ għal xogħol fuq il-flotta merkantili u mhux għall-flotta navali, peress li minħabba l-background militari ta' min qed jgħallem bħalissa hemm it-tendenza li jiġu injornati l-aspetti li l-iżjed hemm bżonn għal xogħol fuq vapuri merkantili?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Istitut Marittimu jassigura li kull kors li jsir għax-xogħol ta' baħħara fuq il-flotta merkantili jkun ibbażat fuq mudel ta' kors maħruġ mill-Organizzazzjoni Internazzjonali Marittima. Dan huwa fil-fatt il-każ fil-korsijiet imsemmija. Il-Kors tal-GMDSS li qed isir bħalissa għandu għalliem ikkwalifikat mill-Istati Uniti f'dan is-suġġett u huwa akkreditat mill-Awtorita` Marittima ta' Malta biex jgħallem dan is-suġġett. L-għalliem li ser jagħti l-kors tan-NARAS jaħdem bħala fizzjal (Chief Officer) mas-Sea Malta.
B'referenza għall-każ riferut f'mistoqsija 30618 jista' jiġi kkunsidrat bis-serjeta' u bis-sensitivita meħtieġa li l-bint u l-missier jitħallew jiltaqgħu u jaraw lil xulxin, sintendi bil- miżuri xierqa meħtieġa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
It-Taqsima għall-Ħarsien tat-Tfal ta' l-Aġenzija Appoġġ isegwu kull każ b'serjeta' u sensitivita' kif titlob il-professjoni tas-social work.
Dwar il-każ speċifiku li rrefera għalih l-Onor. Interpellant, infurmat li l-każ reġa' ġie diskuss mill-Bord Konsultattiv dwar it-Tfal u ż-Żgħażagħ fis-7 ta' Frar 2002 u r-rakkomandazzjonijiet sottomessi qed jiġu segwiti. Intenni li l-professjonisti nvoluti f'dan il-każ qed isegwu b'mod regolari u mill-qrib il-careplan dwar il-minuri konċernata u f'dan il-proċess qed tiġi kunsidrata t-talba li l-missier u t-tifla jiltaqgħu.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed iżomm lill-MCAST, lill-Istitut Marittimu u lill-persuni responsabbli fl-Awtorita' Marittima Maltija biex jidħlu f'arranġamenti mas-Sea Malta biex personnel kwalifikat tagħha jgħallem lill-istudenti tal-Istitut Marittimu biex hekk il-programmi tagħhom ta' edukazzjoni jimxi b'aktar konsistenza u regolarita' milli qed jimxu bħalissa minħabba nuqqas ta' personnel adekwat?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Istitut Marittimu diġa` qed timpjega tlett fizzjali tas-Sea Malta li qed jaħdmu fuq sistema ta' Part-Time ma' l-Uffiċċjali Kadetti kollha ta' l-Istitut. Dawn l-għalliema mhux dejjem ikunu jistgħu jattendu biex jagħtu lectures minħabba l-fatt li jridu wkoll jagħmlu xogħolhom fuq bastimenti tas-Sea Malta. Il-programmi ta' l-edukazzjoni li jagħmel l-Istitut Marittimu huma ta' standards rikonoxxuti fuq livell internazzjonali u m'hemmx nuqqas ta' personnel adekwat għat-tagħlim ta' dawn is-suġġetti. Ftit mill-istudenti tat-tieni sena tal-kors, normalment jiġu sponsorjati mis-Sea Malta biex jieħdu t-taħriġ tagħhom fuq il-baħar ma' personnel tas-Sea Malta. Sfortunatament, is-Sea Malta fl-2001 u din is-sena, ma aċċettatx iżjed Kadetti tan-Navigazzjoni ġodda, kemm mill-Iskola Nawtika, kif ukoll mill-Istitut Marittimu ta' l-MCAST.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm disponibilita min-naħa tas-Sea Malta li tikkopera mal-Institut Marittmu tal-MCAST fl-għoli tal-edukazzjoni u l-formazzjoni ta' kadetti billi taċċetta li tipprovdi personnel ikkwalifikat biex jgħallem lill-istudenti tal-MCAST?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li s-Sea Malta minn dejjem kienet strumentali fl-għajnuna lill-proċess ta' edukazzjoni għall-formazzjoni ta' kadetti fil-gradi ta' Uffiċjal. Fil-fatt Master Mariners u Chief Engineers kwalifikati, li kienu ingħataw għajnuna finanzjarja mis-Sea Malta, qed jagħtu l-kontribut tagħhom lill-MCAST fuq bażi part-time.
Kull darba li s-Sea Malta ġiet mitluba tagħti l-għajnuna, dan dejjem għamlitu u hekk fi ħsiebha tibqa tagħmel.
Jista' l-Ministru jgħid matul l-1999, is-sena 2000 u 2001 saru xi sforzi biex l-ITF tiffinanzja instituzzjonijiet edukattivi lokali fil-qasam marittimu? Xi frott taw dawn l-isforzi? F'hiex kien jikkonsistu dawn l-isforzi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li fis-sena 1998 il-Ministru tat-Trasport u Portijiet ta' dak iż-żmien, kien beda t-taħdiet ma' l-ITF sabiex din ta' l-aħħar tiffinanzja istituzzjonijiet edukattivi lokali fil-qasam marittimu. Iżda, għalkemm l-ITF kienet offriet għajnuna finanzjarja sostanzjali, taħt ċerti kundizzjonijiet, in-negozjati ma setgħux iwasslu għal ftehim aħħari peress li l-Maritime Institute kien għadu ma ġiex imwaqqaf.
Wara li f'Ġunju tas-sena 2001 ġie mwaqqaf il-Maritime Institute, l-Awtorita' Marittima flimkien mal-istess Maritime Institute u r-rappreżentant lokali ta' l-ITF, kompliet bl-isforzi tagħha sabiex l-ITF toffri għajnuna finanzjarja kif ukoll teknika lill-Maritime Institue. Dawn it-taħdidiet s'issa għadhom ma ġewx finaliżżati.
Dawn l-isforzi kienu jikkonsistu f'diversi laqgħat u korrispondenza bejn l-Awtorita' Marittima, l-MCAST u r-rappreżentanti ta' l-ITF.