Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #33932 Sitting 753 2002-06-11 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Mellieħa — Manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministu jgħid meta se jsir ix-xogħol meħtieġ fuq il-grada u l-ħajt ta' quddiem taċ-ċimiterju tal-Mellieħa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma l-Onor Interpellant li waqt laqgħa li kienet saret fid-9 ta` Frar 2001 għas Sindki tan-naħa ta` fuq ta` Malta flimkien mad-Deputati taż-żewġ naħat tal-Kamra kien ġie diskuss fost l-oħrajn ix-xogħol li kellu jsir fiċ-Ċimiterji tat-Tramuntana fosthom dak tal-Mellieħa. Waqt laqgħat oħra li saru bħala follow-up ta` dik il-laqgħa ġie deċiż li x-xogħol fuq il-ħajt ser isir fuq bażi voluntarja minn residenti, u li l-grada tinbidel b'waħda ġdida fil-futur qarib.

Xogħlijiet Pubbliċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema tad-distrett tax-xogħlijiet pubbliċi allokati mal-kunsill lokali tal-Mellieħa? Kemm hemm minnhom allokati fuq xogħol f'Għajn Tuffieħa fuq il-proġett tal-iscouts? Fiż-żewġ każi f'hiex jikkonsisti x-xogħol li qed jagħmlu dawn il-ħaddiema?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li s-Sezzjoni tad-Distretti m'għandha l-ebda nies allokati mal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa. Fuq il-proġett ta' Għajn Tuffieħa, is-Sezzjoni tad-Distretti allokat ħamsa min-nies u xufier. Dawn qegħdin jagħmlu xogħol ta' bini ta' ħitan, twittija ta' konkos u xogħol ieħor li jkun hemm bżonn.

Pont tal-Mistra

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi problemi strutturali jeżistu fil-pont tal-Mistra? Meta saret l-aħħar sorvelja tal-bini tiegħu? Xi nstab? Xi pjani hemm biex isir x-xogħol meħtieġ? Meta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq ħareġ sejħa għall-offerti għall-proposti dwar it-tiswija tal-pont tal-Mistra u l-offerta qegħda tiġi aġġudikata.

Pont tal-Mellieħa

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi problemi strutturali jeżistu fil-pont tal-Mellieħa li jgħaqqad it-triq prinċipali ma' Triq Dun Franġisk Sciberras? Hemm xi pjan biex issir it-tiswija meħtieġa? Meta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi l-Kunsill Lokali informa lid-Direttorat tat-Toroq bil-ħtieġa li jiġi spezzjonat il-pont ta' Triq Adenaw u d-Direttorat qed jieħu ħsieb li ssir l-ispezzjoni meħtieġa.

Pembroke — Luna Park - Spetturi tas-Saħħa u Sigurta`

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm xi spetturi tas-saħħa u s-sigurta` li marru jiċċekkjaw jekk il-volum qawwi ta' mużika tal-luna park f'Pembroke hijiex fil-limiti permissibbli? Xi spezzjonijiet għamlu? X'riżultati kien hemm f'dawn l-ispezzjonijiet? X'passi ttieħdu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-Awtorita' għas-Saħħa u s-Sigurta' fuq il-Post tax-Xogħol, li hi responsabbli li jiġu osservati l-provedimenti tal-liġi dwar is-saħħa u s-sigurta' tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol, ma rċeviet ebda rapport dwar l-ilment imsemmi mill-Onor. Interpellant. B'dankollu, l-Awtorita' ser tieħu l-passi neċessarji biex jiġi aċċertat li l-ħaddiema fl-istabbiliment indikat ma jsofrux dannu għal saħħithom.
Leg 9 PQ #33920 Sitting 752 2002-06-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Mosta — Skola Sekondarja Lily of the Valley

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi ħsarat strutturali jirriżulta li hemm fis-sala ta' l-iskola sekondarja Lily of the Valley tal-Mosta? X'effett ħallew dawn il-ħsarat fuq il-bqija tal-bini ta' l-iskola/ X'passi se jittieħdu biex jissewwew dawn il-ħsarat u meta?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li qed jiġu verifikati analiżi fuq is-saqaf tal-concrete tas-sala tal-imsemmija skola li x'aktarx ikun hemm bżonn li jinbidel. S'issa ma rriżulta ebda effett ieħor fuq il-bqija tal-bini ta' l-iskola.
Leg 9 PQ #33921 Sitting 752 2002-06-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Mellieħa — Tas-Sellun - Ċimiterju

