Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa t-tinda li tpoġġiet fis-sala tal-wirjiet fil-Kavallier ta' San Ġakbu? Mnejn inxtrat? B'liema sejħa ta' offerti nxtrat? Kemm damet imwaħħla? Għaliex m'għadhiex f'postha?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-tinda ġiet kostruita mill-Kumpanija Sign It għall-prezz ta' Lm7475 fuq ordni diretta tal-Fondazzjoni Patrimonju Malti bi qbil ma' l-Isteering Committee for the National Arts Centre. It-tinda kient meħtieġa bħala protezzjoni għall-għamara antika li ġiet esibita waqt il-wirja organizzata mill-istess Fondazzjoni għall-perjodu kollu tal-wirja f'Marzu u April li għadda.
Peress li għadda xahar u nofs mindu l-Ministru qal li deċiżjoni dwar it-tifla riferita f'mistoqsija parlamentari 33297 se "tittieħed fi żmien qasir", jista' jgħid jekk itteħditx din id-deċiżjoni u x'kienet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-deċiżjoni ttieħdet u l-ewwel kellhom jiġu informati dawk konċernati qabel it-tagħrif isir pubbliku.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tfal li ġew referiti lill-istatementing board u li s'issa għadhom ma ġewx assessjati?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba hi kif se nsemmi:
Applikazzjonijiet Assessjati
Skejjel ta' l-Istat (Malta/Għawdex)
Jannar - Diċembru 2001 291 117
Jannar - Ġunju 2002 107 40
Skejjel tal-Knisja
sena 2001 60 26
sena 2002 21 21
Għawdex - sena 2002 16 7
Informat ukoll li ħafna mill-applikazzjonijet ta' l-2001 għadhom pendenti minħabba li ħafna mill-ġenituri naqsu li jibgħatu d-dokumentazzjonijiet mediċi neċessarji.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-gvern fuq il-punt imqajjem fil-petizzjoni mibgħuta lilu bid-data tat-13 ta' Ġunju 2002 mill-bdiewa li jaħdmu r-raba' taħt tal-Virtu` bit-talba li l-gvern jara li l-"l-ftehim li Malta għamlet mas-Santa Sede jiġi rispettat in toto u art agrikola tibqa' wżata bħala tali"?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nixtieq niġbed l-attenzjoni ta’ l-Onorevoli Interpellant li l-Għaqda Bdiewa Progressivi permezz tas-Segretarju tagħha s-Sur Joseph Farrugia mhux l-ewwel darba li attirat l-attenzjoni tal-Gvern għall-materja tal-bini tal-“golf course”. Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta’ ittra iffirmata mis-Sur Farrugia, Segretarju tal-Għaqda Bdiewa Progressivi datata 19 ta’ April 1998.
Ma jidhirx li l-kontenut ta’ din l-ittra jaqbel mal-petizzjoni msemmija.
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jitqassmu t-Lm3 miljuni lid-depożitanti tal-BICAL li nġabru mill-kontollur li nħatar dwar il-każ?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li qed jittieħdu passi biex il-bilanċ li għad hemm dovut lid-depożitanti tal-BICAL jitħallas kemm jista' jkun malajr. Jiena ma nafx minfejn l-Onorevoli Membru ġab iċ-ċifra li kkwota u li hi l-bogħod ħafna mir-rejalta.
B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 34067 jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dokumenti li juru l-pożizzjoni tal-Gvern Malti għat-talbiet li għamel dwar l-ilsien Malti fin-negozjati għal sħubija fl-Unjoni Ewropea?
Response (BORG, JOE)
Niġbed l-attenzjoni ta' l-Onorevoli Interpellant għat-tieni paragrafu tar-risposta tiegħi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34067 fejn għidt li l-pożizzjoni li ħadet l-Unjoni Ewropea kienet tirrifletti l-pożizzjoni tal-Gvern Malti dwar il-lingwa u allura n-negozjati setgħu jingħalqu bl-aċċettazzjoni da parti tal-Unjoni Ewropea fil-pożizzjoni komuni tagħha li 'from accession, Maltese will be recognised as an authentic language of the Treaties as well as an official and a working language to be used by the European Institutions'.
