Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm sejħa għal post fir-Research Methods fis-sociology qabel dik tal-2001 u x'kienu r-rekwiżiti biex tapplika?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-sejħa għall-post fis-Social Sciences Research Methodology li ħarġet fl-2001 kienet l-ewwel sejħa u għandha orjentament sostanjzalment differenti mis-sejħa għall-post li kien ħareġ fl-1991.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-University Junior College hemmx nies bi kwalifiki għoljin fis-Sociology u jekk l-Universita hix kuntenta bil-livell tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-Junior College hemm nies bi kwalifiki għoljin fis-Soċjoloġija, u l-Junior College hu kuntent bil-livell ta' tagħlim tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid liema part-timers ġew impjegati mid-Dipartiment tas-Sociology u għal liema korsijiet? Kemm ilhom (lista separata) jaħdmu fid-dipartiment? Kemm jagħmlu units mill-core compulsory units tad-dipartiment? L-Universita' hi kuntenta bil-livell u x-xogħol ta' dawn il-part timers?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-Universita` jeżistu żewġ tipi ta' part-time lecturers. Hemm dwk imsejħa permanent part-timers. Dawn jiġu appuntati mill-Kunsill ta' l-Universita` wara li jkun hemm sejħa għall-applikazzjonijiet. Dawn jitħallsu skond l-ittra tal-ħatra. Bħalissa d-Dipartiment tas-Soċjoloġija ma għandu ebda permanent part-timer.
Hemm ukoll il-kategorija ta' Visiting part-time lecturers li huma mpjegati 'on occasional basis as the need arises'. Dawn jitħallsu jew skond is-siegħat li jgħallmu jew skond l-istudy units li jagħtu. Id-Dipartiment tas-Soċjoloġija għandu sitta minn dawn il-Visiting part-timers.
Informat ukoll li l-programm ta' l-istudji fid-Dipartiment tas-Soċjoloġija jinkludi kemm 'compulsory' kif ukoll 'optional units'.
Erba' minn dawn il-visiting part-timers jgħallmu compulsory unit' ta' żewġ credits kull wieħed. Visiting part-timer ieħor jgħallem 'optional unit' wieħed ta' żewġ credits, u l-visiting part-timer l-oħra taqsam ma' Full-Timer żewġ 'optional units' ta' żewġ credits il-wieħed.
Tnejn minn dawn il-Visiting part-timers għandhom dottorat filwaqt li l-erba' l-oħra għandhom Masters fis-suġġett. L-Universita` hija kuntenta bil-kwalifiki, bil-livell ta' tagħlim u x-xogħol ta' dawn il-Visiting part-timers.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm sociologists jaħdmu fil-Workers Participation Centre (inkluż part-time) u liema korsijiet fis-soċioloġija joffru lil Universita' (inkluż dipartiment oħra)? L-Universita' kuntenta bix-xogħol ta' dawn is-sociologists?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' soċjoloġi li jaħdmu fil-Workers' Participation Development Centre (WPDC) ta' l-Universita` ta' Malta, inklużi dawk part-time, huwa erbgħa. Dawn huma:
* persuna full-time li sservi wkoll fid-Dipartiment tas-Soċjoloġija,
* Kordinatur tal-Korsijiet (fuq bażi TR 2),
* Kordinatriċi ta' Korsijiet (fuq bażi TR 1), u
* Direttur (li kien membru full-time fid-Dipartiment tal-Public Policy).
