Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet il-pulizija dwar rapport li daħal fl-għassa ta' tas-Sliema li sewwieq tat-tfal tal-iskola ħareġ sikkini u hedded lit-tfal li kien qed jieħu lejn l-iskola?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija investigat dan ir-rapport u ser jittieħdu proċeduri quddiem il-Qorti kontra x-xufier involut.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom il-persuna li d-dettalji qed jintbagħtu separatament qed inaqqsulu Lm2.53c minn kull pagament tal-pensjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali informa lill-persuna imsemmija dwar il-każ tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu dwar rapporti li s-sewwieq li ismu qed jintbagħtu separatament ħareġ sikkina għat-tfal li kien qed iġorr lejn l-iskola primarja ta' l-Imsida nhar il-5 ta' Frar 2002 u qalilhom ''li se jħarxilhom għonqhom''?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Dipartiment ordna li x-xufier konċernat jitneħħa immedjatament minn fuq kull rotta tat-tfal ta' l-iskola u assigura rapport lill-Pulizija.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet
1) l-Awtorita' ta' l-Ippjanar
2) il-Pulizija
dwar il-kwistjonijiet li qajmu r-residenti ta' Vega, 29, Hughes Hallett Street, Sliema mill-perikli li nħolqu għalihom bix-xogħol li qed isir bit-trakkijiet fuq is-sit tal-Union Club?
Response (BORG, TONIO)
Għalkemm ma hemm l-ebda kundizzjoni fil-permess rigward l-aċċess in kwistjoni, l-Awtorita` ta` l-Ippjanar permezz ta` ittra datata 26 ta` Frar 2002, talbet lill-Bord tad-Diriġenti tal-Union Club u l-perit tal-proġett biex jieħdu dawk il-miżuri biex jaċċertaw a sodisfazzjon ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar li ikun hemm aċċess mingħajr periklu għar-residenti ta` Vega Court. Fil-frattemp ġie ordnat li l-kanċell li jmiss ma` Vega Court jiġi magħluq.
Ninsab infurmat ukoll illi l-Pulizija tad-Distrett ta` Tas-Sliema kellha żewġ rapporti dwar ilmenti minħabba bini fis-sit imsemmi mill-Onorevoli Interpellant. Wieħed kien f`Novembru li għadda u kien jirrigwarda żewġ biċċiet injam li waqgħu minn fuq is-sit. Il-Pulizija ħadet passi quddiem il-Qorti u l-persuna responsabbli kien ġie mmultat Lm50 mill-Qorti. Ir-rapport l-ieħor kien fi Frar ta` din is-sena, meta biċċa injama li kien hemm fuq l-iscafolding waqgħet għal isfel u kkaġunat ħsara fuq żewġ telephone boots tal-Maltacom. F`dan il-każ il-Pulizija qegħdha tistenna stima tal-ħsara kkaġunata.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-periti li jinsabu fuq il-lista tal-Fondazzjoni għall-iskejjel ta' għada u li se jintużaw għax-xogħolijiet fl-iskejjel?
Kif intagħżlu dawn il-periti?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi għat-tweġiba għal PQ numru 32209 li ser inwieġeb fis-Seduta tal-lejla.
Jista' l-Ministru jgħid xi sforzi saru biex l-uffiċini tal-fondazzjoni għall-iskejjel ta' għada jkunu f'bini tal-gvern?
F'liema bini saru tfittxijiet biex jinstab post adattat?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Fondazzjoni ikkonsidrat l-ewwel l-użu ta' uffiċini fl-iskola Ġirolamo Cassar, Furjana. Kien hemm żewġ tipi ta' ostakoli: a) il-faċilitajiet ma kienux meqjusa bħala tassew adatti għax-xogħol tal-Fondazzjoni u kienu jirrikjedu spiża sostanzjali biex jiġu irranġati; b) l-Awtorita` ta' l-Ippjanar u l-Ambjent insistiet li l-ispazju jingħata lilha biex takkomoda l-funzjonijiet il-ġodda konnessi ma' l-ambjent.
