Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #33435 Sitting 738 2002-05-20 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Komunikazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jgħid ġiex iffirmat xi kuntratt, jew hemmx il-ħsieb li jiġi ffirmat xi kuntratt, ma' xi persuna biex jikkordina l-kampanja ta' komunikazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea? Fil-każ li iva, min hi din il-persuna? X'terms of reference għandha għax-xogħol tagħha? Xi ħlasijiet ser tingħata din il-persuna? Tista' tpoġġi kopja tal-kuntratt fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BORG, JOE)

Il-persuna li għandha r-responsabbilta' għal kampanja ta’ kommunikazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea mil-lat governattiv hija l-Assistent Personali tiegħi li għandu kuntratt ta’ servizz skond id-dokument Engagement of Staff for Private Secretariats li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra f’seduta numru 124 tas-16 ta’ Ġunju 1999. M’hu qed jirċievi l-ebda ħlas ulterjuri għal dan ix-xogħol. Ta’ min wieħed jgħid illi l-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin qiegħed f’diskussjonijiet sabiex jiffinalliżża kuntratt biex jingħataw pariri professjonali lil Gvern dwar kif il-Gvern jista' jżid l-għarfien dwar il-politika barranija ta’ Malta kemm f’Malta kif ukoll barra minn pajjiżna. Inoltre, Iċ-Ċentru Informazzjoni Malta-Unjoni Ewropea hija l-entita li għandha r-responsabbilta' li tipprovdi informazzjoni lil pubbliku dwar l-Unjoni Ewropea, ir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Unjoni Ewropea, u l-proċess tan-negozjati għas-sħubija.
Leg 9 PQ #33301 Sitting 736 2002-05-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Kumitat ta' l-Ismijiet tat-Toroq — Isla

Question

Jista' l-Kumitat ta' l-Ismijiet tat-Toroq jikkunsidra favorevolment li jsemmi triq ewlenija fl-Isla għal John F. Marks li kellu sehem ewlieni fil-ħajja kulturali, trejdunjonistika u politika tal-pajjiż l-iżjed fis-snin '20 u '30?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skond l-Avviż Legali 176 ta` l-1995, kull proposta ta` tismija ta` triq trid toriġina mill-Kunsill Lokali tal-lokalita` u għalhekk din il-proposta trid tiġi ndirizzata lill-Kunsill Lokali konċernat.
Leg 9 PQ #33302 Sitting 736 2002-05-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Addozzjoni ta' Tfal

Question

Jista' l-Ministru jgħid ma' liema gvernijiet barranin għaddejjin negozjati dwar l-addozzjoni ta' tfal minn ġenituri Maltin? Fiex waslu dawn in-negozjati, pajjiż b'pajjiż, u f'kull każ x'qed iżomm milli jintlaħaq qbil finali?

Response (BORG, JOE)

Negozjati ma' pajjiżi oħra dwar l-addozzjoni ta' tfal minn ġenituri Maltin jiġu inizjati u jitmexxew mill-Ministeru tal-Politika Soċjali. Għaldaqstant, nissuġġerixxi lill-Onorevoli Interpellant biex iressaq il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #33303 Sitting 736 2002-05-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Pembroke — Skola Primarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol biex il-bini ta' l-iskola primarja ta' Pembroke jikber skond il-bżonn tal-komunita`?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada qiegħda f'taħditiet ma' l-awtoritajiet konċsernati biex jiġi identifikat sit alternattiv għall-bini ta' skola moderna.
Leg 9 PQ #33304 Sitting 736 2002-05-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Pembroke — Junior Lyceum Sir Adrian Dingli

