Jista' l-Ministru jgħid x'linji gwida qed issegwi il-Fondazzjoni Skejjel ta' Għada sabiex fir-refurbishment ta' l-iskejjel jiġi rranġat il-ħafna floodlighting magħmul bla ebda ħsieb ta' xejn, f'numru kbir ta' skejjel li qed joħloq inkonvenjent kbir bil-lejl lir-residenti ta' madwar dawn l-iskejjel?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada hija ggwidata mill-Kurrikulu Minimu Nazzjonali. Informat li l-Fondazzjoni f'dan l-istadju tagħmel użu minn standards ta' arkitettura internazzjonali, kif ukoll gwida miż-żewġ dokumenti kompilati mill-Periti Joseph Falzon u Joseph Spiteri, liema dokumenti huma intitolati "Proposed Guidelines for the Building of Primary Schools" u "Proposed Guidelines for the Building of Secondary Schools".
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-management tal-Freeport jikkunsidrax jibdel id-dawl high mast fil-Freeport għal dawl full-off, sabiex tonqos drastikament il-ħela ta' dawl u enerġija u jixxejjen l-impatt viżiv bil-lejl tal-Freeport fuq lokalita' ta' Birżebbuġa u l-inħawi ta' madwar, fosthom Għar Hasan li hu l-post ewlieni fejn tbejjet waħda mill-ikbar kolonji ta' Ċief? Jekk le, għalfejn?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li s-sistema tad-dawl fil-Port Ħieles kif inhi llum tiżgura li x-xogħol isir fil-kuntest tas-saħħa u s-sigurta' fuq it-Terminal. Madanakollu, il-Port Ħieles ma jeskludix li jiġu kkunsidrati sistemi aktar moderni u li jissodisfaw is-saħħa u s-sigurta' fuq it-Terminal.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Korporazzjoni Enemalta tikkunsidrax li wara s-1.00 am jintefa d-dawl ta' fuq il-koppli tal-knejjes fil-villaġġi (jew parti minnu) sabiex tonqos il-ħela ta' enerġija elettrika?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li fil-fatt diġa hemm arranġamenti biex dwal bħal dak imsemmi fil-mistoqsija jintfew f'nofs il-lejl.
Jista' l-Ministru jgħid jekk in vista tal-kwistjoni li nqalgħet diversi xhur ilu dwar skybeams installati fi stabbiliment f'Paceville kif ukoll f'postijiet oħra, hux ser jiġu introdotti regolamenti dwar dawn l-iskybeams kif ukoll dwar exterior lighting mill-Awtorita ta' l-Ippjanar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Awtorita` għandha l-ħsieb li tintroduċi linji gwida fuq dwal bħal laser beams li jintużaw bħala forma ta` riklamar.
Jista' l-Ministru jgħid fejn waslu n-negozjati bejn Malta u l-Italja dwar il-ħames protokoll bejn ż-żewġ pajjiżi? Jirriżulta li l-Italja trid li dan ikun jorbot sas-sena 2004 biss?
Response (BORG, JOE)
In-negozjati bejn Malta u l-Italja dwar il-Ħames Protokoll Finanzjarju li kienu bdew taħt l-amministrazzjoni Taljana preċedenti qed jitkomplew ma' l-amministrazzjoni preżenti. L-oqsma li ser jiġu nklużi taħt dan il-Protokoll, kif ukoll l-ammont u t-tul tiegħu għadhom qed jiġu diskussi.
Jista' l-Ministru jgħid min ġie maħtur fil-fondazzjoni bejn stat u knisja għall-ħarsien tal-wirt storiku tal-kon-kattidral ta' San Ġwann?
X'ħidma wettaq s'issa?
