Jista' l-Ministru jgħid kemm, matul is-sena 2001, tħallset konsulenza mill-ministeru, dipartimenti, fondazzjonijiet u entitajiet oħra tal-gvern u civil inkluż skejjel għal dak li għandu x'jaqsam ma' IT u jekk l-apparat u sistemi humiex irrakkmandati mill-konsulenti u kif inxtara l-hardware u s-software?
Response (GALEA, LOUIS)
F'dan l-istadju nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 33219.
Jista' l-Ministru jgħid kemm, matul is-sena 1999, kienu l-kontijiet tat-telefon, dawl u ilma fil-ministeru, dipartimenti, fondazzjonijiet u entitajiet oħra tal-gvern u civil u skejjel u kemm kien il-kont tal-ministeru, dipartimenti, fondazzjonijiet u entitajiet oħra tal-gvern u skejjel għas-sena 2001?
Response (GALEA, LOUIS)
F'dan l-istadju nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 33219.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti li bdew il-kors tad-Diploma in Commerce fiċ-Ċentru ta' l-Universita' ta' Għawdex f'Ottubru 2001? B'liema kwalifiki daħlu dawk kollha li ġew aċċettati
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kors tad-Diploma in Commerce ma fetaħx din is-sena akkademika.
Jista' l-Ministru jivverifika jekk hux veru li tilqim li jieħdu trabi ta' erba' xhur, ilu ma jkun hawn minnhom fiċ-ċentri tas-saħħa mill-inqas mill-5 ta' Marzu 2002?
X'qed isir dwar trabi li għalqu l-erba' xhur u suppost li ngħataw dan it-tilqim?
Meta se jkun hemm it-tilqim imsemmi?
Response (DEGUARA, LOUIS)
It-tilqim li t-trabi jieħdu ta' erba' xhur huwa divers. Il-provvista ta' waħda minnhom, dik ta' HIB, spiċċa f' Marzu 2002 u ma kinitx disponibbli f'dati differenti fiċ-Centri tas-Saħħa. Ġewwa Għawdex, il-provvista s'issa għadha ma spiċċatx.
Il-konsenja ta' l-ordni ġdida għal 5,000 vaccin, maħruġa fil-25 ta' Ottubru 2001, ma waslitx minħabba raġuni teknika. Din il-problema issa ġiet solvuta u l-vaccin mistenni li jitqassam fi żmien ġimgħa. Sadattant, biex tittaffa din il-problema, fit-13 ta' Frar 2002 ġiet magħmula PFI għal 900 doża ta' vaccin tal-HIB. Ħarġet ukoll ordni biex jinxtraw 55 doża ta' vaccin mingħand l-unika aġenzija li kellha provvista ta' vaccin ta' dan it-tip f'Malta.
Infurmat ukoll li l-ġenituri ta' dawk it-trabi li jmisshom din il-vaccin qiegħdin jingħataw appuntament għal ħmistax-il ġurnata oħra.
Jista' l-Ministru jgħid minn kemm ilha topera l-fondazzjoni għas-servizzi edukattivi
1) x'apparat
2) għamara
3) materjal ieħor
xtrat?
F'kull każ x'kien il-valur finanzjarju tan-nefqa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi nefqet dan li ġej għal apparat, għamara u materjali:
Apparat u Għamara Materjali Edukattivi
Headoffice 5,870 559
Skejjel 1,484
Gżira 1,379
Cospicua 996
Dingli 881
Għaxaq 979
Ħamrun 920
Valletta 881
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm skejjel li qed jieħdu sehem fil-programm Comenius?
Kemm minnhom talbu xi kontribut finanzjarju minn xi kunsill lokali?
Kemm minnhom kisbu flus mill-kunsilli lokali?
Kemm kisbu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Comenius hu azzjoni waħda mill-programm Socrates u hu maħsub li jiffoka prinċipalment fuq l-edukazzjoni primarja u sekondarja. L-azzjonijiet ewlenin tal-Comenius huma:
a) Proġetti ta' skejjel
b) Proġetti tal-lingwa
c) Proġetti ta' żvilupp fl-iskejjel.
Is-sehem ta' Malta fil-preżent f'dawn l-azzjonijiet huwa:
a) Proġetti ta' skejjel (2002 - 2003) - 51
b) Proġetti ta' lingwa (2002 - 2003) - 5
c) Proġetti ta' żvilupp fl-iskejjel (2002 - 2003) - 9
d) In-service Training Grants (2001 - 2002) - 22
e) In-service Training Grants (2002 - 2003) - 17.
