Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 33692, jista' jgħid x'xogħol għaddej bħalissa ta'
1) manutenzjoni
2) bini
fl-iskejjel?
F'kull każ f'liema skejjel u x'inhi l-istima tax-xogħol u meta hu maħsub li jitlesta?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid hemmx xi problema ta' spazju fil-kindergarten ta' primarja A taz-Zurrieq għas-sena skolastika 2002 -2003? Jirriżulta li ġenituri qed imorru jiktbu lil uliedhom għall-kindergarten għas-sena d-dieħla u qed jgħidulhom li mhux se jaċċettawhom għax m'hemmx spazju għalihom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-iskola Primarja A taż-Żurrieq għadha qed taċċetta ġenituri biex jiktbu lil uliedhom għall-Kindergarten. Jirriżulta li n-numru ta' tfal li ser jidħlu fil-Kindergarten huwa bejn wieħed u ieħor l-istess bħal tas-sena l-oħra. It-tfal kollha miktubin għas-sena skolastika 2002-2003 ser ikunu aċċettati.
Jista' l-Ministru jgħid meta ttieħdet id-deċiżjoni li studenti li joqgħodu għas-Sec tal-istorja jkollhom iwieġbu bl-ingliż biss u mhux jagħżlu jekk iwieġbux bil-Malti jew bl-Ingliż? Meta ġiet ikkomunikata din id-deċizjoni lill-istudenti - kandidati tas-Sec fl-istorja?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kull eżami hu bbażat fuq is-sillabu li joħroġ mill-Bord ta' l-eżami sa minn sentejn qabel.
Fis-sillabu ta' l-Istorja ma hemm imkien indikat li l-istudenti jistgħu jwieġbu bl-Ingliż jew bil-Malti. Għalhekk l-eżaminaturi ma kienux marbuta li jagħtu din l-għażla lill-istudenti fl-ewwel karta ta' l-Istorja, aktar u aktar meta t-tweġibiet għall-mistoqsijiet kienu għażla ta' ismijiet jew kliem, jew ta' sentenzi qosra.
Ma' dan kollu l-eżaminaturi taw l-għażla lill-istudenti biex iwieġbu bl-Ingliż jew bil-Malti fit-tieni karta billi din kienet titlob komponimenti ta' ċertu tul.
Jista' l-Ministru jgħid xi pjani hemm għall-kulleġġ Madre Tereża ta' l-Imsida peress li qed timxi l-kelma li se jingħalaq?
Response (GALEA, LOUIS)
Hemm il-pjan li l-Kulleġġ Madre Tereża jiġi riorganizzat u amalgamat ma' l-Istitut għas-Servizz fil-Komunita` fi ħdan il-Kulleġġ Malti ta' l-Arti, Xjenza u Teknoloġija, meta dan l-Istitut jitwaqqaf.
Jista' l-Ministru jgħid x'ammont ta' containers għaddew mill-Freeport f'Jannar, Frar, Marzu u April tas-snin 1999, 2000, 2001 u 2002?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba hija kif tidher hawn taħt. Tajjeb jingħad li l-figuri għal Jannar, Frar u Marzu 2000, li dwarhom kien ingħata tagħrif fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 15989, ġew riveduti.
XAHAR 1999 2000 2001 2002
Jannar 87,487 78,771 101,635 116,949
Frar 89,645 83,710 87,931 99,041
Marzu 88,411 82,134 93,580 107,599
April 80,942 78,794 92,236 91,844
Jista' l-Ministru jgħid peress li studenti li qagħdu għas-sessjoni prattika ta' l-eżami tal-chemistry f'livell avvanzat tal-Matsec fil-laboratorju ta' l-universita' tħallew jistennew ħafna bla ma kien spjegat lilhom għaliex u kellhom ukoll jaħslu l-apparat qabel jibdew, jista' jivverifika x'ġara u x'rimedju se jkollhom l-istudenti biex ittaffi l-problemi li nħolqu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li din is-sena kien hemm sitt sessjonijiet ta' l-eżami tal-chemistry fil-livell avvanzat fil-laboratorji ta' l-Universita`. Dawn tqassmu fuq tlett ijiem u kull jum ikun hemm sessjoni mid-9.00a.m. sa' nofs in-nhar u sessjoni oħra bl-istess prattiku wara nofs in-nhar. L-istudenti li jmisshom fit-tieni sessjoni jintalbu jiġu f'nofs in-nhar u jinżammu f'lecture room sakemm jitnaddfu u jintramaw mill-ġdid it-tlett laboratorji li jkunu ntużaw filgħodu. Din il-proċedura, li ilha tintuża dawn l-aħħar tlett snin, tieħu bejn tlett kwarti u siegħa u f'dan il-ħin il-kandidati jingħataw spjega ta' dak li jkun qed jiġri. Malli l-kandidati jidħlu fil-laboratorji jintalbu jlaħalħu l-apparat tat-titration bl-ilma distillat. Din hija rutina normali biex l-istudenti jassiguraw irwieħhom li ma jkunx hemm kontaminazzjoni kimika mill-ilma tal-vit, li tista' tagħtihom riżultati ħżiena. Il-proċedura ma ħolqitx problemi fl-assessjar ta' l-istudenti u għalhekk mhux il-każ li jingħata xi rimedju.