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'xogħol sar matul is-sena 2001 u s-sena 2002 s'issa fil-blokk ta' bini qadim tal-junior lyceum Adrian Dingli f'Pembroke? Meta se jsir ix-xogħol meħtieġ? Kemm se jdum isir u kemm huwa stmat li se jiswa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li x-xogħol li qiegħed isir fil-Junior Lyceum Sir Adrian Dingli f'Pembroke qiegħed ikkonċentrat fuq (Wing 1) ta' l-iskola, u miexi b'ritmu tajjeb. Huwa maħsub li dan ix-xogħol ikun lest sa Ottubru ta' din is-sena. Bħalissa, ix-xogħol strutturali huwa kważi lest. Jonqos xogħol strutturali konness mal-"Main Staircase" ta' dik in-naħa ta' l-iskola. Issa bdiet il-fażi ta' stallazzjoni ta' servizzi, u dalwaqt ukoll jibda xogħol ta' finitura. Minn Ottubru u matul 2003, huwa maħsub li jibda jsir xogħol konness man-naħa l-oħra (Wing 2) ta' l-iskola, kif ukoll t-tkomplija tal-parti ċentrali tal-bini. Huwa stmat li x-xogħol konness ma' l-ewwel parti tal-proġett (Wing 1) ser jiġi jiswa viċin is-sitt mitt elf lira (Lm600,000).
Leg 9 PQ #33295 Sitting 735 2002-05-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skola Sekondarja Sir Luigi Preziosi

Question

Jista' l-Ministru jara x'jista' jsir biex tintlaqa' t-talba ta' studenta li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li tattendi form 2.2 fl-iskola sekondarja Sir Luigi Preziosi biex tistudja l-chemistry?

Response (GALEA, LOUIS)

Kif diġa' jaf l-Onor. Membru, l-istudenta msemmija għadha qed tattendi t-tieni klassi ta' Area Secondary School filwaqt li l-għażla tas-suġġetti ssir fit-tielet sena.
Leg 9 PQ #33296 Sitting 735 2002-05-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kulleġġ tal-Biedja

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjani hemm dwar il-kulleġġ tal-biedja biex jiġi integrat fil-kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija? X'se jsir mill-istitut agrikolu ta' l-Universita` f'dan il-qafas?

Response (GALEA, LOUIS)

Qegħdin isiru taħditiet bejn il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni u l-Ministeru ta' l-Agrikultura biex jinħoloq l-Istitut ta' l-Agrikummerċ fil-Kulleġġ Malti ta' l-Arti Xjenza u Teknoloġikja. Qed jiġi konsidrat li l-Kulleġġ tal-Biedja jiġi integrat f'dan il-pjan. L-Universita` s'issa ma għandha ebda pjan biex l-Istitut ta' l-Agrikultura jiċċaqlaq minn ħdanha.
Leg 9 PQ #33297 Sitting 735 2002-05-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Faċilita` ta' Facilitator

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar s'issa biex tiġi segwita r-rakkmandazzjoni ta' l-istatementing moderating panel ta' Ottubru li għadda biex it-tifla li isimha qed jintbagħat separatament tingħata facilitator biex tkun tista' tibda tattendi l-iskola? Meta se tiġi segwita r-rakkmandazzjoni li saret seba' xhur ilu?

Response (GALEA, LOUIS)

Ġejt informat li minħabba ċirkustanzi partikolari li effettwaw l-istatementing moderating panel, il-każ tat-tifla imsemmija qed jiġi konsidrat mill-ġdid biex deċiżjoni tittieħed fi żmien qasir.
Leg 9 PQ #33298 Sitting 735 2002-05-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Freeport — Grand Alliance

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjani konkreti hemm min-naħa tal-Freeport biex jagħmel tajjeb għat-tluq tal-Grand Alliance lejn Gioaia Tauro biex ma jaqax ix-xogħol? Saret analiżi għala telqu tal-Grand Alliance? X'passi ttieħdu mill-Freeport wara din l-analiżi, jekk saret? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda kopja ta' din l-analiżi, jekk saret?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni li qed jitlob hija ta' natura kummerċjali u għaldaqstant ma jkunx fl-interess ta' l-azjenda li tiġi pubblikata.
Leg 9 PQ #33299 Sitting 735 2002-05-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Rabat - Skola Sekondarja tas-Subien