Informat ukoll li l-EUPU u s-Socrates Co-ordinating Committee ma jżommux rekords ta' xi għajnuna li dawn il-proġetti jkunu rċevew mill-Kunsilli Lokali. Din l-għajnuna tal-Kunsilli Lokali jew entitajiet oħra (fi flus jew mod ieħor) hi kumplimentari ma' l-għajnuna li jirċievu l-iskejjel mill-EUPU u s-Socrates Co-ordinating Committee.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet għall-permessi ta' l-iskejjel (EFL) ta' l-ingliż u li qegħdin jistennew li jingħataw liċenzja mill-monitoring board?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hemm erba' skejjel li qegħdin jistennew li jingħataw liċenzja mill-Monitoring Board ta' l-E.F.L.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-policy bħalissa tal-monitoring board għall-EFL schools dwar applikazzjonijiet għal permessi ta' skejjel ġodda fil-qasam tat-tagħlim ta' l-ingliż meta dawn l-applikazzjonijiet ġejjin minn individwi jew entijiet barranin?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'persentaġġ ta' teachers barranin għandna hawn Malta paragunati man-numru ta' teachers Maltin impjegati fil-qasam tal-EFL tat-tagħlim ta' l-Ingliż?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet matul is-sena 2001 u 2002 s'issa dwar jekk is-sid tar-razzett fi Triq San Ġorġ, f'San Pawl il-Baħar hux iħares ir-regolamenti? Xi rriżulta minn dawn l-ispezzjonijiet?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li matul is-sena 2001 u 2002 s'issa saru sbatax (17)-il spezzjoni fir-razzett fi Triq San Ġorg, San Pawl il-Baħar minn uffiċċjali tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika.
Matul is-sena 2000 ittieħdet azzjoni legali kontra s-sid ta' dan ir-razzett minħabba ksur ta' xi regolamenti. Għall-finijiet tal-liġi, l-każijiet investigati matul is-sena 2001 u 2002, u li huma ta' l-istess natura bħal dawk imressqa fis-sena 2000, jiġu kkunsidrati bħala follow-up ta' l-istess azzjoni legali li ttieħdet fis-sena 2000.
Peress li l-każ għadu sub judice m'iniex f'pożizzjoni li nagħti aktar tagħrif.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu wara l-ilmenti mressqa lill-Onor. Ministru f'ittra mibgħuta mill-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament dwar għażla ta' borża ta' studju għal studju veterinarji fl-Italja bid-data ta' l-4 ta' April 2002?
Response (BORG, JOE)
L-ilmenti mressqa mill-persuna identifikata mill-Onorevoli Membru ġew mistħarrġa minn uffiċċjali tal-Ministeru tiegħi, u ittra li tagħti l-ispjega meħtieġa ntbagħtet mis-Segretarju Permenenti tal-Ministeru lill-individwu in kwistjoni fit-22 ta' April 2002. Jiena lest li ngħaddi kopja ta' din l-ittra lill-Onorevoli Interpellant, jekk jixtieq.
Jista' l-Ministru jgħid x'għajnuna qed tingħata l-President's Award biex taħdem sew u tinfirex fost iżjed studenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għajnuna li qed tingħata s'issa l-President's Award tikkonsisti f'"token Vote" ta' Lm1000 fis-sena li jaqa' taħt l-Estimi ta' l-Edukazzjoni.
Peress li l-President's Award hu programm ta' attivitajiet extra kurrikulari għaż-żgħażagħ approvat għall-implimentazzjoni tal-Kurrikulu Minimu Nazzjonali, partikolarment f'dak li għandu x'jaqsam ma' tisħiħ ta' l-edukazzjoni li mhix formali, u li hi identifikata wkoll fl-NMC f'paġna 28, qed jiġi konsidrat li titjib l-għajuna li l-programm qed jirċievi. Barra minn hekk kien hemm okkażjonijiet meta intalab l-użu ta' hostels li huma tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, għal attivitajiet ta' l-istess Award u meta kien possibbli dan ingħata. Tajjeb ukoll jingħad l-appoġġ qawwi li l-programm jirċievi mill-President ta' Malta.
Jista' l-Ministru jgħid x'xogħol għaddej bħalissa ta'
1) manutenzjoni
2) bini
fl-iskejjel?
F'kull każ f'liema skejjel u x'inhi l-istima tax-xogħol u meta hu maħsub li jitlesta?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra hekk kif tkun lesta.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jaħdmu mal-fondazzjoni għas-servizzi edukattivi?
