B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija 33435, jista' jgħid ma' min il-ministeru tal-affarijiet barraninn qiegħed f'diskussjonijiet sabiex jiffinalizza kuntratt bien jingħataw pariri professjonali lil gvern? F'liema stadju waslu dawn id-diskussjonijiet? Meta huwa maħsub li se jiġu finalizzati?
Response (BORG, JOE)
Id-diskussjonijiet fuq kuntratt biex jingħataw pariri professjonali lill-Gvern kif imsemmi fir-risposta għall-mistoqsija 33435 mistennija li jiġu ffinaliżżati fil-ġimgħat li ġejjin.
M'hux għaqli li wieħed jagħti d-dettalji kif mitluba waqt li dawn id-diskussjonijiet għadhom għaddejin.
Jista' l-Ministru jgħid x'nefqa saret fuq il-bini ta' l-iskola primarja tal-Gudja fl-1999, fis-sena 2000 u 2001?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li din l-iskola primarja ingħatat dawn l-ammonti mill-Vot li jalloka fondi għall-'Capital Imprest':
Sena Ammont
1999 Lm1,040
2000 Lm1,920
2001 Lm2,100
Bħalissa qed isir xogħol biex din l-iskola tiġi modernizzata kollha kemm hi u tinbena sala bħala parti mill-programm ta' l-FTS.
Peress li qed isir ħafna riklamar u promozzjoni għall-fat blockers, jenħtieġ permess mill-awtoritajiet tas-saħħa għal dan? X'inhuma r-rakkmandazzjonijiet ta' l-awtorita` tas-saħħa għal użu ta' sustanza bħal fat blockers? X'passi ttieħdu mill-awtoritajiet tas-saħħa dwar l-użu ta' fat blockers?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Reklamar ta` fat blockers għandhom bżonn il-permess mill-Kunsill tas-Saħħa.
Id-dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa ma jagħtix il-parir li persuna tirrikorri għal prodotti bħal fat blockers sabiex tikkontrolla l-piż tagħha. Ir-rakkommandazzjoni tad-dipartiment hija skond dik ta` l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO), jiġifieri li persuna b’piż żejjed għandha tbiddel id-drawwiet ta` l-ikel u l-eżerċizzju sabiex titlef il-piż. Id-dipartiment jagħti dan il-parir permezz ta` programmi fuq il-media, waqt taħditiet fil-kommunita` u permezz tal-helpline (tel. 21242862). Dan il-parir ukoll jingħata lill-pubbliku fil-weight reduction clinics li jitmexxew mid-dipartiment stess.
Wieħed għandu jiftakar ukoll li dawn il-pilloli għat-telf ta` piż, bħal fat blockers, mhumiex reġistrati bħala mediċini. Dan ifisser li ma jsirux clinical trials (fin-nies) stretti fuqhom, bħal mediċini proprja, sabiex insiru nafu aktar dwar kemm huma effettivi u kemm jistgħu jagħmlu ħsara fil-bniedem. B’hekk, ħafna mill-claims ta` dawn il-prodotti mhumiex ibbażati fuq ix-xjenza u fuq l-evidenza.
Jista' l-Ministru jgħid jekk tenħtieġx xi awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet tas-saħħa għax-xogħol li qed jagħmel l-ipnotista biex iwaqqaf persuni li jmorru għandu bil-ħlas biex jaqtgħu l-vizzju tat-tipjip? Saret xi talba għall-permess minn ipnotisti għal xogħol bħal dan? X'inhuma r-rakkmandazzjonijiet ta' l-awtoritajiet tas-saħħa dwar xogħol ta' ipnotisti bħal dawn?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nixtieq ninforma lill-Onor Interpellant illi d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika ma rċieva l-ebda talba għal permess minn ipnotisti. Ix-xogħol ta` ipnotista mhux regolat bil-liġi u għaldaqstant ma hemm l-ebda ħtieġa għal permess minn dan id-Dipartiment għal tali xogħol.
F'rigward l-użu ta` ipnoterapija għal persuni li jixtiequ jieqfu mit-tipjip, dan huwa meqjus bħala mezz alternattiv bħalma hi l-akupantura. Dawn il-metodi nstabu li jistgħu jkunu ta` għajnuna għal xi wħud.
Jista' l-Ministru jgħid x'homework policy hemm dwar il-matematika fil-form II tal-junior lyceum Zammit Brighella tal-Ħamrun? F'kull ġimgħa kemm jingħata homework lill-istudenti minn kull għalliem tal-matematika?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bħala regola ġenerali fil-Form II jingħata Homework fil-Matematika 4 darbiet fil-ġimgħa. Il-kwantita` tal-homework, jista' jvarja minn klassi għal oħra u minn jum għal ieħor, skond ix-xogħol partikolari li jkun qiegħed isir fil-klassijiet.