Ta' min wieħed ifakkar li xhur qabel ma ngħalqu n-negozjati il-Gvern Malti ħaseb biex jibda jittrraduċi kemm t-Trattati kif ukoll l-acquis communautaire għal-lingwa Maltija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ilu vakanti l-post ta' kap tad-dipartiment tal-banking & finance fil-fakulta' tal-FEMA fl-universita'? Meta hemm il-ħsieb li jintela sew dan il-post u mhux jibqa' b'acting head? X'inhuma r-raġunijiet li ma nteliex dan il-post?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-post ta' Kap tad-Dipartiment tal-Banking and Finance ġie vakanti wara r-riżenja voluntarja ta' Dr Joseph Falzon f'April 2000.
Id-Dipartiment jikkonsisti fi tliet membri li wieħed minnhom huwa l-persuna li kienet irriżenjat u t-tnejn l-oħra għadhom kemm ġew appuntati u għad ma għandhomx l-esperjenza biżżejjed meħtieġa biex isiru kapijiet. Huwa għalhekk li ġie maħtur bħala "Acting Head" il-Kap tad-Dipartiment ta' l-Ekonomija. Barra minn hekk, il-Fakulta` għaddejja minn eżerċizzju ta' ristrutturar. Għaldaqstant m'huwiex propizju li jiġi appuntat kap ġdid.
Jista' l-Ministru issa jwieġeb mistoqsija parlamentari 34220 u jgħid x'intlaħaq mill-miri ta' l-ewwel pjan strateġiku ta' l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu, inkluż it-3% żieda fir-rata ta' turisti li kellhom jaslu f'pajjiżna fil-medda ta' snin li għalihom jgħodd l-ewwel pjan strateġiku?
Response (REFALO, MICHAEL)
Peress li għad m’inhix f’qagħda nwieġeb għall-Mistoqsija li għaliha qed jirreferi l-Onor. Interpellant, m’għandix x’inżid mat-tweġiba li diġa’ tajt.
Jista' l-Ministru issa jwieġeb mistoqsija parlamentari 34237 u għid x'riżorsi ħarġet il-Maltacom biex timbotta 'l quddiem il-kandidatura tas-Sur Tonry de Borro għall-post ta' segretarju ġenerali ta' l-organizzazzjoni dinjija tat-telekomunikazzjoni - ITU?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li r-riżorsi li ħarġet il-Maltacom in konnessjoni mal-kandidatura tas-Sur de Bono għall-post ta' Segretarju Ġenerali ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tat-Telekomunikazzjoni (ITU) kien jinvolvi spejjeż li normalment ikunu inkorsi f'kampanji ta' din it-tip.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 34238, jista' jgħid xi spejjeż daħlet fihom il-Maltacom fil-vjaġġi u l-kampanja elettorali li għamel is-Sur Tony de Bono fil-pajjiżi tad-Danimarka, Iżlanda, Libanu, Afrika ta' Isfel, Svizzera, Renju Unit, Stati Uniti u Venezuela biex jinħatar segretarju ġenerali ta' l-ITU?
Response (BONNICI, JOSEF)
Matul il-kampanja Elettorali għall-post ta' Segretarju Ġenerali ta' l-International Telecommunications Union, il-kandidat Malti għamel tmien vjaġġi barra minn Malta. L-ispejjeż involuti, u li jkopru l-vjaġġi, l-akkomodazzjoni, l-assikurazzjoni u ħwejjeġ oħra, jammontaw għal Lm7,865. Ta' min jgħid li din is-somma tkopri kemm l-ispejjeż konnessi ma' l-elezzjoni kif ukoll materji li minnhom ibbenifika il-Grupp Maltacom.