Bord għal Twaqqif ta' Skejjel Ġodda — Applikazzjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jagħti t-tagħrif segwenti dwar il-bord imwaqqaf mid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni u l-awtorita` ta' l-ippjanar biex jeżamina l-applikazzjonijiet ġodda għat-twaqqif ta' skejjel, tuition centers kemm fis-settur governattiv kif ukoll tal-privat? Kemm-il darba ltaqa' dan il-bord minn Jannar ta' 2001 sa Diċembru 2001 u minn Jannar 2002 sal-lum? Kemm hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem dan il-bord fil-qasam statali, skejjel tal-knisja, skejjel tal-lingwa Ingliża u skejjel jew ċentri ta' tagħlim privat? Għaliex dan il-bord mhux qed jiltaqa' regolarment?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li rappreżentanti mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u mill-Awtorita` ta' l-Ippjanar jiltaqgħu flimkien bl-iskop li tingħata informazzjoni dwar applikazzjonijiet pendenti. F'dawn il-laqgħat ma jittieħdux deċiżjonijiet. Ir-rappreżentanti iltaqgħu tliet darbiet fil-perjodu bejn Jannar u Diċembru 2001. Minn Jannar 2002 sal-lum iltaqgħu darba u ser jerġgħu jiltaqgħu fil-bidu ta' Ġunju 2002. Barra minn hekk issir kommunikazzjoni bejn iż-żewġ naħat b'mod regolari skond il-ħtieġa.
Bħala applikazzjonijiet pendenti hemm seba' li jirrigwardaw il-qasam statali, xejn għar-rigward ta' Skejjel tal-Knisja, tnejn għal dawk li huma skejjel tal-lingwa Ingliża u tnax minn skejjel jew ċentru ta' tagħlim privat.
Jista' l-Ministru jgħid jirriżultax li għal iżjed minn sena l-kostituzzjoni tal-promotions board ta' l-universita' li mexxa l-proċess għall-għażla għas-sejħa tal-1998 kien qed jikser l-att ta' l-edukazjoni għax kompost kif mhux suppost?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Promotions Board kien ingħata parir legali li baqa' kostitwit regolarment minkejja r-riżenja ta' wieħed mill-ħames membri minħabba raġunijiet ta' natura personali. Ta' min jgħid ukoll li d-deċiżjonijet meħuda kienu dejjem unanimi.
Jista' l-Ministru jgħid jirriżultax li t-terminu ta' żmien ta' tliet snin ħajja tal-promotions board ta' l-universita' għalaq f'Settembru 2001? Meta ġie estiż it-termini? F'liema laqgħa tal-kunsill ġiet deċiża l-estensjoni ta' dan it-termini?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fis-16 ta' Marzu 2000 is-Senat irrijappunta l-membri minnu nominati biex iservu fuq il-Promotions Board sabiex jibqgħu jservu fuq dak il-board sakemm l-eżerċizzju tal-Promotions jiġi terminat. It-terminu tagħhom għadu ma skadiex. Il-Kunsill impliċitament estenda t-teminu għall-eżerċizzju tal-promozzjonijet meta fid-diversi laqgħat ittieħdu deċiżjonijiet biex il-Bord jippreżenta r-rakkomandazzjonijiet tiegħu u biex iħaffef jispiċċa l-eżerċizzju kif reġa' għamel fl-aħħar laqgħa tiegħu tas-16 ta' Mejju.