Kemm-il darba ltaqat din il-fondazzjoni mindu twaqqfet?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-Membri tal-Fondazzjoni tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann huma:
Membri maħ
tura mill-Gvern
Is-Sur Vincent Galea President
Dottor Anthony Borg Barthet Membru
Is-Sur Richard Cachia Caruana Membru
Membri maħ
tura mill-Arċ
isqof ta’ Malta
Monsinjur Carmelo Xuereb Membru
Monsinjur Philip Calleja Membru
Monsinjur Lawrenz Cachia Membru
Skond l-Istatut il-Fondazzjoni tagħ
mel rapport ta’ l-attivitajiet tagħ
ha lill-Prim Ministru u lill-Arċ
isqof ta’ Malta kull sena. Is-sena għ
ada ma għ
additx.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-pjan ta' ħidma għas-sena 2002 tal-Fondazzjoni Kon-Kattidral ta' San Ġwann li twaqqfet bejn il-Knisja u l-Istat għall-Ħarsien tal-Wirt Storiku tal-Kon Kattidral ta' San Ġwann?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 31594.
Jirriżulta li f'waħda mill-klassijiet tal-kindergarten fil-Primarja tal-Mellieħa fil-jiem li għaddew, daħlu jbiddlu t-tubi tliet ħaddiema waqt li kien hemm it-tfal u waqa' u nkiser tubu b'periklu għal kull min kien hemm fil-klassi? Jista ma jsirx xogħol bħal dan waqt li jkun hemm l-għalliema u t-tfal fil-klassi?
Response (GALEA, LOUIS)
Ma jirriżultax dak li qed jgħid l-Onor. Membru li "nkiser tubu b'periklu għal kull min kien hemm fil-klassi."
Informat li fil-ġurnata msemmija filgħodu ntbagħtu żewġ electricians biex jiċċekkjaw li kollox hu għal-lest għall-elezzjoni tal-Kunsill.
Dawn flimkien mal-handyman ta' l-iskola kienu qegħdin ibiddlu tubu f'waħda mill-klassijiet tal-Kinder. Ġejt assigurat li l-għalliema kienet diġa` ħadet ħsieb tiġbor lit-tfal f'rokna tal-klassi 'l bogħod minn fejn kien se jsir ix-xogħol. Waqt ix-xogħol, it-tubu l-qadim waqa' u nkiser 'l bogħod mit-tfal. F'ebda ħin it-tfal ma kienu f'periklu.
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi biex it-tħejjijiet għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali ma jitħallewx jiddisturbaw l-iskejjel fejn se ssir il-votazzjoni peress li kelli rapporti li f'xi skejjel qabdu u poġġew il-kaxxi tal-voti fuq ix-xogħlijiet tal-għalliema u studenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kaxxi tal-voti jitpoġġew fil-postijiet tal-votazzjoni, inklużi l-iskejjel statali, lejlet il-jum tal-votazzjoni. Din is-sena l-Kummissjoni Elettorali se tpoġġi l-imsemmija kaxxi tal-voti ġewwa strong room f'kull skola, nhar il-Ġimgħa, it-8 ta' Marzu 2002.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija 31442 meta saret it-triq privata taħt il-pont reġjonali f'San Ġiljan?
Meta beda x-xogħol aktar 'il barra fi Triq Mensija f'San Ġiljan?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol fit-triq imsemmija beda f'Lulju 2001 waqt li f'Diċembru 2001 ħarġet l-ordni biex jinbeda x-xogħol tal-parti ta' barra ta' Triq Mensija, San Ġiljan.
Jista' l-Ministru jgħid liema studenti ta' liema istituti tal-MCAST ġew mitluba jħallsu għall-B. Tech.?
Liema studenti ta' liema istituti tal-MCAST qed isegwu l-kors imfassal fuq B. Tech?
X'inhuma r-raġunijiet li għalihom kien hemm fejn intalab ħlas u fejn ma ntalabx ħlas mill-istudenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istudenti li ġew mitluba biex iħallsu għall-BTEC ġew mill-Istitut tan-Negozju u Kummerċ, mill-Istitut tat-Teknoloġija ta' l-Informatika u l-Komunikazzjoni u mill-Istitut ta' l-Inġinerija Elettronika.