Il-korsijiet li joffru fl-Universita`, inklużi f' dipartimenti oħra, huma:
Adult Education
Current Issues in Occupational Health & Safety
Gender, Work and the Economy
Industrial Relations
Introduction to Occupational Health & Safety
Introduction to Social Studies
Organisational Participation
People, Work and Occupational Health & Safety
Perspectives on Work and Education
Practice of Worker Participation
Research Methodology
Sociology of Education
Sociology of Gender I & II
Sociology of Small Island Societies
Sociology of Habitat
Sociology of Work
Sociology of Work and Organisation
Tourism, Law and Industrial Relations
Work and Leisure
Informat li l-Universita` ta' Malta tassigura li x-xogħol ta' dawn is-soċjoloġi huwa tal-livell meħtieġ u mistenni f'istituzzjoni terzjarja, bl-istess mod kif isir f'dixxiplini oħra u kif ukoll rikonoxxut mill-varji pubblikazzjonijiet ta' dawn l-istess akkademiċi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm qbil fi ħdan id-dipartiment tas-sociology li s-sejħa għal post fis-sociology tal-2001 tkun miftuħa saħansitra għal antropology? Jidhirlux li l-Kunsill ta' l-Univerista' għandux jinvestiga għaliex għal dan il-post intagħżel wieħed li għandu inqas kwalifiki u esperjenzi ta' lecturing minn applikanti oħrajn?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li wara kunsiderazzjoni li t-tqassim bejn ix-Xjenzi Soċjali hija ħaġa tal-passat u l-fatt li llum l-Antropoloġija Soċjali hija universalment aċċettata bħala waħda minn dawn ix-xjenzi, ġie deċiż li dan is-suġġett għandu jkun wieħed mill-materji mgħallma fid-Dipartiment tas-Soċjoloġija.
Ta' min ifakkar li l-Kunsill li huwa rappreżentat fuq kull bord ta' għażla, u li kull ħatra fl-Universita` hi magħmula mill-Kunsill fuq rakkomandazzjoni tal-bord ta' l-għażla.
Informat ukoll li l-applikant magħżul għandu M.Phil (A+ b'distinzjoni) u Ph.D., it-tnejn mill-Universita` ta' Cambridge fejn hu kien ukoll jagħti tutorials. F'għażla ta' l-aħjar kandidat jiġu konsidrati, imbarra l-kwalifiki u esperjenza ta' tagħlim, fatturi oħra bħal abilita` fil-komunikazzjoni, personalita`, u addattament għal tagħlim fil-livell universitarju.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 31567 għax raġuni li dawn huwa fondi pubbliċi li joħorġuhom iċ-ċittadini li jħallsu t-taxxi u wkoll hija funzjoni essenzjali tal-parlament li jiskrutinja n-nefqa pubblika?
Jista' l-Ministru jgħid meta l-istatementing moderating panel jipproċċessa applikazzjoni għall-għajnuna għal xi tifel jew tifla, kemm issir analiżi tat-tifel/tifla b'mod serju?
Sodisfatti bil-proċess attwali?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-'Istatementing Moderating Panel' jifli bir-reqqa r-'referral' tat-tifel/tifla, jiltaqa' mat-tfal u l-ġenituri tagħhom iżda jiddependi ill-assessment li jsir mill-professjonissti konċernati.
Meta ma jkunx sodisfatt bir-rapporti li jkunu ngħatawlu, jgħid lill-ġenituri biex iġibu rapport mit-tabib kuranti tagħhom f'każ ta' problema medika. F'każ ieħor, jinġiebu iżjed rapporti mis-CDAU jew iċ-'Child Guidance Clinic'.
Filwaqt li l-proċess qed jagħti riżultati, jonqos żviluppi u irfinar fis-sistema.
Jista' l-Ministru jwieġeb PQ 31546 u cioe, jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2001 kemm intefqu flus fi ħlassijiet lill-facilitators u kindergarten assistants għal xogħol ma' studenti bi bżonnijiet speċjali 1) fl-iskejjel statali - primarji u sekondarji 2) fl-iskejjel tal-knisja - primarji u sekondarji. F'kull każ x'inhu n-numru ta' persuni li qed jagħmlu dan ix-xogħol?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hemm bżonn żmien biex jinġabar it-tagħrif mitlub
Jista' l-Ministru jgħid x'wassal lid-Dipartiment tal-Kuntratti biex ma jlaqqax public hearing skond kif jipprovdu r-regolamenti ta' l-avviż leġali 70/96 fil-każ ta' bejgħ ta' art mill-gvern fil-Marfa fejn il-gvern permezz tal-kumitat ġenerali tal-kuntratti ddeċieda li għandu jitħallas Lm 850,000 għal din l-art kontra l-figura ta' Lm 235,0000 offruta mill-uniku tender?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tal-Kuntratti talab kjarifika dwar din il-materja liema kjarifika jiena ninsab infurmat li qed tiġi kkunsidrata.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jieħu d-Dipartiment tal-Artijiet fil-konfront tal-propjetarji tal-lukanda Solemar fil-Marfa wara li dawn bnew fuq art tal-gvern u b'riżultat ta' sejħa għall-offerti għall-istess art maħruġa mid-Dipartiment ta' l-Artijiet, il-propjetarji ma offrewx somma li kienet mistennija mill-istess Dipartiment? Hemm xi ħsieb klif din il-materja tista' tiġi regolarrizzata?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tender għall-bejgħ tal-art fejn kien hemm il-Lukanda Solemar fil-Marfa għadu qiegħed jiġi aġġudikat mill-Kumitat tal-Kuntratti u għalhekk f`dan l-istadju id-Dipartiment tal-Artijiet mhux f`posizzjoni li jgħid x`azzjoni se jieħu qabel tittieħed deċiżjoni finali minn dan il-Kumitat.