Fid-dawl tad-deċiżjoni tal-promotions board ta' l-Universita` li ma jaħtarx lil Dr Rena Balzan associate professor, jista' l-Ministru jgħid kif jispjega li awtorita` mondjali fil-qasam ta' studju tagħha bħal Irwin Fridovich ta' l-Universita` rinomata ta' Duke University tal-USA kiteb li: "in my opinion Dr Balzan certaintly merits promotion to the rank of Associate Professor. Were she on our faculty here at Duke, I would make the same recommendations"?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Promotions Board, fil-każ imsemmi bħal fil-każijiet l-oħrajn talab il-parir ta' l-Association of Commonwealth Universities. Din ta' l-aħħar qabdet żewġ esperti biex inidpendentement minn xulxin u indipendentement mill-Promotions Board jagħmlu evalwazzjoni tax-xogħol ta' Dr R Balzan. Iż-żewġ esperti qablu li Dr Balzan ma kellhiex tinħatar Associate Professor. It-tnejn ma kellhom ebda assoċjazzjoni ma' l-applikanta. Dr Fridovich ma kienx wieħed miż-żewġ assessuri mqabbda mill-Association of Commonwealth Universities.
Fid-dawl li l-bord għall-istateġija ta' l-ilsien Nazzjonali ġibed l-attenzjoni tal-persuni li isimhom qed jintbagħat under separate cover minn qabel il-pubblikazzjoni tal-ktieb ''Interventi'' kif jista' jsejjaħ ''malintiż'' id-deċiżjoni li jitħallew barra d-diskosi tal-politiċi fil-konferenza Nazzjonali fi Frar li għadda?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt informat li l-għażla tal-kontenut, il-proof reading u l-pubblikazzjoni tal-ktieb 'Interventi' saru bi ftehim sħiħ bejn il-Bord għall-Istrateġija ta' l-Ilsien Nazzjonali u l-persuni msemmija mill-Onor. Membru. Meta l-Bord kiteb biex jiżdiedu d-diskorsi in-kwistjoni, il-ktieb kien diġa` fl-aħħar fażi ta' l-istampar, bl-issettjar u l-impaġinar kollha lesti.
Jista' l-Ministru jgħid kif jispjega li din is-sena n-nefqa fuq salarji akkademiċi fil-qasam tal-Matsec se tilħaq Lm65,799 meta s-sena li għaddiet din kienet Lm28,781?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ispiża tal-Matsec fejn jidħlu salarji akkademiċi telgħet skond l-estimi finanzjarji minn Lm28,781 għal Lm65,799, għal dawn ir-raġunijiet:
* Wieħed mill-Principal Subject Area Officeres li jidher fl-2001
fis-salarji tan-Non-Academic skond l-agreement ta' l-MUT ġie
kklassifikat bħala Academic, u allura fl-2002 is-salarju tiegħu
qed jidher ma' l-istaff akkademiku.
* Id-Direttur tal-Matsec Unit li biċċa żgħira mis-salarju tiegħu
kienet tiġi ċċarġjata lill-Matsec Unit, fl-2002 is-salarju ta' dan
l-individwu beda jiġi ċċarġjat kollu lill-Matsec.
* Principal Subject Area Officer li ġiet appuntata fl-aħħar parti
ta' l-2001 u allura parti biss mis-salarju annwali tidher fl-2001,
fl-2002 qed jidher is-salarju kollu.
* Principal Subject Area Officer li kien sekondat irritorna l-
Universita` u mela l-post vakanti u allura s-salarju qed
jidher fl-2002.
* Kien hemm il-cost of living mill-01/01.02 u increments fl-2002.
Dawn ir-raġunijiet jispjegaw id-differenza bejn L28,781 u Lm65,799.