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'xogħlijiet saru fl-1999, fis-sena 2000 u fis-sena 2001 fl-iskola sekondarja tas-subien tar-Rabat, Għawdex? Xi bżonnijiet ta' tiswija għandha bżonn din l-iskola? Meta se jsiru?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ix-xogħlijiet li saru fl-iskola tas-subien “Ninu Cremona” fir-Rabat Għawdex bejn is-snin 1999, 2000 u s-sena 2001 kienu jinkludu; Provvista u twaħħil ta’ aperturi ta’ l-aluminium Rinnovar ta’ l-istallazzjoni tal-gass fil-laboratorji Provvista ta’ apparat tal-laboratorji Provvista u tqeghid ta’ water proofing membrane Rinnovar ta’ klassijiet Bdil ta’ katusi tad-drenagg Xoghol ta’ żebgħa fil-kuriduri u klassijiet kull sena Rinnovar ta’ faċilitajiet ta’ toilets Bdil ta’ store f’ games room Twaħħil ta’ fence fil-ground Bdil u attrezzar ta’ kamra biex isservi ta’ Home Economics room Kisi tal-ground bil-crusher Rinnovar tal-bankijiet fit-tennis courts Xogħlijiet oħra li għad iridu jsiru minbarra l-manutenzjoni kontinwa tal-post jinkludu; Ir-rinnovar tal-faccati ta’ barra ta’ l-iskola Provvista u twaħħil ta’ aperturi ta’ l-aluminium Stallazzjoni ta’ passenger lift li twassal għall-livelli kollha ta’ l-iskola. Is-sejħiet għall-offerti għal dawn ix-xogħlijiet għalqu u jinsabu fi stadju ta’ adjudication.
Leg 9 PQ #33300 Sitting 735 2002-05-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Spetturi tas-Sanita` — Rabat, Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid sarux xi żjarat minn spetturi tas-sanita` fl-iskola sekondarja tas-subien tar-Rabat, Għawdex? X'irriżulta minn din iż-żjara? X'passi ttieħdu wara din iż-żjara? Meta se ssir iż-żjara li jmiss f'din l-iskola?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li l-aħħar spezzjoni minn uffiċjali tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika li saret fl-iskola ndikata kien fit-3 ta` Mejju 2002. Dan wara li saru xi lmenti dwar allegat nuqqas ta` iġenje fil-faċiltajiet sanitarji (toilets) u fil-klassijiet. Wara l-ispezzjoni ġew ikkonfermati xi nuqqasijiet. Il-Kap ta` l-iskola, kif ukoll l-Assistent Direttur ġew infurmati verbalment kif ukoll bil-miktub biex jiġu rimedjati tali nuqqasijiet fl-iqsar żmien possibbli. Spezzjonijiet oħra għandhom jerġgħu jsiru fl-istess skola f'ġurnata mill-ġimgħa li ġejja.
Leg 9 PQ #33231 Sitting 734 2002-05-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kavallier ta' San Ġakbu

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif sar il-qligħ fil-Kavallier ta' San Ġakbu? Għaliex l-artitsti jintalbu jħallsu Lm115 sabiex itellgħu wirja u t-tfal jintalbu jħallsu għal programmi taċ-ċentru meta sar dan il-qligħ kollu?

Response (GALEA, LOUIS)

