Jista' l-Ministru jgħid x'sar mix-xogħol tal-kumitat li kien twaqqaf żmien ilu biex jara d-dħul fl-iskejjel tal-knisja u li xhur ilu l-ministru qal li wasal biex itemm ir-rapport tiegħu?
Response (GALEA, LOUIS)
Ma jidhirlix li twaqqaf xi kumitat biex jara d-dħul fl-iskejjel tal-Knisja. Napprezza jekk l-Onor. Membru jindika bi preċizjoni s-sors ta' l-informazzjoni li qed jagħti fil-Mistoqsija, u cioe`, "li xhur ilu l-ministru qal li wasal biex itemm ir-rapport tiegħu?".
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-individwi, kumpaniji u entitajiet oħra li tefgħu l-offerti tagħhom għall-kumpanija ta' pubbliċita' dwar e-government? Meta se jiġi deċiż min se jieħu l-kuntratt? Kif se ssir l-għażla?
Response (GATT, AUSTIN)
Għall-kampanja ta' pubblicita' dwar e-government sal-ħin ta' l-għeluq , il-Minsiteru tal-Gustizzja u Gvern Lokali rcieva ħames offerti mingħand -
1. J. P. Advertising
2. Business Process Consulting
3. Strategy Works
4. BPC International Ltd.
5. Communique Creative Ltd.
Il-lista ta' l-offerti tpoggiet fuq n-notice board tal-Ministeru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali .
L-għażla ssir minn Board ta' Aġġudikazzjoni , li twaqqaf apposta.
Jista' l-Ministru jgħid l-awtorita' Maltija tat-Turiżmu, mindu twaqqfet, għamlet xi studju ta' kemm huma kompettitivi Malta u Għawdex ma' destinazzjonijiet oħra fil-Mediterran u lil hinn minnu li jikkompetu magħna għat-turisti? X'jirriżulta minn dan l-istudju jekk sar? X'passi ttieħdu dwaru?
Response (REFALO, MICHAEL)
Infurmat li l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu regolarment iżżomm kont tal-qagħda kompetitiva tal-Gżejjer Maltin fil-konfront ta’ destinazzjonijiet turistiċi oħra, sew fil-Mediterran kif ukoll band’oħra. Dan l-istħarriġ igħin fid-deċiżjonijiet li jittieħdu dwar pubbliċita’ u reklamar fis-swieq individwali.
Istitut M A Sapiano — Kors tat-Telecomunication electronics
Question
Jista' l-Ministru jgħid xi prattika qed jingħataw l-istudenti tat-tieni sena li qed jingħataw għall-kors tat-telecomunication electronics fl-Istitut M A Sapiano? Kemm minnhom qed jiġu esposti għad-dinja tax-xogħol u l-esperjenza li ġġib magħha? X'għajnuna qed jingħataw biex isibu sponsor? Kemm minnhom sabu sponsor?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li normalment l-istudenti tat-tieni sena tal-kors fit-Telecommunications and Electronics Engineering ikunu sponsored u għal daqstant it-taħriġ prattiku jsir ma' l-azjenda li tkun sponsorjathom.
Minkejja dan, l-Istitut M.A. Sapiano xorta jħoss il-ħtieġa li jalloka żewġ lezzjonijiet ta' prattika lil dawn l-istudenti sabiex jikkumplimentaw l-istudji tagħhom fis-suġġett.
In-numru ta' studenti minn din il-klassi li sabu sponsor u li għalhekk qed jiġu esposti għad-dinja tax-xogħol huwa ta' tlettax.
Huwa kompitu ta' l-ETC li ssib sponsor għall-istudenti. Ghalhekk din il-Korporazzjoni tagħti l-għajnuna kollha possibbli lill-istudenti biex isibu sponsor.