Jista' l-Ministru jgħid jistgħux jittieħdu passi (mhux biss ftit umbrelel) biex ikun hemm xi forma ta' lqugħ mix-xemx għall-istudenti tal-JL Magaret Mortimer meta jkunu waqt il-break tagħhom fil-ground tal-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fid-disinn li qiegħed jitħejja għall-bini tas-sala għall-isports fil-Junior Lyceum f'Santa Luċija qiegħda tiġi kkunsidrata struttura li tista' sservi għal ċertu dell mix-xemx. Jibqa' l-fatt li diffiċli tevita x-xemx mill-ispazji aperti fl-iskejjel u għaldaqstant ikun tajjeb li l-istudenti jieħdu l-prekawzjoni skond kif jidhrilhom xieraq p.e. beritta adatta.
Jista' l-Ministru jgħid għaddejjin investigazzjonijiet dwar ħlasijiet ta' allowances li ħadu qraba ta' diplomatiċi li ma kienux intitolati għalihom? F'liema ambaxxata saru dawn il-ħlasijiet mhux dovuti?
Response (BORG, JOE)
Jien infurmat li m'hemmx investigazzjonijiet għaddejjin dwar ħlasijiet ta' allowances li setgħu ħadu qraba ta' diplomatiċi u li ma kienux intitolati għalihom.
Jista' l-Ministru jgħid x'nuqqasijiet irriżultaw, u li hemm riferenza għalihom fit-tweġiba għal mistoqsija parlamentari 33300? X'passi ttieħdu biex jiġu rimedjati tali nuqqasijiet? Meta ġew verifikati li ttieħdu l-passi indikati? Xi spezzjonijiet oħra saru fl-iskola mit-3 ta' Mejju 2002 'l hawn?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li n-nuqqasijiet li għalihom hemm referenza fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 33300 kienu: nuqqas ta` iġiene fil-kurituri, kif ukoll fil-klassijiet, waqt li fil-faċilitajiet sanitarji (toilets) jinħtieġu manutenzjoni u tindif regolari. Il-Kap ta` l-iskola, kif ukoll l-Assistent Direttur ġew mitluba jieħdu passi neċessarji sabiex jiġu rimedjati tali nuqqasijiet fl-iqsar żmien possibbli. Spezzjoni oħra saret fl-iskola indikata minn uffiċjali tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika fis-17 ta` Mejju 2002 fejn instab li kienu għadhom jeżistu ċerti nuqqasijiet.
Il-Kap ta` l-iskola, l-Assistent Direttur, kif ukoll id-Direttur fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex ġew mitluba mill-ġdid sabiex jittieħdu l-passi neċessarji sabiex l-iskola tinżamm fi stat aħjar ta` ndafa.
Spezzjonijiet oħra ser isiru fl-istess skola kull ġimgħa sakemm tali sitwazzjoni tiġi rimedjata.
Jista' l-Ministru jgħid liema junior lyceums u area secondary schools qed jiġi offrut is-suġġett tal-computer studies mill-Form III 'il fuq?
F'kull skola kemm applikaw għal dan is-suġġett għal Form III għas-sena d-dieħla? F'kull skola kemm ġew aċċettati minn dawn l-applikazzjonijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu mill-awtoritajiet konċernati wara li rċevew l-ittra li qed tintbagħat separatament minn għadd ta' ġenituri li wliedhom imorru fl-iskola primarja George Shinas ta' Ħal-Luqa?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 33474 ta' l-istess Onor. Membru.
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija 33295 x'jista' jsir biex l-istudenta msemmija tkun tista' tagħżel il-chemistry fit-tielet sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istudenti tista' toqgħod għall-eżami tad-dħul fil-Junior Lyceum mill-Form II għall-Form III. Darba tikkwalifika tkun tista' tagħżel il-Chemistry fil-Form III. F'dan l-istadju l-istudenta tista' tapplika bħala late applicant.
Jista' l-Ministru jgħid fid-dawl tad-dikjarazzjoni tal-ministru dwar il-kontijiet ta' St. James Cavalier li kellhom defiċjenzi serji, anki jekk tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra, jista' issa jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kontijiet korretti u li jagħtu stampa vera tad-dħul ta' St. James Cavalier mindu fetaħ?