L-ewwelnett ġejt informat li għandu jiġi iċċarat li d-dokument imqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra bi tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 32258 huwa biss rendikont ta' dħul u ħruġ sa' l-aħħar ta' Diċembru, 2001, taċ-Ċentru ta' Krejattivita` fil-Kavallier ta' San Ġakbu li ma kienx jinkludi lista ta' kredituri u debituri għall-istess perjodu. Għaldaqstant l-indikazzjoni ta' "Net Profit" hi żbaljata. Informat ukoll li meta wieħed iqis il-ħlasijiet li saru s'issa din is-sena u oħrajn li għad iridu jsiru għal spejjeż magħmula sa' l-aħħar ta' Diċembru 2001 u li kienu għadhom ma tħallsux sa dik id-data, l-ammont li kien indikat bħala "Net Profit" fil-PQ imsemmija jiġi ridott sostanzjalment. Barra minn hekk il-Management ma nefaqx dak li kien hemm bżonn f'pagi minħabba li l-proċess ta' reklutaġġ ħa aktar żmien milli maħsub. Għaldaqstant wieħed ma jistax jitkellem dwar "dan il-qligħ kollu" fil-Kavallier ta' San Ġakbu. Il-prezz ta' Lm100 + VAT li jintalab iħallas min jesebixxi wirja ta' arti hi tariffa nominali li b'ebda moda ma tirrifletti l-ispejjeż li joħroġ iċ-Ċentru li jkun miftuħ ħinijiet twal sebgħa t'ijiem fil-ġimgħa. L-ispejjeż jinkludu wkoll ħlas ta' impjegati li xogħolhom hu li jippromwovu l-istess wirjiet ta' opri ta' arti li ħafna minnhom jinxtraw mill-visitaturi bla ma s'issa tiġi mitluba kummissjoni miċ-Ċentru kif isir f'postijiet simili barra minn Malta. Ninnota li l-biċċa l-kbira ta' l-Artisti li użaw iċ-Ċentru huma sodisfatti ħafna u qed jitolbu li jerġgħu jużawh. L-istess fir-rigward ta' ħlas nominali ta' Lm1 li jintalbu jħallsu tfal għal attivitajiet artistiċi u krejattivi. B'hekk iċ-Ċentru jtaffi xi ftit mill-ispejjeż f'materjal li jintuża u f'remunerazzjoni li jħallas lill-animaturi, ħafna minnhom studenti ta' l-Universita` li jsegwu taħriġ f'animazzjoni fl-istess Ċentru. Tajjeb infakkar ukoll li hemm kategoriji ta' tfal u persuni (p.e. mill-Fondazzjoni Eden, pazjenti ta' l-Isptar Monte Carmeli u oħrajn) li ma jiġu mitluba jħallsu xejn. Il-Gvern irid li l-Fondazzjoni tkun organizzazzjoni mhux għal profitt u li kemm jista' jkun tassigura li tkopri l-ispejjeż tagħha minn dħul għal inizjattivi li jiġu organizzati fl-istess Ċentru. Jidhirli li jkun tajjeb ukoll li tinħoloq kultura favur li jingħata valur lill-prodott kulturali. Il-mentalita` li wieħed jipparteċipa/jattendi f'attivita` kulturali u artistika jekk "tkun b'xejn" hi ta' ħsara għall-iżvilupp f'dan il-qasam. Il-Gvern diġa' joħroġ eluf kbar ta' liri biex direttament u indirettament jissussidja attivitajiet bħal dawn. Tajjeb li insibu bilanċ ġust ebjn aċċessibilita sħiħa u iffinanzjar sostenibbli għall-kultura u l-arti.
Leg 9 PQ #33232 Sitting 734 2002-05-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

OPM — Piracy

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għandux politika kontra l-piracy għall-uffiċċju tiegħu?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Teżisti politika kontra l-“piracy” kemm fl-Uffiċċju tiegħi kif ukoll mal-Gvern kollu. Ninsab infurmat li l-“Government Policy” fuq “Software Licencing” hija dokumentata f’dokument “Office Automation Standards Software Products”. Dan id-dokument jista’ jiġi aċċessat minn fuq il-“Website” ta’ CIMU “www.cimu.gov.mt”. Fejn isir magħruf li “software” qiegħed jiġi użat illegalment il-Gvern jieħu l-passi neċessarji.
Leg 9 PQ #33238 Sitting 734 2002-05-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm iddaħħlu jaħdmu ħaddiema full-time u mhux full-time li huma impjegati mal-fondazzjonijiet u entitajiet oħra tal-gvern mis-sena 1998 'l hawn? Jista' jgħid minn fejn huma l-ħaddiema? Jista' jgħid kemm jaħdmu sigħat dawk li m'humiex impjegati tal-gvern iżda li huma impjegati mal-fondazzjonijiet u kemm hi l-paga fissa, jew hourly rate, u l-allowance tagħhom? Jista' l-Prim Ministru jgħid kif saret l-għażla ta' dawn il-ħaddiema u kienx hemm persuni oħra li applikaw għal dawn il-pożizzjonijiet u tħallew barra, allavolja kellhom esperjenza u kwalifiki ogħla minn ta' dawk li ntgħażlu?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #33240 Sitting 734 2002-05-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Planning Authority — Permessi

Question

Jista' l-Ministru jgħid hemm xi żviluppi għall-ħruġ ta' permessi għall-bini fil-Qbajjar li fl-iskema għall-iżvilupp mill-1987, minn meta kienet ħarġet it-temporary provision schemes, li kienu ħarġu żewġ permessi nru. PB 2099/85/1085/84 u PB 2100/85/108/84 għal-parti mill-art? Jikkonferma li din l-art m'hix qegħda tiġi kkunsidrata biex tiddaħħal fl-iskema tal-pjan lokali għal Għawdex? X'inhuma r-raġunijiet għaliex din l-art m'hix tiġi inkluża fil-pjan ta' l-iżvilupp?