Jista' l-Ministru jgħid x'xogħol se jsir mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada f'li fadal mis-sena 2002 u fis-sena 2003 biex l-iskola primarja ta' Pembroke tkun kbira biżżejjed għall-komunita` tal-lokal?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 30413 rigward l-istess suġġett.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi konkreti ttieħdu mid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni biex jiġu indirizzati l-ilmenti mqajma minn grupp ta' ġenituri li għandhom tfal fl-iskola primarja George Schinas, Ħal-Luqa, fl-ittra tagħhom tas-7 ta' Mejju 2002 li kopja tagħha qed tintbagħat separatament?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li b'konnessjoni ma' l-ilmenti tal-ġenituri msemmija, l-Education Officer (Primary) marret tara lil din l-għalliema u ppreżentat rapport dwar ix-xogħol tagħha.
Hu maħsub li l-Education Officer waqt li tibqa' ssegwi lil din l-għalliema, terġa' tagħmel rapport dwar il-progress li jkun sar.
Jista' l-Ministru jgħid fejn wasal ix-xogħol ta' l-awtorita` tal-komunikazzjoni biex tawditja l-livell ta' radjazzjoni elettro-manjetika tal-mobile phone base station fuq il-bjut f'Malta u Għawdex? Kemm ġew adwitjati minn dawn l-istazzjonijiet? X'irriżulta minn dan l-awditjar? F'liema lokaitajiet? X'hemm ippjanat li jsir sa l-aħħar tas-sena 2002?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li parti mportanti tal-proċess ta' l-awditjar jikkonsisti fil-ġbir ta' informazzjoni ta' l-operating parameters ta' kull mobile phone base station li hawn Malta u Għawdex. Dan il-proċess tlesta u l-informazzjoni qed tiġi inputted f'database għal ta' l-apposta. Bħalissa, qedgħin fil-fażi li ntgħażlu l-ewwel ħamsin sit li ser ikunu awditjati din is-sena. Sa l-aħħar ta' din is-sena hemm il-ħsieb li jkollna f'idejna on site readings ta' dawn il-ħamsin sit kif ukoll software models ta' l-antennae kollha fil-gżejjer Maltin.
Jista' l-Ministru jgħid matul is-snin 2001 u 2002 s'issa xi spezzjonijiet saru mill-istrutturi rilevanti dwar il-livell ta' radjazzjoni elettro-manjetika tal-mobile phone base stations imwaħħla fuq bjut ġewwa l-Imġarr, Malta? Kemm saru minn dawn l-ispezzjonijiet? X'irriżulta minnhom? Meta saru?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 33238 u cioe`: jgħid kemm iddaħħlu jaħdmu ħaddiema full-time u mhux full-time li huma impjegati mal-fondazzjonijiet u entitajiet oħra tal-gvern mis-sena 1998 'l hawn? Jista' jgħid minn fejn huma l-ħaddiema? Jista' jgħid kemm jaħdmu sigħat dawk li m'humiex impjegati tal-gvern iżda li huma impjegati mal-fondazzjonijiet u kemm hi l-paga fissa, jew hourly rate, u l-allowance tagħhom? Jista' l-Prim Ministru jgħid kif saret l-għażla ta' dawn il-ħaddiema u kienx hemm persuni oħra li applikaw għal dawn il-pożizzjonijiet u tħallew barra, allavolja kellhom esperjenza u kwalifiki ogħla minn ta' dawk li ntgħażlu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba għall-entitajiet fid-dekasteru tiegħi.
Rigward entitajiet f’Ministeri oħra, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel domanda lill-Ministri kkonċernati.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom tħallew barra mid-diskors ewlenin tal-konferenza nazzjonali dwar l-istrateġija lingwistika għal Malta, d-diskorsi tal-politiċi ħlief dawk tal-Onor. Ministru?
Jaħseb li b'hekk jgħin biexikun kunsens f'dan il-qasam?