Jista' l-Ministru tat-Turiżmu jgħid x'passi qegħdin jittieħdu mill-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu fil-Konfront tal-propjetarji tal-lukanda Solemar fil-Marfa fejn dawn inħarġitilhom liċenzja biex joperaw il-lukanda billi ddikjaraw ma' l-istess awtorita' li l-art li fuqha tinsab il-lukanda msemmija hija tagħhom kollha, waqr li fil-fatt irriżulta li parti mill-art hija tal-gvern u għaldaqstant inbniet fuq propjeta pubblika minnha qiegħed isir negozju?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninsab infurmat li titolu ta’ propjeta’ mhuwiex rekwiżit biex tinħareġ liċenza għall-operazzjoni ta’ lukanda.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-programme ta' l-Anthropolgy fi ħdan il-Mediterranean Institute jinqgħaqadx mad-Dipartiment tas-Soċjoloġija?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma hemm ebda ħsieb li l-programm ta' l-Anthropology fi ħdan il-Mediterranean Institute jingħaqad mad-Dipartiment tas-Soċjoloġija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandha ħażna ta' arbli u lampi tat-toroq (u ta' liema tip huma) il-korporazzjoni Enemalta?
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru u t-tip ta' lampi tat-toroq installati f'Malta u Għawdex?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li bħalissa l-Korporazzjoni Enemalta għandha dawn il-ħażniet ta' arbli u lampi
ARBLI
TIP KWANTITA'
Arbli 6 bi 28 għad-dawl tat-toroq 202
Arbli 6 bi 32 "low tension" 109
Arbli 8 b' 40 "high tension" 8
LAMPI
TIP KWANTITA'
125W HPMV 12,064
150W SON 1,010
70W SON 11,742
90W SOX 2,207
220W HPMV 860
350W SON 386
250W SON 1,130
Bħalissa fit-toroq ta' Malta u Għawdex hemm installati tlitt tipi ta' lampi. Dawn huma tat-tip High Pressure Mercury Vapour, tat-tip Low Pressure Sodium u tat-tip High Pressure Sodium. B'kollox f' Malta hemm installati 31, 981 lampa u f'Għawdex hemm 5,421 lampa.
Jista' l-Ministru jgħid fi żmien meta l-pajjiżi mad-dinja kollha qed jissieltu min minnhom kapaċi jnaqqas l-iżjed it-tniġġis u l-emissjonijiet ta' carbon dioxide u gassijiet oħra fl-atmosfera, għaliex saret nefqa ta' miljun lira f'lampi tat-toroq li jaħlu parti mid-dawl tagħhom 'il fuq, fejn ma jservi ta' ebda użu, u l-Ministru qed jirreferi għal dan bħala investiment?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li l-Korporazzjoni Enemalta tinstalla "semi cut off lighting" li jnaqqas b'mod sostanzjali l-ammont ta' dawl 'l fuq. Għaldaqstant huwa kkunsidrat li dawn it-tip ta' lampi qed jaqdu l-parti tagħhom kif inhu meħtieġ.
Jista' l-Ministru jgħid meta l-korporazzjoni Enemalta hi beħsieba tinstalla lampi tat-tip full cut-off, bil-għan li jitnaqqas l-impatt ambjentali f'postijiet rurali, il-glare f'għajnejn is-sewwieqa u l-light pollution fiz-zoni urbani?