Response (BORG, TONIO)

Il-file PB 1085/84 jirreferi għal sit fil-Qbajjar, filwaqt li file PB 108/84 jirreferi għal sit ix-Xewkija u għalhekk ma huwiex relevanti għal mistoqsija. Rigward file PB 1085/84, kien ħareġ permess fl-14 ta` Ġunju 1985 biex jinbnew appartamenti fil-Qbajjar. Il-permess kien ħareġ skond il-policies viġenti dak iż-żmien, li huma differenti minn dawk ta` illum. Dan il-permess kien validu sa sena waħda mid-data tal-ħruġ tal-permess, sakemm ma jkunx imġedded. Iżda dan il-permess ma ġiex imġedded u għalhekk skada u ma baqax validu. Il-bini approvat ma kienx inbena. Ma hux propizju li l-Ministru jgħid liema art qed tikkunsidra l-Awtorita` dwar l-ambjent u l-ippjanar biex iddaħħal fl-iskema ta` żvilupp. Il-Bord ta` l-Awtorita` fil-ġimgħat li ġejjin għandu jiddiskuti l-Abbozz tal-Pjan biex joħroġ għall-konsultazzjoni pubblika.
Leg 9 PQ #33244 Sitting 734 2002-05-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Planning Authority — Art Kultivata

Question

Jista' l-Ministru jagħti definizzjoni eżatta dwar il-kelma teknika garigue? Jekk kull blat jaqax taħt din id-definizzjoni? X'inhu meqjus bħala art ikkultivata? Liema records uffiċjali għandha l-awtorita ta' l-ippjanar dwar art agrikola, dwar jekk hix kultivata jew le? Kemm-il talba saret għall-kostruzzjoni ta' gwiebi u kmamar tal-pompa taħt l-iskema tad-DNO mill-1 ta' Ġunju 'l hawn? Kemm il-clearance ħarġet taħt l-iskema tad-DNO mill-1 ta' Ġunju 2001 'l hawn fiz-zona ODZ? Jista' jikkonferma jekk il-Ġimgħa 21 ta' Diċembru 2001 kinietx ġurnata normali tax-xogħol? Jekk le, jista' jikkonferma f'liema ħin twasslet il-posta mill-awtorita? Kemm minnhom ittieħdet deċiżjoni fi żmien 30 ġurnata kif stipulat fl-A.L. 126 ta' 2001? F'każ ta' rifjut, semmi lokalita' b'lokalita' u r-raġunijiet li nġiebu għar-rifjut? X'rimedju hemm għal min ma ħax risposta fi żmien stipulat u x'passi bi ħsieba tieħu l-awtorita' kontra minn qiegħed b'xi mod jabbuża mill-poteri?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat kif ġej:- 1. Il-kelma "garrigue" hija t-terminu tekniku għal art xagħrija, jiġifieri art li hija magħmula minn blat fil-wiċċ u li aktarx fiha wkoll irqajja` ta` ħamrija. F`dan l-ambjent jikbru xtieli baxxi bħalma huma s-sagħtar, l-għansar u/jew pjanti simili. 2. Le 3. Art ikkultivata hija ħamrija li tkun imħawla u tinħadem għall-kultivazzjoni. 4. L-Awtorita` għandha ritratti meħudin mill-ajru, li juru l-art in kwestjoni u b`hekk jindikaw b`mod dirett jekk hiex art mibnija, xagħri, siġar, għelieqi, eċċ. 5. Saru 214-il talba għal żvilupp li jinkludi ġwiebi jew kmamar tal-pompi taħt l-iskema ta` l-Ordni dwar in-Notifikar ta` l-Iżvilupp mill-1 ta` Ġunju 2001 `l hawn. 6. L-Onor. Membru mitlub jiċċara l-mistoqsija ġaladarba mhiex tiftiehem. 7. 42 clearance inħarġu fi żmien 30 ġurnata. 8. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif hekk kif mitlub. 9. Wara l-iskadenza ta` 30 jum, żvilupp li huwa kopert mill-Ordni dwar in-Notifikar ta` l-Iżvilupp jiġi meqjus bħala żvilupp permess, sakemm ikun konformi għal kollox mal-kundizzjonijiet kollha indikati fl-istess Ordni u mal-policies u pjanijiet approvati skond l-Att dwar l-Ippjanar ta` l-Iżvilupp. Iżda l-Ordni nnifisha tipprovdi illi l-Awtorita` xorta tibqgħalha s-setgħa li twaqqaf ix-xogħlijiet jew li tieħu azzjoni ta` infurzar jekk żvilupp ma jkunx konformi, sabiex "short cut" proċedurali bħalma hija l-Ordni dwar in-Notifikar ta` l-Iżvilupp ma sservix bħala "loophole" li tkun tista` tagħti wkoll lok għal xi abbuż. L-Onor. Membru huwa mitlub jindika għal liema abbuż qed jirreferi.
Leg 9 PQ #33194 Sitting 733 2002-05-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