Response (GALEA, LOUIS)
Ma naqbilx ma' l-Onor. Membru li r-rendikont provviżorju ta' dħul u ħruġ ta' St James Cavalier "kellhom defiċjenzi serji". Il-kontijiet relattivi jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra wara li jiġu verifikati mill-Awdituri li ser jiġu inkarigati fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu dwar nuqqasijiet fil-karta ta' l-eżami intermediate tal-Franċiż illum organizzat mill-bord tal-Matsec?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li rigward in-nuqqasijiet fl-eżami Intermediate French, li qiegħed isemmi l-Onor. Membru, il-Bord tal-MATSEC diġa` ħa l-passi meħtieġa billi l-istudenti ġew mogħtija Errata Corrige, qabel beda l-eżami. L-istudenti iffirmaw li ħadu nota ta' dawn in-nuqqasijiet. B'dan il-mod ħadd mill-istudenti ma kellu għalfejn jitfixkel.
Jista' l-Ministru jgħid fl-1999, 2000 u 2001 saru xi rapporti għall-oqsma li jaqgħu taħtek mill-kumpaniji KPMG u Misco?
X'kienu dawn ir-rapporti u f'liema oqsma?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li r-rapporti li saru mill-KPMG u MISCO fis-snin imsemmija huma
Borża ta' Malta KPMG MSE-Strategy & Initiatives - 2000
Tax on Listed Securities - 2000
Draft Securitisation Legislation - 2001
Bank Ċentrali MISCO Stħarriġ dwar in-negozju f'Malta - Kull 3 xhur (ikunu ppubblikati fil-Quarterly Review tal-Bank)
Ċentru għas- MISCO Vacancies Monitoring Services - fuq bażi kontinwa
Servizzi Finanzjarji
Jista' l-Ministru jgħid fl-1999, 2000 u 2001 sar xi xogħol mill-kumpaniji KPMG u Misco għall-oqsma li jaqgħu taħtek? X'kien dan ix-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li matul il-perijodu li rrefera għalih l-Onor. Interpellant, il-kumpanija KPMG għamlet dan ix-xogħol għall-oqsma li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi:
Parir in konnessjoni ma' proposta dwar l-involviment tas-settur private fit-tmexxija tad-djar għall-anzjani.
Konsulenza dwar is-sistemi ta' l-informatika u titjib fis-sezzjoni relattiva fi ħdan il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ.
Il-kumpanija MISCO għamlet dan ix-xogħol:
Rapport dwar l-istruttura organiżżattiva għad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impjiegi.
Riċerka in konnessjoni ma' studju dwar
'Social welfare structures for women in
the Maltese Islands with special regard to women in difficult circumstances'.
Numru ta' mpjegati attendew għal diversi korsijiet organiżżati minn din il-kumpanija.
Il-kumpaniji KPMG u MISCO, bi sħab ma' kumpanija oħra, għamlu studju dwar l-impatt tad-Direttivi ta' l-Unjoni Ewropeja li jikkonċernaw ix-xogħol u s-saħħa u sigurta' fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll assistew fil-preparazzjoni tad-dokumenti relatati mat-talbiet ta' Malta lill-Unjoni Ewropeja għal perijodi ta' tranżizzjoni dwar erba' direttivi li jaqgħu taħt iż-żewġ oqsma msemmija.
Jista' l-Ministru jgħid fl-1999, 2000 u 2001 kemm rapporti saru għall-oqsma li jaqgħu taħtek mill-kumpaniji KPMG u Misco? F'hiex kienu jikkonsistu dawn ir-rapporti?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li bejn l-1999 u l-2001 l-Uffiċċju tad-Direttur Ġenerali (OPM) ikkummissjona żewġ rapporti mill-MISCO, wieħed dwar “European Values Survey” u l-ieħor “Survey on Consumer Confidence and the Economy”. Il-MITTS Ltd ikkummisjonat rapport wieħed mingħand KPMG li kien jikkonsisti f’ “Requirement Analysis for the Land and Estate Management System” u rapport ieħor mingħand il-MISCO li kien jikkonsisti f’riċerka speċifika dwar salarji u benefiċċji li kienu jingħataw fl-industrija tal-Informatika. Tul l-istess żmien il-“Management Efficiency Unit” ikkummissjonat żewġ rapporti mill-MISCO li kienu jirrigwardaw “surveys” dwar “Management Consultancy” waqt li s-“Central Information Management Unit” ikkummissjonat rapport mill-MISCO li kien jikkonsisti f’ “General Public Survey – Perceptions in relation to e-Government”.