Il-Fondazzjoni ppruvat issib postijiet oħra tal-Gvern bla ma sabet dak li jgħodd għaliha ħlief bi spejjeż kbar wisq. Bini ieħor tal-Gvern li seta' hu tajjeb ma setgħax jintelaq mid-Dipartiment li bħalissa jinsab f'idejjhom.
Għal aktar minn sena l-Fondazzjoni okkupat l-uffiċċju tad-Direttur ta' l-Ippjanar u Żvilupp u għal xi żmien użat ukoll wkoll uffiċċju fl-iskola f'Ta' Paris.
Jista' l-Ministru jikkonsidra li jistieden xi riċerkatur biex jistudja l-effetti tar-radjazzjoni mill-antennae tal-mobile phones, bħal Dr G Hyland, li qed ikun mistieden minn diversi pajjiżi biex jagħti l-pariri tiegħu fuq is-suġġett, biex f'Malta wkoll jiltaqa' ma' esperti lokali?
Jista' l-Ministru jgħid wasalx iż-żmien li l-awtoritajiet tas-saħħa bħalma qed jiġri f'xi pajjiżi bħall-Awstralja jieħdu d-deċiżjoni li l-antennea tal-mobile phones ma jiġux installati f'distanza inqas minn 300 metru mill-eqreb abitazzjoni?
Għaliex l-awtoritajiet tas-saħħa ma ħassewx il-bżonn li jippubblikaw fuljetti dwar il-periklu tat-telefon ċellulari u l-antennae msemmija bħalma sar fl-Ingilterra?
Kemm saru talbiet minn abitanti (a) Maltin u (b) Għawdxin biex l-Awtoritajiet tas-Saħħa jeżaminaw antennae qrib djarhom u li s'issa għadhom ma sarux it-testijiet mitluba?
Meta se jsiru t-testijiet mitluba?
Xi speċjalizzazzjoni medika għandna disponibbli f'pajjiżna dwar il-kura li għandha tingħata mill-effetti tar-radjazzjoni elettromanjetika minn apparat bħall-microwaves, mobile phone antennae eċċ?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Rigward l-ewwel parti tal-Mistoqsija, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 32044. Madankollu, ninsab infurmat li l-fattur l-aktar importanti huwa kif dawn l-antennae jiġu mħaddma. Il-livelli ta` radjazzjoni minn dawn l-antennae għandu jkun fil-livelli rakkomandati sa issa.
Dwar pubblikazzjoni ta` fuljetti, s'issa d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika ma ħassx il-ħtieġa ta` dan.
Id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika rċieva erba` (4) talbiet sabiex jiġu mkejla l-livell ta` radjazzjoni minn antennae qrib djarhom - tlieta (3) f'Malta u wieħed (1) f'Għawdex. S'issa, dawn għadhom ma ġewx infurmati b'riżultati minħabba li d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika għadu jistenna r-rapport mid-Dipartiment tal-Wireless Telegraphy.
Għar-rigward tar-raba` parti tal-Mistoqsija, m'hinix f'pożizzjoni li nagħti tweġiba, peress li dawn it-testijiet isiru minn Dipartiment ieħor.
L-apparat imsemmi fl-aħħar parti tal-Mistoqsija huwa intiż li jopera fil-limiti ta` radjazzjoni rakkommandati w dawn il-limiti huma ntiżi biex jipproteġu lill-pubbliku b'tali mod li ma jikkawżaw l-ebda ħsara medika.
Jista' l-Ministru jgħid min qiegħed imexxi u jieħu sehem jiġbor it-tagħrif għall-investigazzjoni referuta f'PQ 31548, u cioe jista' l-Ministru jgħid jekk jirriżultax li nsterqet il-master key ġol-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin? Jekk iva, x'passi ttieħdu dwar l-għibien ta' master key li biha tista' tiflaħ kull bieb li hemm fil-ħabs?