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir ix-xogħol li hemm ippjanat għar-riabilitazzjoni taċ-ċimiterju militari fl-inħawi tas-Sellun fil-Mellieħa biex ikun jista' jintuża mir-residenti tal-lokal? X'xogħol se jsir? Se jiġu offruti għall-bejgħ l-oqbra taċ-ċimiterju? Meta?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li x-xogħol li hemm ippjanat għar-riabilitazzjoni taċ-Ċimiteru militari fl-inħawi tas-Sellun fil-Mellieħa, aktar magħruf bħala tal-Jugoslavi għadu qed jiġi studjat. Diskussjonijiet diġa' saru mal-Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar x'permessi jkunu meħtieġa għax-xogħol eventwali. Ix-xogħol meħtieġ fuq oqbra, passaġġi, w soqfa huwa estensiv. Wara li tali xogħol jitlesta w in-numru ta' oqbra għall-bejgħ jiġi determinat, dawn jingħataw kif isir f'ċimiterji oħra tal-Gvern, skond il-waiting list li diġa' qiegħda tinżamm.
Leg 9 PQ #33925 Sitting 752 2002-06-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'permessi hemm għall-attivita' li għaddejja tal-luna park f'Pembroke? Għal liema jiem u għal liema ħinijiet tista' topera din il-luna park?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-luna park imsemmija mill-Onorevoli Interpellant għandha permess li topera mit-2 sad-29 ta` Ġunju 2002, bejn id-9.00am u s-1.00pm u mill-5.00pm sa nofs il-lejl. Dan il-permess tal-Pulizija inħareġ wara li kien hemm clearance mid-Dipartiment tal-Artijiet u mill-Kunsill Lokali.
Leg 9 PQ #33926 Sitting 752 2002-06-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija

Question

Jista' l-Ministu jgħid xi lmenti rċeviet il-pulizija dwar storbju mil-luna park f'Pembroke? X'passi ħadet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija kellha ilmenti permezz ta` telefonati anonimi, li f`dan il-luna park kienet qed tindaqq mużika b`volum għoli. Dan kien għal ħabta ta` l-10.30pm. Il-Pulizija aċċediet fuq il-post fejn instab illi l-mużika li kien hemm kienet tali li normalment ikun hemm f`dawn il-luna parks. Madankollu il-persuna responsabbli ġiet imwissija mill-Pulizija sabiex ma toħloqx inkonvenjent.
Leg 9 PQ #33927 Sitting 752 2002-06-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija

Question

Jista' l-Ministu jgħid x'livell ta' volum ta' mużika għandu permess il-luna park f'Pembroke? X'evalwazzjoni saret mill-pulizija dwar il-livell ta' volum permess?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-permess maħruġ mill-Pulizija għal luna park imsemmija mill-Onorevoli Interpellant huwa li l-mużika tista` tindaqq biss sal-11.00pm. Jekk ikun hemm ilmenti l-Pulizija tinvestiga u tieħu l-passi meħtieġa skond dak li jirriżulta.
Leg 9 PQ #33845 Sitting 751 2002-06-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kunsill ta' l-Universita'

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 33694, jista' jgħid x'sodisfazzjon b'mod ta' rapporti serji u dokumentati ngħataw il-membri tal-kunsill ta' l-Universita` dwar id-deċiżjonijiet tal-promotions board fl-għażla tal-ħatriet fis-sejħa li ħarġet għal staff akkademiku fl-1998? Fiex kienu jikkonsistu dawn ir-rapporti dokumentati?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kunsill aġixxa u aċċetta bl-istess mod kif dejjem aġixxa u aċċetta qabel fejn bordijiet ta' għażla mwaqqfin minnu taw rakkomandazzjonijiet tagħhom, speċjalment fejn dawn saru b'mod unanimu. Informat li r-rapporti li ta l-Promotions Board lill-Kunsill kienu dejjem verbali u ta' natura kunfidenzjali.
Leg 9 PQ #33847 Sitting 751 2002-06-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kunsill ta' l-Universita'

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 33691, jista' jgħid jekk l-ittra ta' Prof. EA Mallia, mibgħuta lill-President Dr A Camilleri bid-data tat-8 ta' Mejju 2002, ġietx diskussa fil-kunsill ta' l-Universita`? Jista' jgħid jekk itteħditx xi deċiżjoni dwarha? Fil-każ, x'deċiżjonijiet ittieħdu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ittra ta' Professor E A Mallia ġiet diskussa fil-Kunsill tas-16 ta' Mejju 2002. Naturalment id-diskussjonijiet tal-Kunsill huma kunfidenzjali. Id-deċiżjoni li kien ħa l-Kunsill dwar il-promozzjonijiet ma nbidlitx.
Leg 9 PQ #33848 Sitting 751 2002-06-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

OPM — Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija 33688, jista' jgħid kemm kienu dawk il-ħaddiema fil-ministeri, dipartimenti, fondazzjonijiet u entitajiet oħra tal-gvern u ċivil, bħal sptarijiet u skejjel, li mis-sena 1998 ingħataw allowances għal pożizzjonijiet ġodda li huma ogħla mis-substantive grade tagħhom? Jista' jgħid kemm għola gradi non-substantive kull ħaddiem f'kull każ?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #33850 Sitting 751 2002-06-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

MISCO/KPMG

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'rapporti, stadji u xogħol ieħor li tqabbdu jagħmlu l-kumpanji MISCO u KPMG għall-ministeru, xi dipartiment jew entita' li jaqa' taħt il-ministeru fis-snin 1999, 2000 u 2001?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #33855 Sitting 751 2002-06-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Unjoni Ewropea — Pariri Professjonali lill-Gvern

Question

B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 33639, kif jispjega l-fatt il-Ministru li l-kuntratt għadu mhux finalizzat u l-persuna li magħha se jsir il-kuntratt diġa` bdiet ix-xogħol tagħha permezz ta' laqgħat?