Tajjeb jingħad li minbarra l-aspett ta' l-elezzjoni, matul dawn il-vjaġġi, il-kandidat Malti kien ukoll involut direttament f'dawn il-konferenzi fil-kariga uffiċċjali li għandu mal-Grupp Maltacom.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 34296 peress li kulma qed jiġi mitlub huwa aġġornament bit-tagħrif mogħti bi tweġiba għall-mistoqsija 32001 f'Marzu li għadda?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti mill-iskejjel (Malta u Għawdex) li ser itemmu l-edukazzjoni tagħhom fi tmien din is-sena skolastika huwa kif ġej:
Skejjel ta' l-Istat Subien Bniet
Skejjel Sekondarji 732 651
Junior Lyceums 756 1038
Boy's/Girl's Schools 185 67
Skejjel tal-Knisja 762 580
Skejjel Indipendenti 185 136
Peress li t-tagħrif mitlub jista' jingħata fi print-out mingħajr ma jħarbat ix-xogħol tar-riżultati jista' issa jagħti t-tagħrif mitlub f'mistoqsija 34291?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub dwar in-numru ta' studenti li qagħdu għall-eżamijiet tas-SEC, suġġett b'suġġett mid-diversi taqsimiet ta' l-iskejjel sekondarji qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rakkmandazzjonijiet li hemm riferenza għalihom fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 34196 peress li din hija materja ta' interess pubbliku?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu biex tissewwa l-ħsara li hemem fil-kanna ta' l-ilma nieżla lejn il-bajja ta' Għajn Tuffieħa li minnha qed jintilef u jinħela ħafna ilma?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ġiet infurmata b'dan il-każ biex tieħu l-azzjoni relattiva mill-aktar fis possibbli.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 33333 meta se jiġu pubblikati d-diversi tenders għax-xogħlijiet meħtieġa fl-iskola primarja ta' Bormla? Meta se jsir ix-xogħol meħtieġ?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li qed nivverifika t-tagħrif miġbur, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jittieħdu l-passi meħtieġa biex residenti fi Triq Viani f'Tas-Sliema jkollhom is-servizz ta' l-ilma wara li ilhom tlett ijiem bla ilma fid-djar tagħhom b'ħafna tbatija għalihom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma qed tħejji l-pjanijiet biex jinbidlu l-mains ta' l-ilma bil-ħsieb li titjieb il-pressa ta' l-ilma fi Triq Viani f'Tas-Sliema. Dan qed isir minħabba li s-sistema tad-distribuzzjoni ta' l-ilma f'din it-triq tinsab fi stat ħażin b'konsegwenzi li l-pressa titbaxxa.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed iżomm milli titressaq riżoluzzjoni fil-Parlament biex jiġġedded iċ-ċens tal-Każin Malti b'kundizzjonijiet aġġornati b'mod adegwat biex ikun jista' jsir ix-xogħol meħtieġ għall-ħarsien u użu aħjar ta' l-istrutturi tal-bini tal-Każin Malti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ċ-ċens ta` l-art fejn jinsab il-Każin Malti baqalu sentejn u nofs oħra biex jiskadi.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokumentazzjoni li l-fondazzjoni għall-iskejjel ta' għada bagħtet lill-Ministeru tiegħu biex ikun possibbli li l-kumpanija Kalaxlokk twettaq xogħol fl-iskola primarja ta' Wied il-Għajn, kif ukoll kopja ta' l-awtorizzazzjoni maħruġa mill-ministeru tal-finanzi li tippermetti li l-istess kumpannija twettaq tali xogħlijiet?
Response (DALLI, JOHN)
Filwaqt li nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-talba tal-Fondazzjoni qed tiġi pproċessata mill-Ministeru tiegħi, ma rridx nissopponi li hu kontra li jsir x-xogħol maħsub fl-iskola primarja ta' Wied il-Għajn, speċjalment fil-perjodu tal-vaganzi tas-sajf, u lanqas li x-xogħol jitwettaq mill-kumpanija Kalaxokk.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti subien u bniet li qagħdu għall-eżamijiet tas-SEC, suġġett b'suġġett mill-iskejjel, sekondarji tal-istat, junior lyceums, tal-knisja u tas-snajja fis-sessjoni Mejju 2002?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob lillOnorevoli Interpellant jagħmel ilmistoqsija lillMinistru konċernat.