Jista' l-Ministru jgħid fir-rendikont finanzjarja li ta' l-universita' li ġie diskuss fil-public accounts committee fit-22-5-2002 dwar it-tmexxija tal-Matsec x'hemm imniżżel bħala general expenses li fl-1999 telgħu għal Lm50,268 waqt li din is-sena mistennija jilħqu Lm77,800?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-General Expenses kif kienu fl-1999 u kif inhuma mistennija ikunu din is-sena huma kif ġej:
General Expenses 1999 2000
Equipment & Furniture 4941 7000
Repairs & Maintenance 836 1800
Office supplies & stationery 3222 6000
Postage 3030 3200
Travelling & accommodation 4016 4300
Communications 639 1000
Hire of Halls 11162 13000
Advertising 1302 2000
Miscellaneous expenses 845 1500
Printing 20275 27500
Bank Commission on applications 0 6500
Services to students with special needs 0 2000
Research 0 2000
Total General Expenses 50268 77800
Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar mill-aħħar min hu accountable biex iwieġeb għan-nuqqasijiet serji li ġraw fl-eżamijiet tal-MATSEC f'suġġetti differenmti fil-livelli Sec, intermediate u avanzat fis-sessjoni kurrenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-karta ta' l-eżami ta' kull suġġett hija responsabbilta` taċ-chairperson tal-paper setters' panel. Kemm iċ-chairperson kif ukoll il-membri tal-panel jingħażlu mill-Bord tal-MATSEC u isimhom jitressaq għall-approvazzjoni tas-Senat. Meta jirriżulta li jkun hemm xi nuqqas serju f'xi karta, il-Bord tal-MATSEC jieħu ħsieb biex jingħata rimedju xieraq sabiex l-istudenti ma jiġux ippenalizzati.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu mill-awtoritajiet tas-saħħa b'ko-ordinazzjoni ma' dawk edukattivi fid-dawl ta' l-istħarriġ li sar mill-għaqda dinjija tas-saħħa fejn irriżulta li hemm problemi ta' ħxuna fost it-tfal Maltin u Għawdxin?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-problema ta` ħxuna fil-fatt hija problema ta` tliet kwarti mill-Maltin. Għaldaqstant, din il-problema tinsab fit-tfal kif ukoll fl-adoloxxenti. Qabel ma tiġi mfassla strateġija ta` azzjoni, trid issir verifikazzjoni xjentifika tas-sitwazzjoni nazzjonali f'dan ir-rigward. Id-Diviżjoni tas-Saħħa se tikkonsulta ma` esperti barranin li għandhom esperjenza f'dan il-qasam, bħalma qed isir f'pajjiżi Ewropej u l-Canada, biex taffronta din l-problema fuq livell nazzjonali.
Jista' issa l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33468: Jista' jgħid kemm kienu dawk il-ħaddiema fil-ministeri, dipartimenti, fondazzjonijiet u entitajiet oħra tal-gvern u ċivil, bħal sptarijiet u skejjel, li mis-sena 1998 ingħataw allowances għal pożizzjonijiet ġodda li huma ogħla mis-substantive grade tagħhom? Jista' jgħid kemm għola gradi non-substantive kull ħaddiem f'kull każ?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qiegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-ittra ta' Prof. EA Mallia, mibgħuta lill-President Dr A Camilleri bid-data tat-8 ta' Mejju 2002, ġietx diskussa fil-kunsill ta' l-Universita`? Jista' jgħid jekk itteħditx xi deċiżjoni dwarha? Fil-każ. x'deċiżjonijiet ittieħdu?
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija nru. 33467, jista' jgħid x'xogħol għaddej bħalissa ta'
1) manutenzjoni
2) bini
fl-iskejjel?
F'kull każ f'liema skejjel u x'inhi l-istima tax-xogħol u meta hu maħsub li jitlesta?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li d-Direttur konċernat jinsab imsiefer u l-informazzjoni miksuba għadha ma ġietx verifikata, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'sodisfazzjon b'mod ta' rapporti serji u dokumentati ngħataw il-membri tal-kunsill ta' l-Universita` dwar id-deċiżjonijiet tal-promotions board fl-għażla tal-ħatriet fis-sejħa li ħarġet għal staff akkademiku fl-1998? Fiex kienu jikkonsistu dawn ir-rapporti dokumentati?
Jista' l-Ministru jgħid f'liema junior lyceums, area secondary schools hemm il-ħsieb li jiġi offrut l-ECDL? Minn meta se jiġu offruti dawn il-korsijiet tal-ECDL?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul din is-sena s-sillabu ta' l-I.T. ġie rivedut biex jinkludi fih il-komponenti kollha ta' l-ECDL.
Fi tmiem din is-sena l-għalliema ta' l-I.T. se jiġu mħarrġa għal dan it-tibdil biex b'hekk mis-sena skolastika li ġejja (2002-2003) is-sillabu rivedut jiġi ntrodott fl-ewwel sena ta' l-Area Secondary Schools u Junior Lyceums kollha.
It-tkomplija ta' l-introduzzjoni ta' dan is-sillabu sseħħ b'mod gradwali sena wara sena sakemm jilħaq il-ħames sena.