Kemm dehru quddiem il-bord ta' investigazzjoni?
Xi irriżulta s'issa?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li nerga` intenni illi ma nsterqet l-ebda Master Key, iżda li ma nstabitx ċavetta (servant key), ninsab infurmat illi l-investigazzjoni dwar l-għejbien tagħha hija kondotta mid-Direttur, Manager u s-Security Officer tal-Ħabs.
Fil-qrib ser jittieħdu passi dixxiplinari kontra żewġt uffiċjali.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienu r-rakkomandazzjonijiet tal-awdituri li hemm referenza għalihom f'PQ 31527, u cioe, jista' l-Ministru jgħid f'hiex wasal ix-xogħol li ordna l-Bord tad-Diretturi tal-PBS lill-awdituri tal-kumpanija biex jiċċekkjaw ir-rekords tax-xhur ta' Novembru - Diċembru 2001 biex jiġi stabbilit jekk kienx hemm xi rregolaritajiet minn membri tad-dipartiment tas-sales?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xogħol li tqabbdu jagħmlu l-awdituri fid-Dipartiment tas-Sales tal-Public Broadcasting Services Ltd, issa tlesta.
L-Awdituri qed jirrakkomandaw li jiġu ntrodotti proċeduri ġodda biex isaħħu dawk preżenti fir-rigward ta' Airtime Sales biex jiġi assigurat aħjar il-mod kif tiġi rekordjata d-data tal-bejgħ konċernat u r-rikonċiljazzjoni mad-data li jkollu d-Dipartiment tal-Finanzi.
Fil-preżent qed jinżamm kuntatt ma' l-awdituri sabiex jiġu mplimentati l-proċeduri li qed jirrakkomandaw.
Peress li r-rakkomandazzjonijiet huma ta' natura kummerċjali / amministrattiva, il-PBS irrakkomandat li ma jkunx għaqli li ngħati aktar dettalji.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm żviluppi mindu wieġeb PQ 31525 dwar l-inkjesta fil-PBS u cioe, jista' l-Ministru jgħid meta huwa mistenni li jtemm ix-xogħol tiegħu l-Bord ta' l-Inkjesta mwaqqaf f'Diċembru li għadda biex jinvestiga diversi allegazzjonijiet dwar irregolaritajiet fid-Dipartiment tas-Sales tal-PBS? Meta huwa mistenni li jissottometti r-rapport tiegħu? Il-Ministru jikkunsidra jqiegħed kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-bord li kien twaqqaf biex jistħarreġ ix-xogħol fid-Dipartiment tas-Sales tal-Public Broadcasting Services Ltd, temm il-ħidma tiegħu u issottometta r-rapport tiegħu fl-14 ta' Frar, 2002. Mill-investigazzjoni li għamel ma jirriżultax li hemm irregolaritajiet għalkemm għamel rakkomandazzjonijiet għal aktar titjib fil-proċess ta' Airtime Sales.
Għal raġunijiet kummerċjali mogħti l-parir i ma jkunx opportun li jitpoġġa kopja tar-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom il-persuna ndikata mhux qed jingħata l-pensjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata minnu ser tiġi nfurmata bl-eżitu tal-każ tagħha personalment mill-uffiċċjal inkarigat tad-distrett tagħha.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 31568 għas-sempliċi raġuni li dawn huwa fondi pubbliċi li joħorġuhom iċ-ċittadini li jħallsu t-taxxi u wkoll għax hija funzjoni essenzjali tal-parlament li jiskrutinja n-nefqa pubblika?