MCAST — Istitut Marittimu

Question

Jista' l-Ministru jara li l-amministrazzjoni ta' l-Istitut Marittimu ta' l-MCAST tiltaqa' ma' l-istudenti ta' l-ewwel sena tal-kors u tiddiskuti magħhom id-diversi nuqqasijiet serji li jħossu li għandhom fil-kors tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Istitut Marittimu ta' l-MCAST qed jiltaqa' ma' l-istudenti ta' l-ewwel sena tal-kors biex jiddiskuti magħhom il-bżonnijiet li għandhom. Informat ukoll li l-istudenti jafu wkoll li jekk ikollhom xi kumment jew ilment li jixtiequ jressqu quddiem l-amministrazzjoni ta' l-Istitut, dan jistgħu jagħmluh billi jitkellmu mad-'Division Officer' tagħhom (li huwa għalliem fl-istess Istitut), jew jekk jixtiequ, jistgħu jiltaqgħu u jitkellmu mad-Direttur ta' l-Istitut, billi jressqu x-xewqa tagħhom quddiem l-'istudent representative' tagħhom, u dan ta' l-aħħar jorganizza meeting mad-Direttur.
Leg 9 PQ #33219 Sitting 733 2002-05-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Karozzi tal-Kiri

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm karozzi tal-kiri u mixtrija mill-fondi pubbliċi li qed jintużaw fil-ministeru, dipartimenti, fondazzjonijiet u entitajiet oħra tal-gvern u ċivil, inkluż skejjel? Kemm minn dawn huma mislufa minn ministeri, dipartimenti, fondazzjonijiet, u entitajiet oħra tal-gvern u civil lill-ministeru, dipartimenti, fondazzjonijiet u entitajiet oħra tal-gvern u civil li jaqgħu taħtu? Fejn jiġu ggaraxxjati dawn il-karozzi? Kif jiġi monitorjat l-użu ta' dawn il-karozzi? Kemm huma l-ħaddiema li huma ntitolati li jieħdu l-karozza magħhom id-dar wara l-ħin tax-xogħol? Fejn jaħdmu dawn il-persuni intitolati li jieħdu l-karozza d-dar? Minn liema distrett elettorali huma? Kemm jintnefaq flus f'petrol ras imb'ras?

Response (GALEA, LOUIS)

Ġejt mogħti l-parir li l-ġbir b'ħafna dettalji tat-tagħrif li talab l-Onor. Membru f'sensiela ta' mistoqsijiet bħal f'din il-Mistoqsija jinħtieġ ħafna ħin u xogħol. F'dan l-istadju hemm xogħol ieħor aktar importanti li jeħtieġ isir. Għaldaqstant tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra fil-futur sakemm m'hemmx xi ħaġa speċifika li dwarha l-Onor. Membru jixtieq xi tagħrif.
Leg 9 PQ #33222 Sitting 733 2002-05-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Xiri ta' karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm il-ħsieb li sa tmiem din is-sena jinxtraw karozzi ġodda għal użu ta' uffiċjali jew persuni oħra fil-ministeru, dipartimenti, fondazzjonijiet u entitajiet oħra tal-gvern u civil? Jista' l-ministru jgħid kemm minn dawn il-karozzi ser jiġu wżati minn ħaddiema li x-xogħol tagħhom hu jew sejjer jirrikjedi trasport?

Response (GALEA, LOUIS)

F'dan l-istadju nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 33219.
Leg 9 PQ #33223 Sitting 733 2002-05-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Xiri ta' apparat mekkaniku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm, matul is-sena 2001, inxtara apparat mekkaniku, elettroniku u tekniku ieħor għal ministeru, dipartimenti, fondazzjonijiet u entitajiet oħra tal-gvern u civil b'direct order?

Response (GALEA, LOUIS)

F'dan l-istadju nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 33219.