Jista' l-Ministru jgħid għaliex sa issa lampi full cut-off għadhom qatt ma ntużaw mill-istess korporazzjoni?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija ta' qabel.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għalfejn matul it-triq il-ġdida maġemb Wied Ħarq Ħamiem f'Pembroke twaħħlu arbli għal-lampi tat-toroq li flok iħarsu għal fuq it-triq, iħarsu għal ġol-wied, meta wieħed irid jiftakar li Wied Ħarq Ħamiem huwa wied skedat minħabba l-importanza ekoloġika tiegħu, u dan id-dawl ser ikompli jagħmel biss ħsara f'wied li diġa sofra mill-bini u żviluppi turistiċi?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-intenzjoni hi li l-lampi kollha jħarsu lejn it-triq u mhux lejn il-wied. Fil-fatt il-kuntrattur l kien waħħal l-arbli għamel żball li qed jiġi kkoreġut.
Jista' l-Ministru jgħid jekk daħlux xi proċeduri ġodda li jridu jsegwu dawk li japplikaw għall-liċenzja biex iżomm għandhom studenti barranin li jiġu jistudjaw l-Ingliż fostna? F'hiex jikkonsistu dawn il-proċeduri?
Response (REFALO, MICHAEL)
Peress li bħalissa għadhom qed isiru konsultazzjonijiet ma’ kull min għandu liċenza ta’ “host family” dwar abbozz imħejji mill-Awtorita’ tat-Turiżmu wara konsultazzjoni ma’ setturi oħra nvoluti, ir-risposta hi fin-negattiv.
Jista' l-Ministru jgħid hemm xi nies mill-qasam mediku/psikoloġiku/soċjali li qed jagħmlu xi xogħol ta' rapporti/analiżi ta' applikazzjonijiet għall-istatementing moderating panel? Fil-każ li iva, min huma u kemm jitħallsu u x'xogħol jagħmlu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-applikanti jintalbu jġibu rapport mis-CDAU. Meta jkun hemm bżonn jiġu referuti lill-Psikoloġista tad-Diviżjoni. Meta l-applikanti jgħidu li hemm xi mard, jintalbu jġibu ċertifikat mit-tabib kuranti tagħhom. Informat li ma hemm ħadd iżjed involut.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemm xi problemi fl-iskemi ta' apprendistat u fil-korsijiet tal-Istitut għal-Istudji Turistiċi peress li rċevejt ilmenti li hemm studenti li qed jgħidulhom li m'hemmx minn jgħallimhom u għalhekk naqqsulhom il-ħin fl-iskola u hemm fejn għall-kors tal-food & beverage qed jagħmlulhom tagħlim fl-animazzjoni kulturali li m'għandu x'jaqsam xejn mal-kontenut tal-kors?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ġejt żgurat li ma teżisti ebda problema fl-iskemi msemmija fil-Mistoqsija. Jeżistu żewġ vakanzi, waħda fil-kċina u l-oħra fit-teknoloġija ta’ l-informatika. Hemm ukoll lecturer fil-kċina li rraporta li ma jiflaħx fit-tul. Ninsab infurmat li l-Istitut nieda l-proċess biex jimla dawn il-vakanzi. Ninsab infurmat ukoll li l-lezzjonijiet mhux qed ikunu kkanċellati iżda rescheduled. Fejn ikun possibbli l-lezzjonijiet isiru minn lecturers oħrajn fuq bażi ta’ overtime minħabba li jkunu qabżu l-contact hours tagħhom.
Rigward studenti li qed jattendu għad-Diploma fil-Food and Beverage Service kors, fir-raba’ sena tagħhom dawn iridu jagħżlu tnejn minn tliet suġġetti optional, li wieħed minnhom huwa propju l-animazzjoni kulturali. Fil-fatt hemm ħames studenti li għażlu dan il-module.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fl-iżvilupp li ser isir madwar is-siti preistoriċi fosthom dawk ta' l-Imnajdra u Ħaġar Qim hux ser jiġi nstallat xi floodlighting permanenti meta nafu li dan is-sit hu wieħed sensittiv ferm għal kull xorta ta' żvilupp u ż-żieda tat-tniġġis mid-dawl f'postijiet bħal dawn jagħmel biss ħsara u ma jagħti image tajba xejn mal-viżitaturi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-pariri xjentifiċi u tekniċi huma li l-ħarsien u konservazzjoni li qed jiġu konsidrati b'ebda mod ma jagħmlu ħsara jew ikollhom impatt negattiv fuq dawn is-siti.