Jista' l-Ministru jgħid għas-servizzi ekonomiċi jassigura li d-dawl tal-lampi fit-toroq li jwasslu għad-daħla ta' l-Universita' jinxtegħlu peress li jeżisti dlam kbir li jista' jwassal għal inċidenti serji?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Membru ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Jista' l-Ministru jgħid jistgħux jittieħdu passi biex fl-iskola primarja ta' Marsaxlokk l-istudenti ta' klassi 5B jerġa' jkollom għalliem għalihom kif kellhom qabel ġew mibgħuta ma' klassi 5A bil-periklu reali li jibqgħu jaqgħu lura?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' tfal li hemm fil-5A u fil-5B fl-Iskola ta' M'Xlokk, meta jitqabbel man-numru ta' tfal li hemm fi klassijiet fi skejjel oħra, ma jitlobx żewġ għalliema.
Informat ukoll li dawn il-klassijiet diġa' kienu magħquda darba oħra, minħabba ċirkostanzi partikulari, u ġejt assigurat li ma jkun hemm ebda detriment għat-tfal.
Jista' l-Ministru jgħid jirriżultax li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ordnat lill-iżviluppaturi ta' Forti Chambray biex iħallsu Lm100,000 f'garanzija bankarja?
Meta saru dawn il-ħlassijiet dovuti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Awtorita' ta' l-Ippjanar fl-14 ta` Diċembru 2001 talbet lill-applikanti għall-iżvilupp ta' Fort Chambray biex jagħmlu garanzija bankarja ta' Lm100,000 iżda din il-garanzija għada ma' ġietx ippreżentata.
Jista' l-Ministru jgħid xi tħallset il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament fil-perjodu bejn l-10 ta' Settembru 1998 sal-lum mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni u l-entitajiet kollha, dipartiment, awtoritajiet u fondazzjonijiet li jagħtu taħt l-istess Ministeru?
Response (GALEA, LOUIS)
La l-Ministeru u lanqas dipartimenti jew entitajiet taħtu m'għandhom relazzjoni kuntrattwali diretti u personali mal-persuna indikata imma mal-kumpannija li tagħha huwa Direttur.
Bejn l-10 ta' Settembru 1998 sal-lum din il-kumpannija tħallset kif ġej għas-servizzi li ġiet mitluba tagħti:
1998: xejn
1999: Lm11,400 fuq xogħol konness ma' Challenge 2000
2000: Lm6,000 fuq xogħol konness ma' Challenge 2000
Lm8,750 fuq xogħol konness mat-Task Force ta' Tomorrow's Schools
2001: Lm5,000 fuq xogħol konness mat-Task Force ta' Tomorrow's Schools
Lm8,750 mill-Fondazzjoni Għall-Iskejjel ta' Għada
2002: Lm2,500 mill-Fondazzjoni Għall-Iskejjel ta' Għada.
Fid-dawl tar-riċerka ta' Dr G Hyland fuq l-efett tal-antennae tal-mobile phones li saħansitra għamel rapport lill-Parlament Ewropew fejn jgħid li s-safety guidelines eżistenti m'humiex adekwati għax ma jipproteġux kontra l-effetti non-thermal u jirrakomanda li għandhom jiġu ssikkati drastikament (minn 41 v/m għal 0.19 v/m); u fid-dawl ta' rakkomandazzjoni li saret f'konferenza internazzjonali li saret f'Salzburg fis-7/06/2000 li l-livelli għandhom jinżlu għal 0.6 v/m, il-Ministru jikkunsidra li s-safety guidelines lokali e'eistenti jiġu ssikkati drastikament (mill-inqas b'70 darba) minħabba l-ħsara lis-saħħa tal-bniedem?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika qiegħed kontinwament jissorvelja xi jkun qiegħed jiġi diskuss fl-isfera xjentifika internazzjonali fuq dan is-suġġett. Madanakollu, d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika dejjem japplika dawk ir-rakkomandazzjonijiet li joħorġu uffiċjalment mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u mhux opinjonijiet personali ta` xjenzati individwali, sakemm dawn l-opinjonijiet ma jiġux riprodotti f'rakkommandazzjonijiet uffiċjali ta` l-istess Organizzazzjoni.