Response (BORG, JOE)

Nixtieq ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-kuntratt in kwistjoni li għalih saret riferenza fil-Mistoqsijiet Parlamentari numri 33435 u 33639, issa ġie ffinaliżżat u ffirmat fil-31 ta' Mejju, 2002. Kopja ta' dan il-kuntratt qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. Nikkonferma li saru xi laqgħat mal-persuna li tirrapreżenta d-ditta li magħha issa ġie iffirmat il-kuntratt waqt li kienu għaddejin d-diskussjonijiet dwar l-istess kuntratt.
Leg 9 PQ #33773 Sitting 750 2002-06-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

VAT — Fotokopji għal skop edukattiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk is-servizz tal-fotokopji għal skop edukattiv hemmx it-taxxa tal-VAT fuqu? Jekk fl-affermattiv, minn meta daħlet fis-seħħ it-taxxa tal-VAT fuq is-servizz tal-fotokopji għal skop edukattiv?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-VAT fuq is-servizz tal-fotokopji ta' dokumenti hija ta' 15%. Din ir-rata ta' taxxa ilha hekk sa mid-dħul tal-VAT fl-1 ta' Jannar 1995.
Leg 9 PQ #33778 Sitting 750 2002-06-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Klassijiet Primarji — Bdiel ta' PCs

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jibdew jinbidlu l-PCs li daħlu fil-klassijiet primarji fis-snin li għaddew biex jiġu aġġornati b'mudelli iżjed riċenti? Fil-każ li iva, x'se jsir mill-PCs li jitneħħew? Hemm xi ħsieb li joffruhom għall-bejgħ lill-familji li jixtiequ jixtruhom għat-tfal tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ma hemmx pjani biex il-PCs fil-klassijiet tal-primarja jinbidlufis-sena 2003.
Leg 9 PQ #33785 Sitting 750 2002-06-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Computer Studies

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 33605, jista' jgħid liema junior lyceums u area secondary schools qed jiġi offrut is-suġġett tal-computer studies mill-form III 'il fuq? F'kull skola kemm applikaw għal dan is-suġġett għal form III għas-sena d-dieħla? F'kull skola kemm ġew aċċettati minn dawn l-applikazzjonijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li sa mis-sena skolastika 1994-95 l-istudenti kollha mill-Form I sa Form V f'kull Junior Lyceum u f'kull Area Secondary ibbenefikaw mis-suġġett obbligatorju ta' l-IT. Fl-iskejjel primarji t-tfal kollha qed isiru midħla ta' l-IT permezz tat-tagħlim li qed jingħataw bil-computer. Barra minn hekk issa dħalna fil-fażi fejn it-tfal jingħataw il-ħiliet meħtieġa biex iħaddmu software, l-email u l-internet. Informat ukoll li s-suġġett tal-computer studies huwa wieħed mis-suġġetti li jiġi offrut bħala għażla (option) mill-Form III 'l fuq fil-Junior Lyceums kollha u mill-Form IV fl-Area Secondaries kollha. Minħabba l-limitazzjoni ta' riżorsi ta' għalliema fis-suġġett u apparat issir għażla ta' liema studenti jiġu aċċettati. L-għażla ssir fuq kriterju ta' marki li l-istudenti jġibu fl-eżamijiet ta' nofs is-sena fil-Matematika, fl-Ingliż u fl-IT. Lista ta' kemm applikaw studenti u kemm qed jiġu aċċettati f'kull skola qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Mobile Phones

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 33504, jista' jgħid matul is-snin 2001 u 2002 s'issa xi spezzjonijiet saru mill-istrutturi rilevanti dwar il-livell ta' radjazzjoni elettro-manjetika tal-mobile phone base stations imwaħħla fuq bjut ġewwa l-Imġarr, Malta? Kemm saru minn dawn l-ispezzjonijiet? X'irriżulta minnhom? Meta saru?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li fil-11 ta' Frar 2002 saru tlett spezzjonijiet mid-Dipartiment tat-Telegrafija Mingħajr Fili fejn sar kejl tar-radjazzjoni fil-viċinanzi ta' mobile phone base station installat fl-Imġarr, Malta. Fil-fatt jirriżulta li l-livelli mkejjla fl-inħawi madwar dan il-base station kienu anqas minn 1.5% tal-livelli ta' espożizzjoni permissibli għall-pubbliku ġenerali kif stabbiliti mir-rapport intitolat Report on Recommendations for Limiting Human Exposure to Time-Varying Electric, Magnetic and Electro-magnetic Fields in the Frequency Range from 0Hz and to 300GHz li ġie ppreparat minn Kumitat inter-dipartimentali magħmul mill-Ministeru għas-Saħħa flimkien mall-Ministeru għall-Politika Soċjali u dak għat-Trasport u Kommunikazzjoni.