Jista' l-uffiċċju nazzjonali tal-istatika jgħid x'persentaġġ:
1 miż-żgħażagħ 16 - 18 jattendu istituzzjoni post-sekondarja
2 miż-żgħażagħ 18 - 22 jattendu l-universita'?
Response (BONNICI, JOSEF)
Minn statistika miżmuma mill-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika jirriżulta li l-persentaġġ ta' żgħażagħ fl-eta' ta' bejn is-sitta u t-tmintax-il sena li attendew istituzzjoni post-sekondarja fl-2000 kien ta' 40.2 fil-mija, filwaqt li dak għal żgħażagħ fl-eta' bejn it-tmintax u t-tnejn u għoxrin sena li attendew korsijiet matul il-ġurnata fl-Universita' matul l-istess sena kien ta' erbatax fil-mija.
Jista' Ministru jgħid x'tip ta' xogħol għandha l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament mal-gvern? Jista' jqiegħed kopja tal-kuntratt fuq il-Mejda tal-Kamra?
Fl-impjieg li għandu, qed jiġu segwiti r-regolamenti eżistenti dwar impjieg mal-gvern? Qed jiġu segwitit r-regolamenti finanzjarji rilevanti?
X'inhuma l-ħlasijiet u benefiċċji oħra li huwa ntitolat għalihom fl-impjieg tiegħu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-assistent personali tiegħi għandu kuntratt, ħlasijiet u benefiċċji skond id-dokument “Engagement of Staff for Private Secretariats” li kont poġġejt fuq il-mejda tal-Kamra.
L-assistant personali tiegħi huwa ukoll iċ-“Chairman” tal-“Core Negotiating Group” li qed imexxi n-negozjati mal-EU u ta’ dan ix-xogħol għandu “allowance” ta’ Lm4,000pa.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija nru. 33302 riferita lilu u cioe, jista' jgħid ma' liema gvernijiet barranin għaddejjin negozjati dwar l-addozzjoni ta' tfal minn ġenituri Maltin? Fiex waslu dawn in-negozjati, pajjiż b'pajjiż, u f'kull każ x'qed iżomm milli jintlaħaq qbil finali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Bħalissa għaddejjin negozjati ma' aġenzija Pollakka, liċenzjata biex tipproċessa intercountry adoptions mill-Gvern Pollakk, bil-ħsieb li jiġi konkluż ftehim dwar adozzjonijiet minn dak il-pajjiż. Għall-istess skop, reċentement saru wkoll kuntatti preliminari mal-Gvernijiet tar-Russja u ta' l-Ukrajna.
Kif diġa' għidt kemm f'dan il-Parlament kif ukoll barra, l-adozzjoni ta' tfal hi ħaġa serjissima. Għalhekk, għalkemm il-Gvern Malti jrid li jirregola l-adozzjonijiet minn pajjiżi barranin permezz ta' ftehim minghajr dewmien żejjed, żgur li mhux sejjer jipperikola l-interessi tat-tfal kif ukoll tal-familji adottivi prospettivi billi jinsisti li jitħaffef il-proċess delikat ta' negozjar.
Jista' l-Ministru jgħid il-korporazzjoni Maltija għall-iżvilupp fl-aħħar ftit snin għamlet xi studju dwar kemm pajjiżna huwa kompettittiv biex jiġbed investiment ġdid lejh - meta mqabbla ma' pajjiżi oħra? X'jirriżulta minn dan l-istudju, jekk sar?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni Maltija ta' l-Iżvilupp, permezz tad-Diviżjoni tal-Marketing u d-Dipartiment tar-Riċerka, tirrevedi b'mod regolari l-pjanijiet u l-operat tagħha fid-dawl ta' l-informazzjoni miġbura mill-uffiċċjali tagħha, inklużi dawk li jinsabu barra minn Malta. L-analiżi tal-klima tas-suq u tal-pożizzjoni kompettitiva tagħna fil-konfront ta' kompetituri ewlenin tifforma parti integrali minn dawn l-eżerċizzi. Suġġetti bħal inċentivi għall-investiment u għajnuna statali offruti mill-kompetituri tagħna, il-prezz tal-proprjeta' industrijali f'pajjiżi oħra, il-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol u "tax regimes" huma segwiti b'mod regolari. Rapporti "ad hoc" jiġu kompilati skond il-ħtieġa. Setturi partikulari, kumpaniji li għandhom jiġu avviċinati kif ukoll pjanijiet ta' marketing speċifiċi jintgħażlu u jitħejjew a bażi ta' din ir-riċerka. Dan kollu jsir fil-parametri kontemplati f'dokument intern li tfassal fil-ħarifa tas-sena 2000.