B'liema kundizzjonijiet u b'liema ħlassijiet?
Min fejn qed topera din il-fondazzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-fondazzjoni ilha topera mill-iskola Sekondarja Sir Temi Żammit fl-Imtarfa minn Novembru 2001. Magħha jaħdmu 7 full-timers u 21 part-timeres. Il-part-timers jitħallsu bis-siegħa. Il-full-timers jitħallsu skond it-tagħrif mogħti fil-Mistoqsija Parlamentari numru 28307.
Jista' l-Ministru jgħid xi spazju qed tuża fl-iskola sekondarja tas-subien ta' l-imtarfa l-fondazzjoni għas-servizzi edukattivi?
Għalxiex qed tuża l-ispazju?
Kemm hemm persuni li qed jużaw dan l-ispazju?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-Fondazzjoni bbażat l-uffiċini tagħha fl-Iskola Sekondarja Sir Temi Żammit. Qed tuża kmamar żgħar li ma jintużawx bħala klassijiet. Qed tagħmel dan għaliex xogħolha marbut ma' l-iskejjel u għażlet li taħdem direttament f'ambjent fejn hemm studenti u għalliema. Fil-fatt dan il-kuntatt kontinwu jgħin ħafna fil-formazzjoni ta' kull min jaħdem għall-Fondazzjoni u fit-tfassil tal-policies u programmi edukattivi għat-tfal. Hemm 7 full-timers u 21 part-timers jużaw l-ispazju.
B'referenza għall-applikazzjoni tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament għall-promozzjoni fl-Universita', għaliex wieħed mill-professuri barranin irrefera għaliha bħala raġel meta suppost li kellu f'idejh ic-CV tagħha u numru ta' pubblikazzjonijiet li jġibu isimha sħiħ?
Għaliex dan l-istess professur ma ikkunsidrax tliet pubblikazzjonijiet tagħha f'kotba għax qali li kienu invited pubblications, meta hu fatt magħruf li invited publications jagħmlu ġieħ lill-awtur u jkunu żgur refereed papers ? Għaliex qabez refereed paper f'journal internazzjonali tal-Ġenetika bl-isem ta' Caryologia? Għaliex ma semmiex review article f'Journal internazzjonali li kien referred?
Għaliex dan l-istess professur irrefera b'mod negattiv għall-mod kif din il-persuna ġġib il-fondi għar-riċerka tagħha, meta ma kien hemm xejn miktub fic-CV dwar il-fondi u meta dan ma kienx kriterju għall-promozzjoni ta' associate professor? Minn fejn dan il-professur ġab l-informazzjoni?
Għaliex it-tieni professur irrefera għall-persuna bl-ewwel isem tagħha u ikkunsidra tliet pubblikazzjonijiet biss ta' din il-persuna u injora l-oħrajn kollha mingħajr ebda spjegazzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għar-risposta tal-Mistoqsijiet Parlamentari numru 32413, 32418 u 32423. Informat li l-persuna msemmija ingħatat promozzjoni ta' Senior Lecturer tul l-aħħar eżerċizzju ta' promozzjonijiet, jiġifieri fit-28 ta' Jannar tas-sena l-oħra. Iż-żewġ professuri barranin indipendentement minn xulxin ħassew, wara li kkunsidraw kollox, li f'dan l-istadju ma kellhiex tingħata promozzjoni oħra ta' Associate Professor. Il-Bord tal-Promozzjoniji ta' l-Universita` ħass li kellu jilqa' l-pariri li ngħata separatament miż-żewġ assessuri barranin.
B'riferenza għall-applikazzjoni tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, għal promozzjoni fl-Universita' għaliex dawn iż-żewġ professuri barranin injoraw kompletament il-fattur tat-tagħlim (meta skond ir-risposta tal-PQ no. 32416, it-tagħlim huwa wieħed mit-tliet kriterji li jridu jiġu ikkunsidrati) u l-fatt li din il-persuna ilha tagħti lectures fl-Universita' ta' Malta mill-1976-1988 (part-time) u mill-1989 sal-lum (full-time)?
Għaliex il-karriera ta' din il-persuna ġiet injorata kompletament? Dawn il-professuri kellhom f'idejhom ic-CV u l-pubblikazzjonijiet li suppost intbagħtulhom? Dawn il-professuri qrawhom il-pubblikazzjonijiet u eżaminaw il-mertu xjentifiku tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 32930.