Response (GALEA, LOUIS)
Fil-ktieb imsemmi ma ġie pubblikat ebda diskors tiegħi. Għall-ktieb "Interventi" jien ġejt mitlub biss nikteb daħla li fiha rrikonoxxejt ix-xogħol kollu li sar mill-Onorevoli Ministri ta' qabli, inkluża l-ħidma ta' l-Onor. Evarist Bartolo. Fil-fatt tħallew barra wkoll id-diskorsi tiegħi u tal-Professur Albert Borg. Nassigura l-Onor. Membru li ma kein hemm ebda motiv għaliex id-diskorsi tal-politiċi, inkluż tiegħi, baqgħu barra. Informat li kien biss malintiż li m'għandu jinfluwenza b'ebda mod l-isforz għall-kunsens f'dan il-qasam.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija nru. 33073 u cioe, jista' jgħid x'inhi l-policy tal-monitoring board dwar għoti ta' permess lill-barranin biex jgħallmu l-Ingliż fil-qasam tal-EFL lokali?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li jingħata permess lill-barranin biex jgħallmu l-Ingliż fil-qasam ta' l-EFL lokali jekk dawn il-barranin:
1. ikollhom il-work permit,
2. jissodisfaw il-kwalifiki skond il-liġi li tirregola t-tagħlim ta'
l-Ingliż ta' l-EFL lokali.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija nru. 33071 u cioe, jista' jgħid x'persentaġġ ta' teachers barranin għandna hawn Malta paragunati man-numru ta' teachers Maltin impjegati fil-qasam tal-EFL tat-tagħlim ta' l-Ingliż?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-persentaġġ ta' teachers barranin li għandna hawn Malta paragunat man-numru ta' teachers Maltin impjegati fil-qasam ta' l-EFL tat-tagħlim ta' l-Ingliż huwa 4.4%.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija nru. 33069 u cioe, jista' jgħid x'inhi l-policy bħalissa tal-monitoring board għall-EFL schools dwar applikazzjonijiet għall-permessi ta' skejjel ġodda fil-qasam tat-tagħlim ta' l-ingliż meta dawn l-applikazzjonijiet ġejjin minn individwi jew entijiet barranin?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-każ ta' applikazjonijiet għal permessi ta' skejjel ġodda fil-qasam tat-tagħlim ta' l-Ingliż (EFL), meta dawn jiġu minn individwi jew entitajiet barranin, il-Monitoring Board jesiġi li l-applikanti għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet mitluba skond il-liġi.
'Guidelines' dwar dan huma aċċessibbli anke fuq l-Internet.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija nru. 32986 u cioe, jista' jgħid x'xogħol għaddej bħalissa ta'
1) manutenzjoni
2) bini
fl-iskejjel?
F'kull każ f'liema skejjel u x'inhi l-istima tax-xogħol u meta hu maħsub li jitlesta?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li l-informazzjoni għadha ma waslitx, tweġiba nagħtiha f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija nru. 33235 u cioe, jista' jgħid kemm kienu dawk il-ħaddiema fil-ministeri, dipartimenti, fondazzjonijiet u entitajiet oħra tal-gvern u ċivil, bħal sptarijiet u skejjel, li mis-sena 1998 ingħataw allowances għal pożizzjonijiet ġodda li huma ogħla mis-substantive grade tagħhom? Jista' jgħid kemm għola gradi non-substantive kull ħaddiem f'kull każ?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid matul din is-sena kemm-il darba kien hemm spezzjonijiet minn spetturi tas-saħħa fil-fabbrika li tipproduċi l-ħalib u prodotti relatati? X'irriżulta minn dawn l-ispezzjonijiet? Saru xi lmenti dwar ħmieġ misjub fil-yoghurt? Fil-każ li iva, x'passi ttieħdu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li saru ħdax (11)-il spezzjoni minn uffiċċjali tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika fil-fabbrika indikata matul din is-sena.
Infurmat ukoll li ma jirriżultax li kien hemm ilmenti dwar ħmieġ fil-yoghurt, kif allegat.
Jista' l-Ministru jipprovdi lista tal-kunsilli skolastiċi kollha u d-dati ta' kull laqgħa li saret matul din is-sena skolastika skond kif reġistrat fil-minuti tal-laqgħat ta' kull kunsill?