Il-korsijiet li jaqgħu taħt il-BTEC huma:
* First Diploma in Computing (Institute of Information and
Communication Technology)
* Diploma in Computing (Institute of Information and Communication
Technology)
* BTEC National Certificate in Business (Institute of Business and
Commerce)
* BTEC National Diploma in Telecommunications (Institute of
Electronics Engineering)
Informat ukoll li l-istudenti mill-Istitut tan-Negozju u Kummerċ, mill-Istitut tat-Teknoloġija ta' l-Informatika u l-Kommunikazzjoni u mill-Istitut ta' l-Inġinerija Elettronika qegħdin isegwu l-kors imfassal fuq BTEC.
Il-korsijiet li jaqgħu taħt il-BTEC huma:
* First Diploma in Computing (Institute of Information and
Communication Technology)
* Diploma in Computing (Institute of Information and Communication
Technology)
* BTEC National Certificate in Business (Institute of Business and
Commerce)
* BTEC National Diploma in Telecommunications (Institute of
Electronics Engineering)
Hija proċedura normali li l-istudenti jiġu mitluba jħallsu biex jirreġistraw għall-eżamijiet. Kien hemm sitt studenti li ma ħallsux għar-reġistrazzjoni tal-BTEC. Dawn is-sitt studenti ma ħallsux għax ma baqgħux interessati fis-suġġett u minħabba li sabu xogħol ieħor. Għalhekk dawn is-sitt studenti ma kellhomx għalfejn iħallsu għall-BTEC.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni kollha li jiffurmaw il-focus groups? Kemm minnhom jaħdmu Malta? Kemm minnhom jaħdmu Għawdex?
Response (GALEA, LOUIS)
Lista bil-membri li jiffurmaw il-focus groups qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Informat li dawn il-membri kollha barra wieħed joqogħdu Malta. Membru wieħed biss joqgħod Għawdex.
Dawk il-Membri Maltin li huma parti mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni jwettqu dmirijiet fl-iskejjel t'Għawdex ukoll. Il-membru minn Għawdex huwa Uffiċjal Edukattiv u jaqdi dmirijiet fl-iskejjel f'Malta wkoll.
Jista' l-Ministru jgħid fid-dawl ta' dak li kiteb l-Avukat Toni Abela fil-kolonna tiegħu fl-Orizzjont 12.2.2002 fejn xandar ittra tal-Ministru lir-Reġistratur tal-Qorti dwar tariffi? X'se jsir dwar dawk li ħallsu bil-għoli? Se jingħataw il-flus żejda li ħallsu?
Response (GATT, AUSTIN)
Id-deċizjonijiet dwar tariffi tal-Qorti tal-Ġustizzja huma, bil-liġi, kompetenza tar-Reġistratur tal-Qorti u mhux tal-Ministru. Kien għalhekk li jien ktibt l-ittra tiegħi b'mod li esprimejt parir.
Dwar ħlasijiet żejda li setgħu saru u li jiġu ppruvati li saru jrid jiddeċidi r-Reġistratur tal-Qorti.
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi biex ir-residenti ta' Baħar Iċ-Ċagħaq jitħallew jużaw il-kliem Bagħar ic-Ċagħaq fil-posta tagħhom biex jiġu evitati l-iżbalji li qed jinqalgħu minħabba li fin-Naxxar kemm toroq bl-istess ismijiet u għalhekk qed tinħoloq konfużjoni sħiħa fit-territorju tan-Naxxar bħala kunsill lokali?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li ma teżisti ebda problema biex ir-residenti ta' Baħar iċ-Ċagħaq jużaw l-isem tal-post fejn joqgħodu fl-indirizz tagħhom, basta fl-istess waqt jinkludu l-Kodiċi Postali tan-Naxxar. Dan diġa' qed isir f'lokalitajiet oħra bħal San Pawl tat-Tarġa fin-Naxxar stess, in-Nigret u Bubaqra fiż-Żurrieq u x-Xemxija f'San Pawl il-Baħar.