Jekk xi kunsilli mhux qed jiltaqgħu, min se jieħu r-responsabbilta` ta' l-infiq ta' flus li s-soltu jkunu fdati f'idejn il-kunsill?
Jista' jagħti lista ta' xi flus għandu l-bank, jew imfaddlin, kull kunsill skolastiku ta' kull skola?
Response (GALEA, LOUIS)
Lista tal-Kunsilli Skolastiċi bid-dati ta' kull laqgħa u min jieħu responsabbilta` ta' flus u xi flus hemm fil-banek ta' kull skola qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hija l-ħeffa (bandwidth) li l-iskejjel primarji u sekondarji għandhom bħalissa biex jaċċessaw l-internet? Jista' jgħid kemm hija l-ħeffa dedikata lil kull skola fuq linja ADSL u kemm hemm ħeffa dedikata għan-network kollu?
Kemm kien hemm skejjel fil-livell primarju u sekondarju b'aċċess għall-internet fl-aħħar ta' April 2002?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ħeffa (bandwidth) internazzjonali dedikata ta' l-internet għall-infrastruttura ta' l-iskejjel hi hekk:
2Mbps mis-0600am sa 1800pm
384Kbps mis-1800pm sa 0600am
L-iskejjel huma mqabbdin mal-magnet permezz ta' l-ADSL jew tal- Cable Modem.
Fiż-żewġ servizzi l-bandwidth ta' kull skola hija 128Kbps.
Il-ħeffa tan-Networking fl-iskejjel hija bbażata fuq 10Mbts jew 100Mbps.
Il-ħeffa ta' kull network jiddependi minn meta saret l-installazzjoni. Dawk li saru qabel l-1999 huma bbażati fuq 10Mbts, filwaqt li dawk li saru wara huma bbażati fuq 100Mbts.
In-numru ta' skejjel li għandhom aċċess għall-internet sa' l-aħħar ta' April 2002 huwa:
41 Skejjel Primarji
33 Skejjel Sekondarji
4 Skejjel Post Sekondarji
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-NIC Malta, organizzazzjoni fl-Universita` ta' Malta li tirreġistra domain names (web addresses) ta' l-internet għal Malta, għandha reġistrati għandha domain names ta' xi skejjel Maltin biex dawn jintużaw ħalli fuqhom ikollhom il-websites ta' l-iskejjel? Jekk iva, meta ġew reġistrati? Xi spejjeż hemm involuti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-1999 id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni irreġistrat 25 domain names bħala preparazzjoni għall-introduzzjoni ta' l-internet fl-iskejjel.
L-ispejjeż inizjali kienu ta' Lm562.50, filwaqt li l-ħlas annwali kien ta' Lm375 għad-domains kollha.
Fis-sena 2001 is-CIMU ta parir lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni biex jibda' juża s-second level domain (gov.mt). Dan beda jseħħ minn din is-sena fil-portal ta' l-e-mail u tal-Webhosting għall-iskejjel kollha u għall-istudenti. Dan ma jinvolvi ebda ħlas min-naħa tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni.
Għaldaqstant din ir-reġistrazzjoni tad-domain names mhix aktar meħtieġa u n-NIC (Malta) ġiet infurmata fuq dan.
Jista' l-Ministru jinvestiga l-ilmenti li saru anke fil-pubbliku dwar nuqqasijiet serji fl-eżami intermediate ta' l-Ingliż tal-MATSEC fil-jiem li għaddew? Xi proċedura ntużat biex il-karta in kwestjoni tiġi ċċekkjata qabel tqassmet il-karta lill-istudenti? Kif xorta ħarġet b'nuqqasijiet serji? X'passi se jittieħdu?
Response (GALEA, LOUIS)
L-ilment ġie investigat mill-ewwel u l-MATSEC Board kiteb lill-kandidati konċernati. Kopja ta' l-ittra qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.