It-12/13 konsulent imsemmija fit-tweġiba għall-mistoqsija 31417, fejn u kif huma mniżżlin f'Appendix F fl-Estimi 2002 f'paġna 402?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Il-Konsulenti msemmija fit-tweġiba għallmistoqsija parlamentari numru 31417 huma mniżżlin f'Appendiċi F flEstimi 2002, parti taħt 'consultants' f'paġna 402 u loħrajn taħt 'on loan/contract' flaħħar ta' paġna 404.
Jista' l-Ministru jgħid kif jispjega li waqt li skond it-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari nru. 31417 intqal li f'Jannar/Diċembru 2001 kien hemm 12/13 konsulent u advisor fil-Qasam tas-Saħħa/Sptar Ġenerali ta' Għawdex, skond l-estimi 2002 paġna 402, kien hemm 3 consultants fil-Ministeru fit-30.09.2001?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għarrisposta mogħtija għallmistoqsija parlamentari numru 31559.
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi biex iż-żagħżagħ li d-dettalji qed jintbagħtu separatament jingħata dak li għandu bżonn f'taħriġ u f'iżjed opportunitajiet edukattivi biex jidħol għall-ħajja adulta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-persuna ndikata, li għadha taħt it-18-il sena, mhiex tattendi l-iskola speċjali fejn kienet tmur għalkemm kellha l-opportunita' li tkompli tattendi sa l-eta' ta' 19-il sena.
Madankollu l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ ser tieħu passi biex tibgħat għal din il-persuna biex jiġu evalwati l-kapaċitajiet u l-ħtiġijiet tagħha u jekk ikun hemm bżonn tiġi riferuta għal taħriġ.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienu r-raġunijiet biex jinbidel l-operatur tar-restaurant tat-Teatru Manoel? X'arranġamenti ntlaħqu biex jintemlu l-kuntratt? Ingħata xi ħlas u ta' x'hiex? Min huwa l-operatur il-ġdid? B'liema kundizzjonijiet ingħata r-restaurnant? Kif saret l-għażla għalih?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-operat tar-restaurant mill-operatur preċedenti ma kienx laħaq il-livelli mistennija mill-management tat-Teatru. Sar qbil ma' l-istess operatur sabiex jiġi xolt il-kuntratt.
Peress li l-operatur preċedenti kien ukoll l-iżviluppatur tar-restaurant, fis-sens li, skava fil-ġebel u bena l-istess restaurant kif ukoll armah b'apparat ġdid sabiex opera, il-kumitat qabel fin-negozjati tax-xoljiment li huma jikkompensaw għax-xogħlijiet u jixtru l-apparat eżistenti u dan għamluh għas-somma ta' Lm20,000 wara li ġabu stima mingħand importatur awtoritevoli fil-qasam in kwistjoni.
Oltre minn dan, it-teatru kkumpensa lill-operatur li kien hemm qabel għall-avjament krejat kemm ilu jopera ammontanti għas-somma ta' Lm20,000. Il-ftehim kien jistipola li l-operatur il-ġdid iħallas huwa għall-avjament, kif fil-fatt ġara. L-operatur il-ġdid ħallas is-somma ta' Lm10,000 għall-avjament, u żdiedlu l-persentaġġ mill-bejgħ (percentage on gross turn-over) li kellu jħallas lit-teatru sabiex jiġi kopert ir-rimanenti.
Il-kumitat fittex operaturi u diversi persuni ntalbu jiġu jaraw il-post u jagħtu offerti. Urew interess is-segwenti u eventwalment sitta minnhom ippreżentaw offerta:
1. Edward Grima Baldacchino
2. Elia Borġ Bonaċi Caterers
3. Fabien Vella
4. Island Caterers
5. Marketing & Promotions Ltd
6. Osteria dell'Orso
7. Primo Leisure Co. Ltd
8. Rubino Caterers
9. Trattoria Parolaccia
Informat li l-Kumitat għażel il-kumpanija Primo Leisure Co Ltd. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li ġie ffirmat bejn il-Kumitat u l-istess Primo Leisure Co. Ltd.